Diskors spontanju tal-Qdusija Tiegħu:

 

Jien ktibt diskors għalikom, imma l-lum ġrat xi ħaġa.  Ħtija tiegħi, għax tajt żewġ udjenzi, ma ngħidx fl-istess ħin, imma kważi.  Għalhekk ippreferejt ngħaddilkom id-diskors f’idejkom, għax tedjanti noqgħod naqrah, u issa naqsam magħkom kelmtejn jew tlieta li forsi jistgħu jgħinukom.

 

Sa minn meta Piju XII ħaseb għal dan, u mbagħad ħarġet il-Provida Mater Ecclesia, kien ġest rivoluzzjonarju fil-Knisja.  L-istituti sekulari huma sewwa sew ġest ta’ kuraġġ li għamlet il-Knisja f’dak iż-żmien; tat struttura, tat istituzzjonalità lill-istituti sekulari.  U minn dak iż-żmien sal-lum kbir hu l-ġid li qed tagħmlu lill-Knisja, b’kuraġġ, għax hemm bżonn il-kuraġġ biex tgħix fid-dinja.  Ħafna minnkom waħidhom, fl-appartament tagħhom, jidħlu, joħorġu; xi wħud f’komunitajiet żgħar.  Kuljum, tħaddnu l-ħajja ta’ persuna li tgħix fid-dinja, u fl-istess waqt tgħożżu l-kontemplazzjoni, din id-dimensjoni kontemplattiva mal-Mulej u anki fil-konfront tad-dinja, tikkontemplaw ir-realtà, kif tikkontemplaw il-ħwejjeġ sbieħ tad-dinja, u anki d-dnubiet ħoxnin tas-soċjetà, id-devjazzjonijiet, dawk il-ħwejjeġ kollha, u dejjem f’tensjoni spiritwali…  Għalhekk il-vokazzjoni tagħkom hi affaxxinanti, għax hi vokazzjoni li tinsab propju hemm, fejn qed tiġi deċiża s-salvazzjoni mhux biss tal-persuni, imma ta’ l-istituzzjonijiet.  U ta’ tant istituzzjonijiet lajċi meħtieġa fid-dinja.  Għalhekk jien ta’ din il-fehma, li bil-Provida Mater Ecclesia l-Knisja għamlet ġest tassew rivoluzzjonarju!

 

Nawguralkom li żżommu dejjem dan l-atteġġjament li tmorru lil hemm, u mhux biss lil hemm, imma lil hemm u fil-qalba, hemm fejn qed jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha: il-politika, l-ekonomija, l-edukazzjoni, il-familja… hemm!  Forsi jista’ jkun li tiġikom it-tentazzjoni li taħsbu: “Imma jien x’nista’ nagħmel?”.  Meta tiġikom din it-tentazzjoni ftakru li l-Mulej kellimna dwar il-ħabba tal-qamħ!  U ħajjitkom hi bħall-ħabba tal-qamħ… hemm; hi bħall-ħmira… hemm.  Hi li tagħmlu kull ma hu possibbli biex is-Saltna tiġi, tikber u tkun b’saħħitha u anki ddellel taħtha lil ħafna nies, bħas-siġra tal-mustarda.  Aħsbu f’dan.  Ħajja ċkejkna, ġest ċkejken; ħajja normali, imma ħmira, żerriegħa, li tkabbar.  U dan ikun li jfarraġkom.  F’dan il-bilanċ fuq is-Saltna ta’ Alla r-riżultati ma jidhrux.  Il-Mulej biss jista’ jagħtina li nħossu xi ħaġa…  Ir-riżultati narawhom hemm fuq.

 

U għalhekk hu importanti li jkollkom ħafna tama!  Hi grazzja li intom għandkom titolbu lill-Mulej, dejjem; it-tama li ma tqarraq qatt.  Qatt ma tqarraq!  Tama li timxi ’l quddiem.  Il-parir tiegħi hu li taqraw ta’ spiss il-kapitlu 11 ta’ l-Ittra lil-Lhud, dak il-kapitlu tat-tama.  U titgħallmu li ħafna minn missirijietna terrqu din il-mixja u ma rawx ir-riżultati, imma sellmulhom mill-bogħod.  It-tama…  Dan hu dak li nawguralkom.  Grazzi ħafna għal dak li tagħmlu għall-Knisja; grazzi ħafna għat-talb u l-għemejjel.  Grazzi tat-tama.  U tinsewx: kunu rivoluzzjonarji!

 

* * *

 

Diskors imħejji mill-Qdusija Tiegħu:

 

Għeżież ħuti,

 

Fl-okkażjoni ta’ l-Assemblea tagħkom, nilqagħkom u nsellmilkom billi ngħidilkom: naf u napprezza l-vokazzjoni tagħkom!  Hi waħda mill-forom l-aktar riċenti ta’ ħajja kkonsagrata magħrufa u approvati mill-Knisja, u forsi għalhekk għadha ma ġietx mifhuma b’mod sħiħ.  Taqtgħux qalbkom: intom tagħmlu parti minn dik il-Knisja li noħlom jien, fqira u dejjem lesta biex toħroġ!

 

B’vokazzjoni, intom lajċi u saċerdoti bħall-oħrajn u qalb l-oħrajn, tgħixu ħajja ordinarja, xotta minn kull sinjal li jidher minn barra, mingħajr it-tweżin ta’ ħajja komunitarja, mingħajr id-dehra ta’ appostolat organizzat jew ta’ ħidmiet speċifiċi.  Intom għonja biss bl-esperjenza ta’ l-imħabba ta’ Alla li fiha tiġbor kollox, u għalhekk għandkom il-ħila tagħrfu u taqsmu flimkien il-ħidma iebsa tal-ħajja fl-għadd ta’ espressjonijiet tagħha, u ttellgħulha l-għaġna bid-dawl u l-qawwa tal-Vanġelu.

 

Intom sinjal ta’ dik il-Knisja fi djalogu li dwarha jitkellem Pawlu VI fl-Enċiklika Ecclesiam suam: “Billi ebda salvazzjoni ma tista’ tingħata lid-dinja minn barra – jafferma – jeħtieġ l-ewwel nett illi, kif għamel l-Iben ta’ Alla li sar bniedem, aħna nsiru ħaġa waħda ma’ dawk li nixtiequ nwasslulhom il-messaġġ ta’ Kristu; jeħtieġ imbagħad illi, mingħajr kliem li ma jiftehimx, inħaddnu d-drawwiet tagħhom, basta jkunu jixirqu lill-bnedmin u jkunu onesti, speċjalment id-drawwiet ta’ l-aktar ċkejknin, jekk irridu li l-oħrajn jisimgħuna u jifhmuna; jeħtieġ ukoll li qabel ma nkellmuhom, nagħmlu ħilitna biex nisimgħu l-kliem anzi l-qalb tal-bnedmin, biex wara mhux biss nifhmuhom u nirrispettawhom, imma, sakemm jista’ jkun, nikkuntentawhom: jeħtieġ ukoll li filwaqt li rridu nkunu rgħajja u għalliema, inġibu ruħna wkoll ta’ aħwa.  Dak li l-aktar isaħħaħ id-djalogu hija l-ħbiberija u l-għemil ta’ ġid” (nru 90).

 

It-tema ta’ l-Assemblea tagħkom, “Fil-qalba tal-ġrajjiet umani: l-isfidi ta’ soċjetà kumplessa”, tindika liema hu l-qasam tal-missjoni tagħkom u tal-profezija tagħkom.  Intom fid-dinja imma m’intomx tad-dinja, u ġġorru fikom l-essenzjal tal-messaġġ Nisrani: l-imħabba tal-Missier li jsalva.  Intom fil-qalba tad-dinja bil-qalb ta’ Alla.

 

Il-vokazzjoni tagħkom tagħmel minnkom persuni interessati f’kull bniedem u fl-aktar ħtiġijiet profondi tiegħu, li spiss jibqa’ ma jesprimihomx jew iħallihom mgħottija b’maskra.  Bil-qawwa ta’ l-imħabba ta’ Alla li ltqajtu magħha u għaraftuha, intom kapaċi tkunu qrib ta’ l-oħrajn u turu ħlewwa magħhom.  Hekk tistgħu tkunu hekk qrib li taslu biex tmissu lill-ieħor, il-ġrieħi tiegħu u x-xewqat tiegħu, il-mistoqsijiet tiegħu u l-ħtiġijiet tiegħu, b’dik il-ħlewwa li hi espressjoni ta’ għożża li tneħħi kull distanza li tifred.  Bħas-Samaritan li għadda mill-qrib u ra u ħenn.  Hawn hu l-moviment li lejh timpenjakom il-vokazzjoni tagħkom: tgħaddu qrib ta’ kull bniedem u ssiru proxxmu għal kull persuna li magħha tiltaqgħu; għax il-waqfa tagħkom f’din id-dinja m’hix sempliċement kundizzjoni soċjoloġika, imma hi realtà teologali li qed issejħilkom biex tkunu konxji, attenti, kapaċi tilmħu, taraw u tmissu l-ġisem ta’ ħukom.

 

Jekk dan ma jseħħx, jekk sirtu distratti, jew agħar u agħar, għadkom ma sirtux tafu lil din id-dinja ta’ żmienna, imma tafu u tiffrekwentaw biss id-dinja li hi l-aktar komda għalikom jew l-iżjed li tgħammxilkom għajnejkom, allura hi urġenti konverżjoni!  Din tagħkom hi vokazzjoni li min-natura tagħha tfittex li toħroġ, mhux biss għax twassalkom għand l-ieħor, imma anki u fuq kollox għax titlob minnkom li tgħixu hemm fejn jgħix kull bniedem.

 

L-Italja hi l-pajjiż bl-akbar għadd ta’ Istituti Sekulari u ta’ membri.  Intom ħmira li taf tagħmel ħobż tajjeb għal ħafna, dak il-ħobż li għalih hemm tant ġuħ: is-smigħ tal-bżonnijiet, tax-xewqat, tad-delużjonijiet, tat-tama.  Bħal min ġie qabilkom fil-vokazzjoni tagħkom, tistgħu tagħtu mill-ġdid it-tama liż-żgħażagħ, tgħinu lill-anzjani, tiftħu toroq lejn il-futur, ixxerrdu l-imħabba f’kull post u f’kull sitwazzjoni.  Jekk ma jseħħx dan, jekk il-ħajja ordinarja tagħkom tibqa’ nieqsa mix-xhieda u mill-profezija, allura, nerġa’ ntennilkom, hi urġenti konverżjoni!

 

Titilfu qatt il-ħeġġa li timxu fit-toroq tad-dinja, dak l-għarfien li l-mixi, anki jekk b’passi inċerti jew biz-zapzip, hu dejjem aħjar milli tibqgħu weqfin, magħluqa fil-mistoqsijiet tagħkom jew fiċ-ċertezzi tagħkom.  Il-passjoni missjunarja, il-ferħ tal-laqgħa ma’ Kristu li jixprunakom biex taqsmu ma’ l-oħrajn il-ġmiel tal-fidi, ibiegħdu minnkom ir-riskju li tibqgħu mwaħħlin fl-individwaliżmu.  Il-ħsieb li jipproponi lill-bniedem bħala l-arkitett tiegħu nnifsu, immexxi biss mill-għażliet tiegħu u minn xewqatu, spiss imlibbsa bil-libsa tal-libertà u tar-rispett li minn barra tidher sabiħa, ikun jirriskja li jheżżeż il-pedamenti tal-ħajja kkonsagrata, speċjalment dik sekulari.  Hu urġenti li tirrivalutaw is-sens ta’ appartenenza għall-komunità vokazzjonali tagħkom li, propju għax tistrieħ fuq ħajja komuni, issib il-qawwa tagħha fil-kariżma.  Għalhekk, jekk kull wieħed u waħda minnkom isir għall-oħrajn possibbiltà prezzjuża ta’ laqgħa ma’ Alla, dan ifisser li nkunu qed niskopru mill-ġdid ir-responsabbiltà li bħala komunità nsiru profezija, li nfittxu flimkien, b’umiltà u bis-sabar, kelma bis-sens li tista’ tkun don għall-pajjiż u għall-Knisja, u li nixhdu għaliha bis-sempliċità.  Intom bħal antenni lesti biex taqbdu l-messaġġi ġodda li jqanqal l-Ispirtu s-Santu, u tistgħu tgħinu lill-komunità ekkleżjali tagħmel tagħha din il-ħarsa ta’ tjieba u ssib toroq ġodda u kuraġġjużi biex tilħaq lil kulħadd.

 

Foqra qalb il-foqra, imma b’qalbkom tħeġġeġ.  Qatt weqfin, imma dejjem mexjin.  Flimkien u mibgħuta, anki meta intom waħidkom, għax il-konsagrazzjoni tagħmel minnkom xrara scintilla ħajja ta’ Knisja.  Dejjem f’mixja b’dik il-virtù li hi virtù pellegrina: il-ferħ!

 

Grazzi, għeżież, għal dak li intom.  Il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom.  U itolbu għalija!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard