Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Wasaltu kważi fi tmiem dawn il-jiem fejjieda f’Ruma biex tidħlu aktar fil-fond tal-għana tal-misteru li għalih Alla sejħilkom bħala Isqfijiet tal-Knisja.  Insellem bi gratitudni lill-Kongregazzjoni tal-isqfijiet u lill-Kongregazzjoni tal-Knejjes Orjentali.  Insellem lill-Kardinal Ouellet u rroddlu ħajr għall-kliem ta’ kortesija li ndirizzali u d-diskors fratern.  Lill-Kardinal Ouellet u l-Kardinal Sandri nixtieq irroddilhom ħajr għall-ħidma ġeneruża fin-nomina tal-Isqfijiet u għall-impenn fit-tħejjija ta’ din il-ġimgħa.  Inħossni ferħan li qed nilqagħkom u li nista’ naqsam magħkom xi ħsibijiet li jitnisslu fil-qalb tas-Suċċessur ta’ Pietru meta quddiemi qed nara lil dawk li “stagħdet” il-qalb ta’ Alla biex imexxu lill-Poplu Qaddis.

1. Il-biża’ li aħna maħbubin minn qabel

Iva!  Alla jasal qabilkom minħabba l-għarfien tiegħu mimli mħabba!  Hu “stgħadkom” bis-sunnara tal-ħniena soprendenti tiegħu.  Ix-xbieki tiegħu bdew jingħalqu b’mod misterjuż u intom ma kellkomx ħaġ’oħra x’tagħmlu ħlief li tħallu li tinqabdu fihom.  Naf tajjeb li għadkom imbeżżgħin meta tiftakru fis-sejħa tiegħu li waslitilkom minn leħen il-Knisja, l-Għarusa tiegħu.  M’intomx tal-ewwel li tħossu dan il-biża’.

Hekk ħassu Mosè, li mingħalih kien waħdu fid-deżert imma nduna li Alla sabu u ġibu lejH biex itih Ismu, mhux biex iżommu għalih imma biex jagħtih lill-popolu tiegħU (cfr Eż: 3).  Jafdalu l-Isem għall-poplu, tinsewhiex din.  U l-għajta ta’ tbatija tal-poplu tiegħu għada titla’ lejn Alla u kunu afu li did-darba Alla ried isemmi isimkom biex intom twasslu Ismu lill-poplu.

Hekk ħassu Natanjel, li meta Alla rah “taħt it-tina” (Ġw 1,48) bi stagħġib tiegħu sab ruħu jindokra viżjoni mis-smewwiet li kienu qed jinfetħu darba għal dejjem.  Hekk hu, il-ħajja ta’ ħafna għad għandha din il-fetħa li tagħti lejn l-għoli, nieqsa.  U intlemaħtu mill-bogħod biex tmexxuhom lejn din id-destinazzjoni.  Tikkuntentawx b’anqas!  Tieqfux nofs triq!

L-istess ġralha s-Sammaritana, li l-Imgħallem “għarafha” biswit il-bir tal-villaġġ, li mbagħad sejjħet lil sħabha biex jiltaqgħu ma’ Dak li għandu l-Ilma Ħaj (cfr Ġw 4, 16-19).  Importanti li tagħrfu li fil-Knejjes tagħkom mhux meħtieġ tfittxu “minn baħar għal ieħor”, għax il-kelma li n-nies għandhom il-ġuħ u l-għatx għaliha jistgħu jsibuha fuq fommkom (cfr Am 8,11-13).

Anki l-Appostli ħassew din it-tkexkixa meta nkixfulhom “il-ħsibijiet ta’ qlubhom” u bi tbatija kbira skoprew kif jidħlu fit-triq sigrieta ta’ Alla, li jgħammar fiċ-ċkejknin u jinħeba minn min hu mimli bih innifsu (cfr Lu 9,46-48).  Tistħux mill-fatt li ġew fuqkom drabi li l-ħsibijiet ta’ Alla ħassejtuhom bogħod minnkom.  Anzi, insew l-awtosuffiċjenza biex bħat-tfal, tintelqu f’Dak li jikxef is-Saltna tiegħu liċ-ċkejknin.

Saħansitra l-Fariżej kienu xxukkjati min tkexkixa bħal din, meta spiss il-Mulej kien jikxfilhom il-maskra u jurihom li jaf ħsibijiethom, li kienu tant jippretendu li jridu jkejlu s-setgħa ta’ Alla bid-djuq tal-viżjoni tagħhom u kienu tant midgħajja li kienu jgemgmu kontra l-libertà sovrana tal-imħabba salvifika tiegħu (Matt. 12,24-25).  Alla jeħliskom milli din it-tkexkixa xxejnuha, timmansawha u tneżżugħa mill-qawwa “destabiliżżanti” tagħha.  Ħalluha “tiddestabiliżżakom”: dan hu tajjeb għall-isqof.

2. Konformità ammirevoli!

Sabiħ li wieħed iħalli l-għarfien mimli mħabba ta’ Alla, jinfdu.  Hu ta’ faraġ inkunu nafu li Hu jaf min aħna u ma jibżax mill-faqar tagħna.  Hu ta’ faraġ li l-qalb tgħożż il-fakra ta’ leħnu li sejjaħ propju lilna, minkejja d-dgħufijiet tagħna.  Titnissel il-paċi meta nistrieħu fuq iċ-ċertezza li se jkun Hu, u mhux aħna, li jwassal għall-milja dak li Hu stess beda.

Illum ħafna jinkixfu u jinħbew.  Iħobbu jibnu l-persunaġġi u jivvintaw il-profili.  Isiru lsira tar-riżorsi miżeri li jkunu ġemmgħu u li jiggranfaw magħhom qiesu huma biżżejjed biex jixtru l-imħabba li m’għandhex prezz.  Ma jifilħux għat-tkexkixa li jagħrfu li xi Ħadd jafhom, xi Ħadd li hu akbar minnhom u ma jistmellx ix-xejn tagħna, li hu Qaddis u ma jċanfarx id-dgħufija tagħna, hu verament twajjeb u l-ġrieħi tagħna ma jiskandaliżżawhx.  Għalikom m’għandux ikun hekk: ħallu din it-tikexkixa taħkimkom, tneħħuhiex, issikktuhiex.

3. Ngħaddu mill-qalb ta’ Kristu, il-veru Bieb tal-Ħniena.

Għaldaqstant, meta nhar il-Ħadd li ġej tgħaddu mill-Bieb tal-Ġublew tal-Ħniena, li ġibed lejn Kristu miljuni ta’ pellegrini mill-Belt u mid-Dinja, nistedinkom biex tgħixu esperjenza personali qawwija ta’ gratitudni, rikonċiljazzjoni, fiduċja sħiħa u allura tal-ħajja personali mogħtija mingħajr riservi lir-Ragħaj tar-Rgħajja.

Meta tgħaddu minn Kristu, il-bieb waħdieni, iffissaw għajnejkom fuq il-ħarsa tiegħu.  Ħalluh imisskom “miserando et eligendo”.  L-akbar għana li tistgħu tieħdu lura magħkom minn Ruma, fil-bidu tal-ministeru episkopali tagħkom, hu li tagħrfu l-ħniena li biha Hu ħares lejkom u għażilkom.  It-teżor waħdieni li nitlobkom ma tħalluhx isaddad fikom hu ċ-ċertezza li intom m’intomx mitluqin waħedkom.  Intom Isqfijiet tal-Knisja, sehem minn Episkopat wieħed, membri ta’ Kulleġġ li ma jinfiridx, imħawwlin sod bħala friegħi umli tad-dielja, li mingħajrha ma tistgħu tagħmlu xejn (Ġw 15,48).  Minħabba li issa ma tistgħux tmorru aktar imkien waħedkom, għax magħkom iġġorru l-Għarusa afdata lilkom bħala siġill ittimbrat fil-qalb tagħkom, xħin tgħaddu mill-Bieb tal-Ġublew ġorru fuq spallejkom il-merħla tagħkom: mhux waħedkom!, bil-merħla fuq spallejkom, u f’qalbkom l-Għarusa tagħkom, il-Knejjes tagħkom.

4. Id-dmir li l-ħniena tagħmluha ħidma pastorali.

Mhix biċċa xogħol ħafifa.  Staqsu lill-Mulej, li hu għani fil-ħniena, liema hu s-sigriet biex il-ħniena tiegħu ssir pastorali fid-djoċesijiet tagħkom.  Infatti, jeħtieġ li l-ħniena tifforma u tinforma l-istrutturi pastorali tal-Knejjes tagħna.  Ma jfissirx li wieħed jistenna anqas jew inkella li nbiegħu l-perli tagħna b’irħis.  Anzi, l-unika kundizzjoni li l-perla prezzjuża tesiġi minn min isibha hi, li tqanqal fil-qalb ta’ min ikun sabha l-ħtieġa li jirriskja kollox bis-sħiħ basta tkun tiegħu.

Tibżgħux tipproponu l-ħniena bħala sintesi ta’ dak li Alla joffri lid-dinja, għax il-qalb tal-bniedem ma tista’ tixxennaq għal xejn akbar.  Jekk dan ma jkunx biżżejjed biex “irattab lil min hu iebes, isaħħan lill-inġazzat, jidritta dak li hu mgħawweġ hemm xi ħaġ’oħra li jista’ jkollha setgħa fuq il-bniedem?  Allura aħna nkunu kundannati disperatament għal stat li fih ma nkunu nistgħu nagħmlu xejn aktar.  Forsi l-biżgħat tagħna jkollhom is-saħħa li jopponu l-ħitan u jikxfu x-xquq?  Jaqaw l-insikurezzi u l-isfiduċja tagħna għandhom ħila jqanqlu l-ħlewwa u l-faraġ fis-solitudni u l-abbandun?

Kif għallimna l-meqjum u għaref predeċessur tiegħi, «hija l-ħniena li trażżan l-ħażen.  Hi tiġbor fiha in-natura unika ta’ Alla – il-qdusija tiegħu, is-setgħa tal-verità u tal-imħabba».  Hija «l-mod li bih Alla jieqaf lis-setgħa tad-dlamijiet bis-setgħa diversa u divina», appuntu «dik tal-ħniena» (Benedittu XVI, Omelija 15 ta’ April, 2007).  Għalhekk tħallux s-seħer prepotenti tad-dlam ibeżżgħakom.  Żommu bla mittiefsa ċ-ċertezza ta’ dik is-setgħa umli li biha Alla jħabbat fuq il-qalb ta’ kull bniedem: qdusija, verità, imħabba.  Biex il-ħniena tkun pastorali, il-Knejjes afdati f’idejkom għandkom tagħmluhom imkejjen fejn isibu kenn il-qdusija, il-verità u l-imħabba.  Isibu kenn qieshom mistednin li ġew minn fuq, li aħna ma nistgħux insiru padruni tagħhom, imma li dejjem għandna nkunu ta’ servizz lejhom u ntennu: «Tibqax għaddej mingħajr ma tieqaf għand il-qaddej tiegħek» (Ġen 18,3): li hi l-petizzjoni ta’ Abraham.

5. Tliet rakkomandazzjonijiet biex il-ħniena tagħmluha pastorali

Nixtieq noffrilkom kontribuzzjoni ta’ tliet ħsibjiet żgħar għal dan ix-xogħol immens li qed jistennikom: dak li tirrendu pastorali, permezz tal-ministeru tagħkom, il-ħniena, cioè: dak li tirrendu pastorali, permezz tal-ministeru tagħkom, il-ħniena, aċċessibbli, tanġibbli, akkoljenti.

5.1. Kunu Isqfijiet bil-ħila li tgħaġġbu u tattiraw

Agħmu l-ministeru tagħkom ikona tal-Ħniena, qawwa waħdanija bil-ħila li ssaħħar u tattira l-qalb tal-bniedem b’mod permanenti.  Ukoll il-ħalliel fl-aħħar ħinijiet ħalla lil Dak li fih “sab biss tjubija” jiġbdu lejh (cfr Lu 23,41).  Meta rawħ minfud fuq is-salib bdew iħabbtu fuq sidirhom u jistqarru dak li qatt ma rnexxilhom jiskopru fihom infushom, għax kieku, ma kienux iħossuhom sorpriżi b’dik l-imħabba li qatt ma kienu raw bħalha qabel u li kienet tnixxi bil-gratwità u bl-abbundanza!  Alla li jkun bogħod nistgħu wkoll ninjorawh, imma mhux faċli nirreżistu lil Alla li hu tant qrib u, aktar minn hekk, miġrugħ għall-imħabba.  It-tjubija, is-sbuħija, il-verità, l-imħabba, il-ġid – dan hu li nistgħu noffru lil did-dinja tallaba, anki jekk ikun fi bwieqi nofshom imkissrin.

Madankollu dan ma jfissirx li aħna nsiru ċ-ċentru tal-attenzjoni: dan hu periklu!  Id-dinja għejiet tara sħaħar giddibin.  U ppermettuli ngħid: saċerdoti “alla moda” jew isqfijiet “alla moda”.  In-nies “ixxomm” – il-poplu t’Alla għandu x-xamm ta’ Alla – in-nies “ixxomm” u titbiegħed meta tinduna b’min hu narċisist, manipulatur, difensur tal-kawżi tiegħu, min iniedi kruċjati frivoli.  Pjuttost, agħmlu ħilitkom biex tissekondaw lil Alla, li jkun diġà introduċa lilu nnifsu qabel il-wasla tagħkom.

Jiġini f’moħħi Eli maċ-ċkejken Samwel, fl-Ewwel Ktieb ta’ Samwel.  Minkejja li dak iż-żmien «il-kelma tal-Mulej kienet ħaġa rari (....), il-viżjonijiet ma kienux spissi» (3,1).  Madankollu Alla ma rrassenjax ruħu u sparixxa.  Kien biss mat-tielet darba li Eli maħkum min-ngħas fehem li l-ġuvnott Samwel ma kellux bżonn it-tweġiba tiegħu, iżda dik ta’ Alla.  Nara d-dinja tal-lum qisha Samwel konfuż, fil-bżonn ta’ min jagħraf jiddistingwi, fl-għaa kbir li jħarbat l-agunija tiegħu, il-leħen sigriet ta’ Alla jsejjaħlu.  Hemm bżonn ta’ persuni li mill-qlub imgerfxa tal-lum jagħrfu joħorġu t-tlaqliq umli: «Tkellem, Mulej» (3,9).  Hemm bżonn aktar u aktar ta’ min jaf jiffavorixxi s-silenzju li bis-saħħa tiegħu dil-kelma tkun mismugħa.

Alla qatt ma jaqta’ qalbu!  Huwa aħna li aħna mdorrijin inċedu, spiss nitħeddlu u nagħżlu li nikkonvinċu ruħna li verament setgħu eliminawh, u nivvintaw diskorsi morri biex niġġustifikaw l-għażż li jorbotna mall-ħoss statiku tal-ilmenti bla sugu.  L-ilmenti tal-isqof huma ħaġa kerha.

5.2. Kunu Isqfijiet bil-ħila li tinizjaw lil dawk li huma afdati f’idejkom.

Kulma hu kbir jeħtieġ mixja biex wieħed jifhmu kif imiss.  Aktar u aktar il-Ħniena Divina, li hi bla tarf!  Darba aħna ninħakmu mill-Ħniena, din titlob li tkun mogħdija introduttiva,  triq, inizjazzjoni.  Biżżejjed tħares lejn il-Knisja li hi Omm li tiġġenera għal Alla u Mgħallma biex tinizja lil dawk li hi tiġġenera biex jifhmu l-verità sħiħa.  Biżżejjed il-kontemplazzjoni tal-għana tas-Sagramenti tagħha, għajn li dejjem jeħtieġ induru lejha anki fil-pastorali tagħna, li ma’ trid tkun xejn aktar ħlief il-ħidma materna tal-Knisja biex tmantni lil dawk li twieldu minn Alla u permezz tagħha.  Il-ħniena t’Alla hi r-realtà waħdanija li tippermetti li l-bniedem ma jintilifx għal dejjem, anki meta, bi sfortuna, hu jfittex li jaħrab mis-seħer tagħha.  Fiha l-bniedem jista’ jibqa’ dejjem żgur li ma jiżloqx f’dak il-fondoq li fih isib ruħu mneżża’ mill-oriġini u d-destin tiegħu, mis-sens u mix-xefaq.

Il-wiċċ tal-Ħniena hu Kristu.  Fih hi tibqa’ offerta permanenti u mingħajr tmiem; fiH hi tħabbar li ħadd mhu mitluf – ħadd mhu mitluf! -. GħaliH, kull wieħed u waħda huma uniċi!  Nagħġa unika li għaliha Hu jirriskja fit-tempesta; munita waħdanija mixtrija bil-prezz ta’ demmu; Iben waħdieni li kien miet u reġa’ ħa l-ħajja (cfr Lu 15).  Nitlobkom biex ma jkollkom ebda prospettiva oħra li biha tħarsu lejn il-fidili tagħkom ħlief dik tal-uniċità tagħhom, li tippruvaw kollox sabiex tilħquhom, li tagħmlu kull sforz possibbli biex iġġibuhom lura.

Kunu Isqfijiet bil-ħila li tinizjaw il-Knejjes tagħkom għal dan l-abiss ta’ mħabba.  Illum qed nistennew wisq frott minn siġar li ma kienux ikkultivati biżżejjed.  Intilef is-sens tal-inizjazzjoni, u, madnakollu, fl-affarijiet verament essenzjali tal-ħajja nistgħu nidħlu biss permezz tal-inizjazzjoni. Ftakru fl-emerġenza edukattiva, fit-trasmissjoni kemm tal-kontenut kif ukoll tal-valuri, aħsbu fl-analfabetiżmu affettiv, fil-mixjiet vokazzjonali, fid-dixxerniment fil-familji, fit-tfittxija għall-paċi: dan kollu jeħtieġ inizjazzjoni u gwida fit-triq, bil-perseveranza, bil-paċenzja u l-kostanza, huma s-sinjali li jiddistingwu r-ragħaj mill-merċenarju.

Jiġini f’moħħi Ġesù li jinizja lid-dixxipli tiegħu.  Aqbdu l-Evanġelji u osservaw kif l-Imgħallem jintroduċi bil-paċenzja lil tiegħu fil-Misteru ta’ persuntu u, fl-aħħar, biex jittimbra persuntu fihom  Hu jtihom l-Ispirtu s-Santu li “jgħallem kollox” (cfr Ġw 16,13).  Jolqotni dejjem kumment ta’ Mattew waqt id-diskors tal-parabboli li jgħid hekk: “Imbagħad (Ġesù) bagħat lill-folla u daħal id-dar; id-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Fissrilna...” (13,36).  Nixtieq nieqaf ftit fuq din in-nota li fid-dieher hi irrilevanti.  Ġesù jidħol id-dar, fl-intimità ma’ tiegħu, il-folla tibqa’ barra, id-dixxipli jersqu lejh u jitolbuh jispjegalhom.  Ġesù kien dejjem imwaħħad mal-ħwejjeġ ta’ Missieru li miegħu kellu intimità permezz tat-talb.  Għalhekk seta’ jkun preżenti għalih innifsu u għall-oħrajn.  Kien joħroġ lejn il-folla, imma kellu l-libertà li jidħol lura.

Nirrikmandalkom li tieħdu ħsieb sewwa tal-intimità tagħkom ma’ Alla, l-għajn li biha wieħed jieħu pussess tiegħu innifsu u  jingħata, li (tikkultivaw) il-libertà li toħorġu u tmorru lura.  Tkunu Rgħajja bil-ħila wkoll li tidħlu lura d-dar ma’ tagħkom, li tqanqlu dik li-intimità sana li tippermettilhom jersqu lejkom, li toħolqu dik il-fiduċja li tippermetti l-mistoqsija: “Fehemna”.  Mhix xi spjegazzjoni kwaluknwe imma (spjegazzjoni) tas-sigriet tas-Saltna.  Hi mistoqsija magħmula lilkom fil-persuna tagħkom.  It-tweġiba ma tistax tkun delegata li xi ħadd ieħor.  Mhux possibbli tħalli għal aktar tard għax inkella tidħlu f’ċirki vizzjużi, “f’xi mkien ieħor” imċajpar, sejrin lejn xi mkien u ġejjin lura minn xi mkien, spiss hux wisq stabbli, fina nfusna.

Nitlobkom tikkuraw bi premura speċjali l-istrutturi tal-inizjazzjoni tal-Knejjes tagħkom, partikolarment is-seminarji.  Tħallux in-numri u l-kwantità tal-vokazzjonijiet jittantawkom imma pjuttost, fittxu l-kwalità tad-dixxipulat.  La numri u lanqas kwantità: kwalità biss.  Lis-seminaristi ċċaħdulhomx il-paternità soda imma tenera tagħkom.  Kabbruhom sal-punt li huma jakkwistaw il-libertà li jkunu “kalmi u sereni bħal tfal miftuma f’dirgħajn ommhom” (cfr Salm 131,2) f’Alla: mhux vittmi tal-kapriċċi tagħhom u dominati mill-fraġiltà tagħhom, imma ħielsa li jħaddnu dak li Alla jitlob minnhom, anki meta dan ma jidhrix ħelu bħalma kien fil-bidu fil-ġuf matern.  U iftħu għajnejkom meta xi seminarista jsib kenn fir-riġidità: minn taħt dejjem ikun hemm xi ħaġa kerha.

5.3. Kunu isqfijiet bil-ħila li takkumpanjaw

Ippermettuli nagħmlilkom l-aħħar rakkomandazzjoni biex il-Ħniena ssir pastorali.  U hawnhekk inħossni obbligat li nerġa’ neħdkom fit-triq ta’ Ġeriko biex nikkuntemplaw il-qalb tas-Sammaritan li jiċċarrat qisu ġuf ta’ omm, meta ntmiss mill-ħniena quddiem dak ir-raġel mingħajr isem li waqa’ f’idejn il-ħallelin.  Qabel xejn hu ħalla lilu nnifsu jiċċarrat quddiem dak il-ferut, nofsu mejjet, imbagħad tiġi s-serje impressjonanti ta’ verbi li lkoll tafuhom.  Verbi, mhux aġġettivi, kif spiss nippreferu narawhom.  Verbi li jikkonjugaw il-ħniena.

Dan hu li juri li l-ħniena ssir pastorali: tkun konjugata fil-verbi, issir tintmiss u operattiva.  Il-bnedmin jeħtieġu l-ħniena: huma, mingħajr ma jindunaw, qed ifittxuha.  Jafu tajjeb li huma miġrugħin, iħossuh dan, jafu li huma “nofshom mejtin” (cfr Lu 10,30), minkejja li jibżgħu jammettu.  Meta mingħajr mistenni jaraw il-ħniena riesqa lejhom, allura jikxu lilhom infushom u joħorġu jdejhom biex jittalbuha.  Jibqgħu mistgħaġbin mill-ħila tagħha li tieqaf, meta tant oħrajn jibqgħu għaddejjin; li tmil, meta ċertu ramattiżmu tal-qalb ma jħallikx tiltewa; li tmiss il-laħam ferut, meta l-preferenza prevalenti hi li kollox ikun asettiku.

Nixtieq nieqaf ftit fuq wieħed mill-verbi konjugati mis-Sammaritan:  Hu jakkumpanja lejn il-lukanda lir-raġel li ltaqa’ miegħu b’kumbinazzjoni, hu jieħu d-destin tiegħu fuq spallejh.  Jinteressah li dan ifiq u għandu interess dwar il-futur tiegħu.  Ma jibbastahx dak li kien diġà għamel.  Il-ħniena li kienet qasmitlu qalbu, għandha bżonn tinxtered u tfawwar.  Mhux possibbli ma tħallihiex tnixxi.  Mhux possibbli twaqqafha. Minkejja li kien biss Sammaritan, il-ħniena li laqtitu hi miżgħuda mil-milja ta’ Alla, għaldaqstant ebda ħajt ta’ lqugħ ma jista’ jimblukkaha.

Kunu Isqfijiet b’qalb tant miġrugħa bi ħniena bħal din u għalhekk mehdija għal kollox fid-dmir umli li takkumpanja lill-bniedem li “b’kumbinazzjoni” Alla bagħat fi triqtkom.  Kulfejn tmorru, ftakru li t-triq ta’ Ġeriko mhix bogħod.  Il-Knejjes tagħkom huma miżgħuda b’toroq bħal dawn.  Qribkom ħafna mhux diffiċli ssibu lil min mhux qed jistenna “lil-levita” li jdawwar wiċċu imma lil ħuh li jsir proxxmu tiegħu.

L-ewwelnett akkumpanjaw bil-paċenzja u l-ħerqa, lill-kleru tagħkom.  Kunu qrib tal-kleru tagħkom.  Nitlobkom twasslu lis-saċerdoti tagħkom it-tgħannieqa tal-Papa u l-apprezzament għall-ġenerożità ħawtiela tagħhom.  Fittxu li tkebbsu fihom mill-ġdid l-għarfien li Kristu hu “d-destin” tagħhom, “is-sehem tar-riżq u l-wirt”, is-sehem li huma jixorbu fil-“kalċi” (cfr Sal 16, 5).  Min aktar jista’ jfawwar i-qalb ta’ qaddej t’Alla u tal-Knisja tiegħu ħlief Kristu?  Nitlobkom ukoll li timxu bi prudenza kbira u responsabbiltà meta tilqgħu kandidati jew tinkardinaw saċerdoti fil-Knejjes lokali tagħkom.  Jekk jogħġobkom, prudenza u responsabbiltà f’dan.  Ftakru li sa mill-bidu, ir-relazzjoni bejn Knisja lokali u s-saċerdoti tagħha  riedet tkun waħda inseparabbli, u qatt ma ġie aċċettat kleru li jiġġerra ‘l hawn u ‘l hinn jew li jkun għaddej minn post biex imur f’ieħor.  Din hi marda ta’ żmienna.

Irriservaw akkumpanjament speċjali lill-familji kollha, ifirħu għall-imħabba ġeneruża tagħhom u inkoraġġixxu l-ġid immens li huma jxerrdu f’did-dinja.  Segwu fuq kollox lil dawk li huma l-aktar imġarrba.  “Tibgħux għaddejjin” minn quddiem il-fraġilitajiet tagħhom.  Ieqfu sabiex il-qalb ta’ ragħaj tagħkom tkun minfuda bid-dehera tal-ġerħa tagħhom.: ersqu lejhom bid-delikatezza u mingħajr biża’.  Poġġulhom quddiem għajnejhom il-ferħ tal-imħabba awtentika u tal-grazzja li biha Alla jerfgħana biex nipparteċipaw fl-Imħabba tiegħu.  Hemm bosta li għandhom bżonn jiskopruha mill-ġdid, oħrajn qatt ma saru jafu biha, oħrajn qed jistennew li jifduha, mhumiex ftit dawk li jġorru fihom il-piż li tifluha bla rimedju.  Nitlobkom li tkunu kumpanija għalihom bid-dixxerniment u bl-empatija.

Għeżież ħuti,

Issa nitolbu flimkien u jien inberikkom bil-qalb sħiħa ta’ ragħaj, ta missier u ta’ ħukom.  Il-barka hi dejjem invokazzjoni biex fuqna jkollna l-wiċċ ta’ Alla.  Il-wiċċ ta’ Alla li qatt ma jiddallam, hu Kristu.  Jien u nberikkom nitlob lilU biex jimxi magħkom u biex itikom il-kuraġġ li timxu miegħu.  Huwa wiċċu li jiġbidna, jistampa ruħu fina u jakkumpanjana.  Hekk ikun!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber