Il-jum it-tajjeb!

Qabel kollox, ftit ringrazzjamenti.  Irrid nirringrazzja lil kulħadd għax-xogħol li tagħmlu hawn ġew.  Kulħadd għandu x-xogħol tiegħu, jaf jagħmlu....  Fil-Vatikan ukoll hawn il-gruppi tax-xogħol....  Dax-xogħol hu l-magna ta’ dan “it-trejn”, il-Vatikan, is-Santa Sede, xogħol li jidher tant tqil, tant kbir, b’tant problemi, tant affarijiet oħra...  U kull wieħed u waħda minnkom tagħtu l-aħjar tagħkom biex tagħmlu dax-xogħol.  Jien konxju li mingħajr il-ħidma tagħkom – wieħed minnkom kien qed jgħidli li ilu 43 sena jaħdem hawn, kemm tifkiriet! - mingħajr ix-xogħol li tagħmlu intom, l-affarijiet ma jmorrux sew, u dan ifisser li l-ħidma tal-Knisja ma tmurx tajjeb, ma tkunx tista’ tagħmel tant ħidma biex tipprietka l-Evanġelju, biex tgħin lil tant nies, lill-morda, l-iskejjel, tant affarijiet....  Intom tiffurmaw parti minn dil-”katina” li tmexxi ‘l quddiem il-ħidma tagħna fil-Knisja.

L-ewwel kelma li rrid ngħid hi xogħol.  Imma mhux biex ngħidilkom ħalli taħdmu aktar, fittxu ħaffu!  Le, le, biex ngħidilkom grazzi.  Grazzi.  Imma meta fil-Vatikan nitkellmu dwar ix-xogħol, hemm problema wkoll.  Sinjura minn fostkom x’ħin daħlet hi u tipponta lejn żagħażugħ, qalet: “Għinu lill-ħaddiema prekarji”.  Xi jiem ilu kelli laqgħa mal-Kardinal Marx, li hu l-President tal-Kunsill tal-Ekonomija, u ma’ Monsinjur Ferme, is-segretarju, u għidt: “Marridx xogħol moħbi fil-Vatikan”.  Nitlobkom skuża jekk dan għadu jeżisiti.  Il-famuż artiklu 11, hu artiklu validu bħala prova, imma prova ta’ sena jew sentejn, mhux aktar.  L-istess bħalma għidt li ħadd m’għandu jibqa’ mingħajr xogħol, jiġifieri li jitkeċċa, sakemm ma jkunx xogħol ieħor barra, li jagħmlu għall-konvenjenza tiegħu, jew ikun hemm ftehim li (x-xogħol) ikun konvenjenti għall-persuna, ngħid dan: “hawnhekk għandna naħdmu biex ma jkunx hawn xogħol jew ħaddiema prekarji. Għalija hija wkoll problema ta’ kuxjenza, għaliex ma nistgħux ngħallmu d-duttrina soċjali tal-Knisja u mbagħad nagħmlu dawn l-affarijiet li mhumiex sew. Wieħed jifhem li għal xi żmien il-persuna trid tgħaddi minn żmien ta’ prova, iva, prova ta’ sena, forsi tnejn, imma nieqfu hemm.  Bil-moħbi, xejn.  Din hi l-intenzjoni tiegħi.  Intom għinuni, għinu lis-superjuri tagħkom, dawk li huma dipendenti mill-Governatorat, il-Kardinal, is-Segretarju, għinu biex insolvu dawn il-problemi tas-Santa Sede: il-ħaddiema prekarji li għad hawn.

 

Għalhekk l-ewwel kelma hi “xogħol”, biex irrodd ħajr, nitkellem dwar ix-xogħol, dwar ix-xogħol prekarju u wkoll, l-aħħar ħaġa: ix-xogħol u t-triq tagħkom lejn il-qdusija, lejn l-hena, lejn it-tkabbir.  Illum, is-saħta l-aktar kerja li hawn hi li tkun qiegħed.  U tant nies – intom żgur tafu ħafna minnhom – m’għandhomx xogħol.  Għax ix-xogħol itina d-dinjità, u x-xogħol żgur itina d-dinjità.  Marridx insemmi ismijiet, imma dan issibuh fil-ġurnali.  Illum fil-gażżetta rajt dawn iż-żewġ problemi: żewġ ditti importanti, hawn fl-Italja, li jinsabu f’riskju, u biex isalvaw iridu “jirrazzjonaliżżaw” - dik hi l-kelma – ix-xogħol, u jkeċċu tlieta, erbgħat elef ruħ.  Ikrah, ikrah ħafna. Għax b’hekk tintilef id-dinjità. U din hi problema mhux biss ta’ hawn, tal-Vatikan, jew tal-Italja jew tal-Ewropa: hi problema dinjija.  Hi problema li ġejja minn tant fatturi fid-dinja.  Inħarsu x-xogħol u jkollna d-dinjità, nieħdu l-ħobż id-dar: “Nieħdu jien, għax naqla’ jien.  Mhux għax ngħaddi għand il-Caritas biex ituni xi ħaġa, le, naqla’ ħobżi jien”  Din hi d-dinjità.  Hekk hu x-xogħol.  Grazzi.  Għinu lis-superjuri tagħkom biex itemmu dis-sitwazzjoni tax-xogħol mhux regolari u ħarsu x-xogħol għax dak hu d-dinjità tagħkom.  Ikolli ngħid: ħarsu x-xogħol imma għamluh sew!  Dan hu importanti!

It-tieni kelma li tiġini f’moħħi li ngħidilkom hi: il-familja.  Nixtieq ngħidilkom bis-sinċerità: meta jien insir naf li xi familja minn tagħkom tinsab fi kriżi, li hemm it-tfal li qed isofru għax jaraw li l-familja hija....... problema, jien insofri.  Imma ħallu lil min jgħinkom.  Jien ridt li s-Segretarju Ġenerali tal-Governatorat ikun isqof biex ikollu din id-dimensjoni pastorali.  Jekk jogħġobkom, salvaw il-familji.  Jiena naf li mhux faċli, li hemm problemi ta’ personalità, problemi psikoloġiċi, problemi.... tant problemi fiż-żwieġ.  Imma ppruvaw fittxu l-għajnuna mill-ewwel, biex tħarsu l-familji.  Jien naf li fostkom hemm nin hu separat; naf dan u jnikkitni, inbati magħkom... hekk hi l-ħajja.  Imma nixtieq ngħinkom f’dan; ħallu lil min jgħinkom.  Jekk saret il-fatta, għallanqas tħallux lit-tfal ibatu; għax meta l-ġenituri jillitikaw, it-tfal isofru, isofru.  U ntikom parir: qatt tiġġieldu quddiem it-tfal.  Qatt.  Għax huma ma jifhmux.  Ħarsu l-familja.  U għal dan hawnhekk għandkom lill-Monsinjur Verges u l-kappillani wkoll; jgħidulkom huma fejn għandkom tmorru biex tfittxu l-għajnuna. Il-familja: din hi l-ġawhra l-kbira, għax Alla ħalaqna familja.  Ix-xbieha t’Alla hu ż-żwieġ, raġel u mara, fekondi: “tkattru”, għamlu l-ulied, ibqgħu mexjin ‘il quddiem.  Illum jien kuntent xħin qed nara tant u tant tfal hawnhekk.  Hija familja.  Ħarsu l-familji hi t-tieni kelma li tiġini f’moħħi.

It-tielet kelma li tiġini f’moħħi – forsi xi ħadd minnkom ikollu aptit jgħidili:  “Biżżejjed!” - hi kelma li tgħodd dejjem: it-tqassis.  Forsi qed niżbalja..... fil-Vatikan m’hawnx tqassis... forsi.. ma nafx.. Wieħed minnkom kien qed jgħidli, ħaddiem minnkom – ġurnata minnhom meta jien għamilt prietka dwar it-tqassis, u hu kien ġie għall-quddiesa flimkien ma’ martu, kien qalli: “Padre, jekk fil-Vatikan ma tqassasx, tibqa’ iżolat”. Aħsbu, aħsbu!  Intom tafu x’ngħid dwar it-tqassis: min iqassas hu terrorista, għax jagħmel bħat-terroristi; jitfa’ bomba, jitlaq, il-bomba tisplodi u tagħmel ħsara lil ħaddieħor, bl-ilsien, dik il-bomba.  Tagħmlux terroiżmu!  Tagħmlux it-terroriżmu tal-paroli, tat-tqassis, jekk jogħġobkom.  Din hi t-tielet kelma li qed tiġini f’moħħi.  Forsi xi ħadd jista’ jgħidli: “Padre, tina parir: kif nistgħu nagħmlu biex ma nqassux dwar l-oħrajn!”  Igdem ilsienek!  Żgur li jintefaħlek, imma tkun għamilt ħaġa tajba għax ma qassastx.  It-tqassis, anki minn persuni li suppost jagħtu eżempju, u ma jagħtuhx.

U hawn, ir-raba’ kelma li nixtieq ngħidilkom: maħfra.  “Maħfra” u “skużani”. Għax aħna mhux dejjem nagħtu eżempju tajjeb: aħna – qed nitkellem dwar “il-fawna klerikali” - aħna (jitbissem) mhux dejjem nagħtu eżempju tajjeb.  Fil-ħajja hemm żbalji li nagħmlu aħna l-kjeriċi, dnubiet, inġustizzji, u kultant lin-nies ma nittrattawhomx tajjeb, inkunu nervużi, nagħmlu l-inġustizzji.... Maħfra għal dawn l-eżempji mhux tajbin kollha.  Aħna għandna nitolbu maħfra.  Jien ukoll nitlob maħfra għax “kultant jitilgħuli” (jidħak), nitlef sabri.........

Għeżież kollaboraturi, ħuti.  Dawn huma l-kliem li ġew minn qalbi: xogħol, familja, tqassis, maħfra.

U l-aħħar kelma hi l-awguri tal-Milied: Il-Milied it-tajjeb: Imma Milied tajjeb fil-qalb, u fil-kuxjenza wkoll.  Intom ukoll, la tibżgħux titolbu maħfra jekk il-kuxjenza ċċanfarkom dwar xi ħaġa; fittxu konfessur tajjeb u għamlu tindifa sewwa!  Jgħidu li l-aħjar konfessur hu s-saċerdot trux (jitbissem): ma jġiegħlekx tistħi!  Imma anki jekk ma jkunx trux, hemm ħafna mżejnin bil-ħniena, ħafna, li jisimgħuk u jaħfrulek: “Ibqa’ miexi!”.  Il-Milied huwa opportunità tajba biex nagħmlu paċi magħna nfusna.  Ilkoll kemm aħna midinbin, ilkoll.  Ilbieraħ jien għamilt il-qrara tal-Milied: ġie l-konfessur... u għamlitli tajjeb.  Ilkoll għandna nqerru.

Nawguralkom il-Milied it-tajjeb, ta’ ferħ, imma dak il-ferħ li jiġi minn ġewwa.  U marridx ninsa lill-morda, li forsi għandkom fil-familja tagħkom, li qed ibatu, lilhom ukoll irrid nibgħat il-barka tiegħi.  Grazzi ħafna.  Inħarsu x-xogħol, jalla jkun ġust; inħarsu l-famillja, inħarsu lsienna; u, jekk jogħġobkom, aħfrulna tal-eżempji ħżiena li ntukom; u f’dal-Milied lil qalbna ntuha tindifa tajba, biex ikollna l-paċi u nkunu hienja.

U qabel nitlaq, nixtieq intikom il-barka, lilkom u lill-familji tagħkom, lil kulħadd.  Grazzi ħafna tal-għajnuna tagħkom.  Ngħidu Ave Marija lill-Madonna: “Sliem għalik, Marija.....”

(Barka)

U itolbu għalija, tinsewx!

 

Miġjub għall-Malti mill-Ingliż minn Joe Huber