Għeżież ħuti,

Il-Milied jinsab qrib u joffrilna okkażjoni sabiħa biex niltaqgħu u nawguraw lil xulxin.

Qabel kollox nixtieq nirringrazzjakom għall-ħidma tagħkom, għall-impenn li għandkom biex tagħmlu l-affarijiet sewwa u dejjem anki meta mhemm ebda rikonoxximent: ħafna drabi bniedem jagħmel l-affarijiet sew u ma jkunux apprezzati.  Irrid niringrazzja b’mod partikolari lil dawk fostkom li ilhom jagħmlu l-istess xogħol għal snin sħaħ, xogħol spiss moħbi, u jagħmlu l-affarijiet sewwa.  Nafu li dan hu “normali” hu sempliċiment li wieħed jaqdi dmiru; imma nafu wkoll li għall-bnedmin dan mhux ħafif, aħna maħniex magni .... għall-grazzja t’Alla! – u ximindaqqiet għandna bżonn xi ftit tal-inċentiv jew li nibdlu xi ftit....  Nifirħilkom talli b’mod meqjus tħossukom kburin li tagħmlu mill-aħjar li tistgħu l-affarijiet normali ta’ kuljum. Grazzi!  Nibqgħu mexjin, kulħadd fil-qasam tax-xogħol li għandu, bil-kollaborazzjoni bejnietkom, bil-paċenzja u bl-għajnuna li tagħtu lil xulxin.

U fil-waqt li nirringrazzjakom irrid ukoll nitlobkom maħfra għall-iskandli li ġraw fil-Vatikan.  Imma rrid li l-atteġġjament tiegħi u tagħkom, speċjalment f’dawn il-jiem, ikun fuq kollox dak tat-talb, itolbu għall-persuni mdaħħlin f’dawn l-iskandli sabiex min żbalja jindem u jkun jista’ jsib mill-ġdid it-triq it-tajba.

Hemm ħaġ’oħra li nixtieq ngħidilkom u forsi hi l-aktar importanti: inħeġġieġkom biex tieħdu ħsieb taż-żwieġ tagħkom u ta’ uliedkom.  Ħudu ħsiebhom, tittraskurawx: ilagħbu mat-tfal, ma’ uliedkom.  Iż-żwieġ hu bħal pjanta. Mhux aramrju li titilqu hemm, fil-kamra u jkun biżżejjed ittih tfarfira kultant.  Pjanta hi ħaġa ħajja, hemm bżonn tieħu ħsiebha kuljum: tara kif inhi, ittiha l-ilma, eċċetra.  Iż-żwieġ hu realtà ħajja: f’ebda fażi tal-mixja tal-familja l-ħajja tal-koppja m’għandna nagħmluha fatta.  Niftakru li l-akbar rigal lill-ulied mhux l-oġġetti, imma l-imħabba tal-ġenituri.  U mhux qed nifhem biss l-imħabba tal-ġenituri lejn l-ulied imma porpju l-imħabba tal-ġenituri bejniethom, jiġifieri  r-relazzjoni konjugali.  Dan jagħmel tajjeb ħafna lilkom u lil uliedkom ukoll!   Tittraskurawx ‘il-familja!

Għalhekk, qabel kollox, ikkultivaw “il-pjanta” taż-żwieġ li hi intom il-miżżewġin, u fl-istess waqt ħudu ħsieb ir-relazzjoni ma’ wliedkom, anki hawn, billi tibbażaw kollox fuq ir-relazzjoni umana aktar milli fuq dik tal-oġġetti.  Tkellmu ma’ wliedkom, isimugħhom, staqsuhom kif jaħsbuha.  Dan id-dajlogu bejn il-ġenituri u l-ulied jagħmel tant tajjeb!  Iseddaq il-maturità tal-ulied.  Nibbażaw kollox fuq il-ħniena, fuq ir-relazzjonijiet ta’ kuljum, bejn il-mara u r-raġel, bejn il-ġenituri u l-ulied, bejn l-aħwa; u nieħdu ħsieb in-nanniet: in-nanniet huma importanti ħafna fil-familja.  In-nanniet għandhom il-fakra, għandhom id-dehen.  Tagħtux il-ġenb lin-nanniet!  Huma importanti ħafna.  Mara żgħażugħa qaltli li għandha binha ta’ seba’ snin u magħhom tgħix in-nanna li għandha disgħin sena: din mhix għal kollox f’sikkitha u tawhom parir biex jeħduha f’xi dar tal-anzjani.  U din il-mara għaqlija, li ma marritx l-università, wieġbet lil min kien qed itiha l-parir biex lin-nanna jeħduha fid-dar tal-anzjani: “Le! Jien irrid li ibni jikber ħdejn in-nanna!”  Kienet taf kemm ġid jagħmu n-nanniet lin-neputijiet.  Ħudu ħsieb il-paċi fil-familja: fil-familja nillitikaw, dan nafuh ilkoll.  Fil-fatt jidher mhux normali jekk fiż-żwieġ ma tinqalax xi kwistjoni.  L-importanti hu li l-ġurnata ma tintemmx mingħajr ma nkunu għamilna paċi.  Aħwa li ma jitlewwmux?  Imma dejjem!  Imma mbagħad jagħmlu paċi.  U intom ġenituri, meta uliedkom ikunu tlewmu, qabel ma tmorru torqdu għidulhom: “Agħmlu paċi, ħudu b’idejn xulxin, agħtu bewsa lil xulxin.  Jeħtieġ li nitgħallmu dan l-għaqal li nagħmlu paċi.  Qamet gwerra matul il-ġurnata?  Għadha sħuna din il-gwerra?  Tħallux li ssir gwerra bierda: għax il-gwerra bierda tal-jum ta’ wara hija aktar perikoluża mill-gwerra “sħuna”.  Fhimtu?  Filgħaxija dejjem agħmlu paċi!

Il-Ġublew għandu jingħex anki fi ħdan il-familja domestika, mhux biss fl-avvenimenti l-kbar.  Anzi, il-Mulej iħobb lil min ikollu l-ħniena fiċ-ċirkustanzi ordinarji tal-ħajja.  Dan irrid nawguralkom: li tħossu l-ferħ tal-ħniena ibda minn ħdan il-familja tagħkom.

Grazzi tax-xogħol tagħkom, maħfra għall-iskandli u ibqgħu mexjin ‘il quddiem.  Ibqgħu mexjin ‘il quddiem f’dil-komunità u wasslu l-awguri tiegħi lill-għeżież tagħkom, lill-anzjani, lill-morda.  U komplu, jekk jogħġobkom, itolbu għalija.  Grazzi mill-ġdid u l-Milied it-tajjeb.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber