Għeżież ħuti,

 

Għalija hu motiv ta’ ferħ kbir li qed niltaqa’ magħkom illum, xħin intom miġburin f’Sessjoni Plenarja biex tirriflettu fuq it-tema tal-fedeltà u ta’ dawk li qed iħallu l-ħajja kkonsagrata. Insellem lill-Kardinal Prefett u nirringrazzjah għall-kelmtejn ta’ preżentazzjoni; u nsellem lilkom ilkoll waqt li nesprimi r-rikonixximent tiegħi għall-ħidma tagħkom b’servizz lill-ħajja kkonsagrata fil-Knisja.

 

It-tema li għażiltu hi importanti. Nistgħu ngħidu bla tlaqliq li f’dan iż-żmien il-fedeltà qed tiġi ppruvata ħafna; dan turih l-istatistika li eżaminajtu. Ninsabu quddiem “emorraġija” li qed iddgħajjef il-ħajja kkonsagrata u l-istess ħajja tal-Knisja. Nitħassbu meta naraw min iħalli l-ħajja kkonsagrata. Hu minnu li xi wħud jagħmlu dan b’att ta’ koerenza, għax, wara dixxerniment serju, jagħrfu li qatt ma kellhom il-vokazzjoni; imma oħrajn mal-medda taż-żmien jonqsu mill-fedeltà, ħafna drabi ftit tas-snin biss wara l-professjoni perpetwa. X’inhu jiġri?

 

Kif osservajtu tant tajjeb intom, huma ħafna l-fatturi li jikkundizzjonaw il-fedeltà f’din il-bidla ta’ epoka, u mhux biss epoka ta’ bidla, fejn donnu diffiċli li wieħed jidħol għal impenji serji u għal dejjem. Żmien ilu wieħed isqof kien qed jirrakkontali dwar żagħżugħ bil-għaqal b’lawrja universitarja, li kien jaħdem f’parroċċa, u li mar għandu u qallu: “Jien nixtieq insir qassis, imma għal għaxar snin”. Il-kultura tal-proviżorju.

 

L-ewwel fattur li ma jgħinx biex wieħed jibqa’ fidil hu l-kuntest soċjali u kulturali li fih nitħarrku. Qed ngħixu mgħaddsa fl-hekk imsejħa kultura tal-frammentazzjoni, tal-proviżorju, li tista’ twassalna biex ngħixu “à la carte” u nkunu lsiera tal-moda. Din il-kultura twassal għall-bżonn li wieħed ikollu dejjem “bibien tal-ġnub” miftuħa għal possibbiltajiet oħra, tħeġġeġ iktar il-konsumiżmu u tinsa l-ġmiel tal-ħajja sempliċi u awstera, u ħafna drabi tipprovoka vojt eżistenzjali kbir. Xtered ukoll relattiviżmu prattiku qawwi, li jiġġudika kollox skont l-awtorealizzazzjoni ħafna drabi barranija għall-valuri tal-Vanġelu. Qed ngħixu f’soċjetà fejn ir-regoli ekonomiċi qed jieħdu post dawk morali, jiddettaw liġijiet u jimponu s-sistemi tagħhom ta’ riferiment b’dannu għall-valuri tal-ħajja; soċjetà fejn id-dittatorjat tal-flus u tal-profitt iwassal għal viżjoni tal-ħajja fejn min ma jirrendix, jisfa mormi. F’din is-sitwazzjoni, hu ċar li wieħed l-ewwel għandu jħalli lil min jevanġelizzah biex imbagħad jista’ jimpenja ruħu fl-evanġelizzazzjoni.

 

Ma’ dan il-fattur tal-kuntest soċjo-kulturali jeħtieġ inżidu oħrajn. Wieħed minnhom hu d-dinja taż-żgħażagħ, dinja kumplessa, fl-istess ħin għanja u mimlija sfidi. Mhux negattiva, imma kumplessa, iva, għanja u mimlija sfidi. Ma jonqsux żgħażagħ ġenerużi ħafna, solidali u impenjati fuq livell reliġjuż u soċjali; żgħażagħ li jfittxu ħajja spiritwali vera; żgħażagħ li għandhom il-ġuħ għal xi ħaġa differenti minn dik li toffri d-dinja. Hemm żgħażagħ mill-aħjar u dawn mhumiex ftit. Imma anki fost iż-żgħażagħ hemm ħafna vittmi tal-loġika tal-mondanità, li fil-qosor nistgħu niġbruha hekk: ifittxu s-suċċess ikun xi jkun il-prezz, il-flus bi prezz baxx u l-pjaċir irħis. Din il-loġika tiġbed lejha anki ħafna żgħażagħ. L-impenn tagħna ma jistax ikun ħlief li nkunu qrib tagħhom biex minna jittieħdu bil-ferħ tal-Vanġelu u s-sens ta’ appartenenza għal Kristu. Din il-kultura jeħtieġ nevanġelizzawha jekk irridu li ż-żgħażagħ ma jċedux.

 

It-tielet fattur li jikkundizzjona ġej minn ħdan l-istess ħajja kkonsagrata, fejn maġenb tant qdusija – hemm tant qdusija fil-ħajja kkonsagrata! – ma jonqsux sitwazzjonijiet ta’ kontro-testimonjanza li jagħmlu l-fedeltà ħaġa iebsa. Dawn is-sitwazzjonijiet, fost l-oħrajn, huma: ir-rutina, l-għeja, il-piż fit-tmexxija tal-istrutturi, il-qasmiet interni, it-tiftixa tal-poter – dawk li ħsiebhom biex jitilgħu l-iskalluni –, mod mondan ta’ kif jitmexxew l-istituti, servizz tal-awtorità li xi drabi jsir awtoritarjaniżmu u drabi oħra “ħalli lil ħaddieħor jagħmel hu”. Jekk il-ħajja kkonsagrata trid iżżomm il-missjoni profetika u l-faxxinu tagħha, u tkompli tkun skola ta’ fedeltà għal dawk tal-qrib u tal-bogħod (ara Efes 2:18), jeħtieġ iżżomm il-freskezza u l-element ġdid li hemm fiċ-ċentralità ta’ Ġesù, l-attrattiva tal-ispiritwalità u l-qawwa tal-missjoni, turi l-ġmiel tal-mixja wara Kristu u tiddi bit-tama u l-ferħ. Tama u ferħ. Dan jurina kif miexja komunità, x’hemm ġewwa. Hemm tama, hemm ferħ? Tajjeb. Imma meta tonqos it-tama u ma jkunx hemm ferħ, il-ħaġa tkun kerha.

 

Aspett li rridu nieħdu ħsiebu b’mod partikulari hu l-ħajja fraterna fil-komunità. Din irridu nsaħħuha bit-talb komunitarju, bil-qari tal-Kelma fi spirtu ta’ talb, fis-sehem attiv fis-sagramenti tal-Ewkaristija u r-Rikonċiljazzjoni, fid-djalogu bejn l-aħwa u fil-komunikazzjoni sinċiera bejn il-membri tagħha, fil-korrezzjoni fraterna, fil-ħniena lejn l-aħwa li jidinbu, fil-qsim tar-responsabbiltajiet. Dan kollu msieħeb minn xhieda qawwija u hienja tal-ħajja sempliċi qrib tal-foqra u ta’ missjoni li tipprivileġġja l-periferiji eżistenzjali. Mit-tiġdid tal-ħajja fraterna fil-komunità jiddipendi ħafna r-riżultat tal-pastorali vokazzjonali, li nkunu nistgħu ngħidu “ejjew u taraw” (ara Ġw 1:39), u l-perseveranza tal-aħwa żgħażagħ u inqas żgħażagħ. Għax meta xi ħadd minn ħutna ma jsibx l-għajnuna għall-ħajja kkonsagrata tiegħu fi ħdan il-komunità, ħa joħroġ ifittixha barra, bil-konsegwenzi kollha li dan jista’ jġib (ara Il-ħajja fraterna fil-komunità, 2 ta’ Frar 1994, 32).

 

Il-vokazzjoni, bħall-fidi nfisha, hi teżor li nġorruh f’ġarar tal-fuħħar (ara 2 Kor 4:7); għalhekk irridu nħarsuha, kif tħares il-ħwejjeġ l-aktar prezzjużi, biex ħadd ma jisirqilna dan it-teżor, lanqas mal-medda taż-żmien ma jitlef minn ġmielu. Din l-għożża hi xogħol qabelxejn ta’ kull wieħed u waħda minna, li ġejna msejħa nimxu wara Kristu iżjed mill-qrib bil-fidi, it-tama u l-imħabba, imseddqa ta’ kuljum bit-talb u msaħħa minn formazzjoni teoloġika u spiritwali tajba, li tiddefendina mill-moda u mill-kultura ta’ dak li jgħaddi, u tgħinna nimxu sħaħ fil-fidi. Fuq din il-bażi hu possibbli nipprattikaw il-kunsilli Evanġeliċi u jkollna l-istess sentimenti ta’ Kristu (ara Fil 2:5). Il-vokazzjoni hi don li rċivejna mill-Mulej, li xeħet ħarstu fuqna u ħabbna (ara Mk 10:21), meta sejħilna nimxu warajh fil-ħajja kkonsagrata, u fl-istess waqt hi responsabbiltà ta’ min laqa’ dan id-don. Bil-grazzja tal-Mulej, kull wieħed u waħda minna hu msejjaħ jassumi b’responsabbiltà l-impenn li jikber hu umanamanet, spiritwalment u intellettwalment u, fl-istess ħin, iżomm imkebbsa l-fjamma tal-vokazzjoni. Dan iwassal biex min-naħa tagħna nżommu ħarsitna msammra fuq il-Mulej, dejjem attenti biex nimxu skont il-loġika tal-Vanġelu u ma nċedux għall-kriterji tal-mondanità. Ħafna drabi l-infedeltajiet il-kbar jibdew minn devjazzjonijiet jew distrazzjonijiet żgħar. Anki f’dan il-każ importanti nagħmlu tagħna l-istedina ta’ San Pawl: “Waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas” (Rum 13:11).

 

U la qed nitkellmu fuq fedeltà u fuq dawk li qed jitilqu, irridu nagħtu importanza kbira lill-akkumpanjament. U dan nixtieq nagħfas ħafna fuqu. Hu meħieġ li l-ħajja kkonsagrata tinvesti fil-preparazzjoni ta’ sieħba kkwalifikati għal dan il-ministeru. U qed ngħid il-ħajja kkonsagrata, għax il-kariżma tal-akkumpanjament spiritwali, jew tad-direzzjoni spiritwali, hi kariżma “lajkali”. Anki s-saċerdoti għandhom; imma hi “lajkali”. Kemm drabi ltqajt ma’ sorijiet li jgħiduli: “Dun, ma tafx b’xi saċerdot li jista’ jiggwidani hux?” – “Imma, għidli ftit, fil-komunità tiegħek m’hemmx xi soru għarfa, mara ta’ Alla?” – “Iva, hemm dik ix-xwejħa li… imma…” – “Mur għandha!”. Ħudu ħsieb intom tal-membri tal-kongregazzjoni tagħkom. Diġà fl-aħħar Plenarja stqarrejtu dan il-bżonn, kif jirriżulta anki mid-dokument riċenti tagħkom Per vino nuovo otri nuovi (ara nn. 14-16). Ma nistgħu qatt nisħqu biżżejjed fuq dan il-bżonn. Diffiċli nibqgħu fidili jekk nimxu waħidna, jew nimxu bil-gwida ta’ aħwa li mhumiex kapaċi jisimgħu b’attenzjoni u sabar, jew li m’għandhomx biżżejjed esperjenza tal-ħajja kkonsagrata. Għandna bżonn ta’ aħwa esperti fit-toroq ta’ Alla, biex jistgħu jagħmlu dak li għamel Ġesù mad-dixxipli ta’ Għemmaws: jimxu magħhom fit-triq tal-ħajja u fil-mument li fih iħossuhom mifxula, u jerġgħu jkebbsu fihom il-fidi u t-tama permezz tal-Kelma u tal-Ewkaristija (ara Lq 24:13-35). Din hi l-ħidma delikata u impenjattiva ta’ akkumpanjatur. Mhux vokazzjoni waħda jew tnejn intilfu minħabba n-nuqqas ta’ akkumpanjaturi validi. Aħna l-ikkonsagrati kollha, żgħażagħ u inqas żgħażagħ, neħtieġu għajnuna xierqa għall-mument uman, spiritwali u vokazzjonali li qed ngħixu. Fl-istess waqt irridu nevitaw kull modalità ta’ akkumpanjament li toħloq dipendenzi. Dan importanti: l-akkumpanjament spiritwali m’għandu qatt joħloq dipendenzi. Waqt li rridu nevitaw kull modalità ta’ akkumpanjament li toħloq dipendenzi, li tipproteġi, tikkontrolla jew tagħmel infantili, ma nistgħux nirrassenjaw ruħna li nimxu waħidna, għandna bżonn ta’ akkumpanjament viċin tagħna, frekwenti u tassew adult. Dan kollu jservi biex jiżgura dixxerniment kontinwu li jwassalna biex niskopru r-rieda ta’ Alla, biex infittxu f’kollox dak li jogħġob l-aktar lil Alla, kif jgħidilna Sant’Injazju, jew – fi kliem San Franġisk ta’ Assisi – li “rridu dejjem dak li jogħġob lilu” (ara FF 233). Id-dixxerniment jitlob, min-naħa tal-akkumpanjatur u tal-persuna akkumpanjata, sensibbiltà spiritwali fina, li wieħed ikun kapaċi joqgħod quddiemu nnifsu u quddiem l-oħrajn “sine proprio”, b’distakk sħiħ mill-preġudizzji u mill-interessi personali jew tal-grupp. Barra minn hekk, wieħed irid jiftakar li fid-dixxerniment m’aħniex biss nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin, imma bejn it-tajjeb u l-aħjar, bejn dak li hu tajjeb u dak li jwassal għall-identifikazzjoni ma’ Kristu. U kont nibqa’ nparla, imma ħa nieqfu hawn.

 

Għeżież ħuti, nirringrazzjakom mill-ġdid u nsejjaħ fuqkom u fuq is-servizz tagħkom bħala membri u kollaboraturi tal-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika l-għajnuna kontinwa tal-Ispirtu s-Santu, waqt li minn qalbi nberikkom. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard