Għeżież ħuti,,

Għandi pjaċir niltaqa’ magħkom issa personalment, għax nista’ ngħid li b’xi mod diġà kont nafkom.  Mhux wisq ilu il-Kongregazzjoni għall-Isqfijiet u għall-Knejjes Orjentali ippreżentawkom lili.  Intom il-frott ta’ ħidma sfiqa u tat-talb bla heda tal-Knisja li, meta jkollha tagħżel ir-Rgħajja tagħha, tkun trid tqiegħed fis-seħħ il-lejl li l-Mulej għadda jitlob fuq il-muntanja fil-preżenza ta’ Missieru qabel ma’ sejjaħ lil dawk li Hu ried miegħu u biex jintbagħatu fid-dinja.

Għalhekk fil-persuna tal-Kardinali Ouellet u Sandri, nirringrazzja lil dawk kollha li taw kontribut biex jippreparaw l-għażla tagħkom bħala Isqfijiet u li ħadmu ħafna biex jorganiżżaw dawn il-jiem ta’ laqgħat, li żgur ħallew ħafna frott, li fihom ħassejna l-ferħ li tkun Isqof, mhux ferħ iżolat imma f’komunjoni, li kollettivament inħossu r-responsabbiltà tal-ministeru episkopali u l-ħerqa għall-Knisja ta’ Alla kollha kemm hi.

Jiena naf il-kurrikulu ta’ ħajjitkom u għandi ħafna tama fil-potenzjalità tagħkom.   Issa nista’ ngħaqqad l-ewwel esperjenza tagħkom li ġbart mill-karti, mal-uċuħ, u wara li smjat dwarkom, nista’ nisma’ personalment it-taħbita tal-qalb ta’ kull wieħed minnkom u nħares fiss lejn kull wieħed biex nara fih il-bosta tamiet pastorali li Kristu u l-Knisja tiegħu qed ipoġġu fikom.  Hu sabiħ li fil-wiċċ tara mera tal-misteru ta’ kull wieħed u tkun tista’ taqra fih kemm kien Kristu li għażilkom.  Hu ta’ faraġ li naffermaw li Alla ma jħallix lill-għarusa tiegħu nieqsa minn Ragħajja skont ix-xewqa ta’ qalbu.

Għeżież ħuti, il-laqgħa tagħna qed isseħħ fil-bidu tal-mixja episkopali tagħkom.  L-istgħaġib tal-għażla tagħkom għadda; issuperajtu l-ewwel biżgħat ta’ meta l-Mulej ippronunzja isimkom; anki l-emozzjonijiet li ħassejtu fil-konsagrazzjoni tagħkom issa jibdew jintefgħu ftit ftit fil-memorja u l-piż tar-responsabbiltajiet jibda jagħfas b’xi mod fuq l-ispallejn fraġli tagħkom.  Iż-żejt tal-ispirtu li ssawwab fuq raskom għadu jfewwaħ u ftit ftit nieżel fuq il-ġisem tal-Knejjes afdati f’idejkom mill-Mulej.  Diġà qed tħossu li l-Ktieb tal-Evanġelju miftuħ fuq raskom sar dar li fiha wieħed jista’ jgħammar flimkien mal-Verb t’Alla u ċ-ċurkett f’idkom il-leminija, li xi drabi jinħass issikkat iżżejjed u drabi oħra jirriskja li jiżolqilkom minn sebgħajkom, xorta waħda fih il-qawwa li jwaħħad ħajjitkom ma’ Kristu  u mal-Għarusa tiegħu.

Jien u niltaqa’ magħkom għall-ewwel darba, nitlobkom prinċipalment li qatt ma tqisu l-ministeru li ġie afdat lilkom bħala xi ħaġa skontata, nitlobkom biex ma titilfux l-istgħaġib tagħkom quddiem il-pjan t’Alla u lanqas tibżgħu li timxu bil-kuxjenza fil-preżenza tiegħu u fil-preżenza tal-Knisja li, qabel kolllox, hija tiegħu. F’xi rokna ġewwa fikom jeħtieġ li żżommu mkennen dan ir-rigal li rċevejtu, tevitaw li jitmermer u ma tħalluhx isir fieragħ.

Issa ppermettuli nkellimkom bis-sempliċità dwar xi temi li huma għall-qalbi.  Inħoss id-dmir li nfakkar lir-Rgħajja tal-Knisja dwar ir-rabta li ma tinħallx bejn il-preżenza stabbli tal-Isqof u t-tkabbir tal-merħla.  Kull riforma awtentika tal-Knisja ta’ Kristu tibda mill-preżenza, minn dik ta’ Kristu li ma tabbandunana qatt, imma wkoll dik tar-Ragħaj li jmexxi f’isem Kristu.  U din mhix xi rakkomadnazzjoni tax-xewqa.  Meta r-Ragħaj jinħeba, meta ma jinstabx, hemm fin-nofs il-kura pastorali u s-salvazzjoni tal-erwieħ (Digriet De Reformatione tal-Konċilju ta’ Yrentu IX).  Dan kien jgħid, bir-raġun kollu l-Konċilju ta’ Trentu.

Infatti fir-Rgħajja li Kristu jżejjen bihom lill-Knisja, Hu stess iħobb lill-Għarusa tiegħu u jagħti ħajtu għaliha (Efesin 5, 25-27).  L-imħabba tqiegħed fuq l-istess livell li dawk kollha li jaqsmuha bejniethom, għalhekk, kull ma’ hu sabiħ fil-Knisja ġej minn Kristu, imma hu minnu wkoll li l-umanità glorifikata tal-Għarus ma ddisprezzatx il-karatteristiċi tagħna.  Jingħad li wara snin ta’ ħajja f’għaqda instensa u fil-fedeltà, anki fil-koppji umani s-sinjali tal-fiżjonomija bejn il-miżżewġin ftit ftit jitwaħħdu u l-koppji jispiċċaw biex isiru jixxiebħu.

Intom marbutin b’ċurkett ta’ fedeltà mal-Knisja li ġiet fdata f’idejkom jew li intom imsejħin biex taqdu. L-imħabba lejn l-Għarusa ta’ Kristu ftit ftit twassalkom biex tħallu l-marka tagħkom fuq il-wiċċ tagħha u biex fl-istess ħin iġġorru fikom it-traċċi tad-dehra tagħha.  Għalhekk hemm ħtieġa ta’ intimità, assidwità, kostanza u paċenzja.

Isqfijiet li jkunu kuntenti superfiċjalment mhemmx ħtieġa tagħhom; hemm bżonn ninżlu fil-fond biex insibu dak li l-Ispirtu għadu jkompli jdawwal bih lill-Għarusa tagħkom.  Jekk jogħġobkom tkunux Isqfijiet bi skandenza, li dejjem għandhom bżonn ibiddlu l-indirizz, tkunux bħall-mediċini li jitilfu l-ħila li jfejqu jew bħall-ikel bla togħma li hu tajjeb għar-rimi għax m’għadux utli (Mattew 5,13).

Hu importanti li l-qawwa li tfejjaq, li tnixxi mill-intimu tar-rigal li rċevejtu, ma timblukkawhiex u dan jiddefendikom mit-tentazzjoni li titbandlu mingħajr għan preċiż, għax ebda “riħ mhu favorevoli għal min ma jkunx jaf fejn sejjer”.  U aħna tgħallimna fejn għandna mmorru: immorru dejjem għand Ġesù.  Aħna qiegħdin infittxu biex niskopru «fejn joqgħod», għax it-tweġiba li Hu kien ta lil tal-ewwel ma tispiċċa qatt: «Ejjew u taraw» (Gwanni 1, 38-39).

Biex tgħixu dejjem sħiħ fil-Knejjes tagħkom jeħtiġilkom tgħixu dejjem fiH u ma taħarbu qatt minnu: għixu fil-Kelma tiegħu, fl-Ewkaristija tiegħu, fil-«ħwejjeġ ta’ Missieru» (Luqa 2,49) u, fuq kollox, fis-salib tiegħu.  Tieqfux għal żjara qasira imma ibqgħu għixu għat-tul!  Hekk kif il-lampa ta’ quddiem it-Tabernakli fil-Katidrali maestużi tagħkom jew fil-kappelli ċkejknin ma tintefa’ qatt, bl-istess mod il-Merħla m’għandha qatt tieqaf issib f’għajnejkom il-fjamma tal-Irxoxt.  Għalhekk mhux Isqfijiet bla ħeġġa u pessimisti, li jserħu biss fuqhom infushom u għalhekk iċedu għad-dlam tad-dinja, jew rassenjati li t-tajjeb hu tellief u li issa inutli li ngħajtu għax l-fortizza tinsab taħt attakk qawwi.  Il-vokazzjoi tagħkom mhix li tkunu gwardjani ta’ massa falluta, imma ħarriesa tal-“Evangelii Gaudium”, li jfisser li intom ma tistgħux tiċċaħdu mill-unika rikkezza li nistgħu nagħtu verament imma li d-dinja ma tistax tagħti lilha nnifisha: il-ferħ tal-imħabba t’Alla.

Nitlobkom ukoll biex ma ċċedux għat-tentazzjoni li taħsbu li tridu tibdlu l-poplu.  Ħobbu lill-poplu li takom Alla anki meta dan ikun “għamel dnubiet kbar”, mingħajr heda ibqgħu “itilgħu għand il-Mulej” biex tiksbu l-maħfra u bidu ġdid, anki jekk il-prezz li tħallsu jkun li taraw jitħassru ħafna immaġni foloz tal-wiċċ divin jew il-fantasiji li tkunu bnejtu dwar kif tqanqlu l-komunjoni tal-poplu ma’ Alla (Eż 32, 30-31).  Tgħallmu s-setgħa umli imma irreżistibbli tas-sostituzzjoni vikarja li hi l-uniku għerq tar-redenzjoni.

Anki l-missjoni, li saret tant urġenti, titwieled mill-istess sentenza ta’ Ġwanni «Araw fejn jgħammar il-Mulej u ibqgħu miegħu» (Ġwanni 1, 39).  Hu biss min jiltaqa’, jibqa’ u jgħix li jikseb il-faxxinu u l-awtorevolezza biex imexxi d-dinja lejn Kristu (Ġwanni 1, 40-42).  Qed naħseb dwar tant persuni li għandna nressqu lejH.  Is-saċerdoti tagħkom, fl-ewwel post.  Hemm tant li m’għadhomx ifittxu fejn joqgħod Hu, jew li qed jgħixu f’ambjenti eżistenzjali mwarrbin, uħud anki fl-emarġinazzjoni.  Oħrajn, li l-paternità episkopali għejiethom, jew li, forsi għejew ifittxuha fil-vojt, issa qed jgħixu qiesu m’għadx hemm missirijiet jew għandhom l-illużjoni li m’għadnhomx bżonnhom lill-missirijiet.  Neżortakom biex fikom tikkultivaw bħala Missirijiet u Rgħajja, ħin, li fih tkunu tistgħu tiltaqgħu mas-saċerdoti tagħkom: tirċevuhom, tilqugħhom, tisimgħuhom, tiggwidawhom.  Irridkom tkunu Isqfijiet li jinstabu mhux minħabba l-kwantità ta’ meżżi tal-komunikazzjoni li waqqfu, imma bis-saħħa tal-ispazju interjuri li toffru biex tilqgħu lill-persuni bil-ħtiġijiet konkreti tagħhom u ttuhom it-tagħlim tal-Knisja sħiħ u fil-wisa’ tiegħu kollu, u mhux bħala katalgu ta’ qrid u tgergir.  U kulħadd għandu jkun milqugħ l-istess, mingħajr diskriminazzjoni u toffru l-fermezza tal-awtorità li sseddaq il-ħlewwa tal-paternità li tkunu qed tiġġeneraw.  U, jekk jogħġobkom, taqgħux fit-tentazzjoni li tissagrifikaw il-libertà tagħkom għax tiġbru madwarkom qrati, xbieki jew kori li jgħidu iva, għax minn xuftejn l-Isqof il-Knisja u d-dinja għandhom id-dritt isibu dejjem l-Evanġelu li jagħmilhom ħielsa.

Imbagħad hemm il-poplu t’Alla afdat f’idejkom.  Meta, fil-mument tal-konsagrazzjoni tagħkom, tħabbar l-isem tal-Knisja tagħkom, hemm kien jilma wiċċ Alla li kien qed itikom rigal.  Dan il-poplu għandu bżonn il-paċenzja tagħkom biex tieħdu ħsiebu, biex tgħinuh jikber.  Naf tajjeb kemm kiber id-deżert fi żmienna.  Għalhekk jeħtieġ li timitaw il-paċenzja ta’ Mosè biex tmexxu lill-poplu tagħkom, mingħajr il-biża li tistgħu tmutu fl-eżilju, imma billi tużaw kull uqija tal-enerġija tagħkom mhux għalikom, imma biex lill-poplu li qed tmexxu ddaħħluh f’Alla.  Xejn mhu aktar importanti ħlief li ndaħħlu lill-bnedmin f’Alla!  Nirrikmandalkom fuq kollox liż-żgħażagħ u lill-anzjani.  Tal-ewwel għax huma l-ġwienaħ tagħna u tat-tieni għax huma l-għeruq tagħna.  Ġwienaħ u għeruq li mingħajrhom la nafu x’aħna u lanqas ‘il fejn sejrin.

Fi tmiem il-laqgħa tagħna ippermettu lis-Suċċessur ta’ Pietru jħares lejkom mill-għoli tal-Misteru li jgħaqqadna b’mod irrevokabbli.  Illum, li qed nara lilkom personalment, lilkom li intom mera tar-rikkezza ineżawribbli tal-Knisja mxerrda mad-dinja kollha, fikom l-Isqof ta’ Ruma jgħannaq lill-Kattolika.  Mhux meħtieġ niftakru fis-sitwazzjonijiet uniċi u drammatiċi ta’ jiemna.  Kemm nixtieq li jidwi, permezz tagħkom, f’kull Knisja, messaġġ ta’ inkoraġġiment.  Meta tmorru lura lejn djarkom, huma fejn huma, wasslu t-tislima u l-imħabba tal-Papa u aċċertaw lin-nies li huma dejjem f’qalbu.

Fikom nara s-sentinelli li għandhom ħila jqajjmu lill-Knejjes tagħhom, tqumu qabel is-sebħ jew f’nofs ta’ lejl biex tkebbsu mill-ġdid il-fidi, it-tama, il-karità; mingħajr ma tippermettu li tongħosu jew li tikkonformaw mal-ilment nostalġiku ta’ passat għammiel li issa għeb.  Inżlu aktar fil-fond tal-għejjun tagħkom, bil-kuraġġ li tridu tneħħu l-qxur li kesa s-sbuħija u l-enerġija tal-antenati pellegrini u missjunarji tagħkom li ħawwlu l-Knisja u ħolqu civiltaijiet.

Nara fikom irġiel li għandhom ħila jikkultivaw u jimmaturaw l-għelieqi ta’ Alla, li fihom il-miżrugħ frisk qed jistenna par idejn lesti li jsaqquh kuljum biex jittamaw fi ħsad ġeneruż.

Fl-aħħar, nara fikom Rgħajja bil-ħila li jerġgħu jġibu l-għaqda, bil-ħila li jinsġu xbieki, li jraqqgħu, li jirbħu t-tifrik.  Iddjalogaw bir-rispett mat-tradizzjonijiet il-kbar li intom imdawrin bihom, mingħajr biża’ li se tintilfu u mingħajr il-bżonn li tiddefendu l-fruntieri tagħkom għax l-identità tal-Knisja hija mmarkata mill-imħabba ta’ Kristu li m’għandhiex fruntieri. Filwaqt li tindukraw bil-ġelożija l-ħerqa għall-verità, tużawx enerġija biex tieħduha kontra xi ħadd jew xi ħaġa jew biex tiġġieldu, imma biex tibnu u tħobbu.

B’hekk, għassiesa, rġiel bil-ħila li jikkultivaw l-għelieqi ta’ Alla, Ragħajja li jimxu ‘l quddiem, fost u wara l-merħla, insellmilkom, inħaddankom, nawguralkom fekondità, paċenzja, umiltà u ħafna talb.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber