Għeżież ħuti,

 

Nagħtikom merħba u nirringrazzjakom għax, b’dan il-Konvenju, qed toffru kontribut importanti fit-tiftixa ta’ toroq attwali u prattikabbli lejn ugwaljanza soċjali ikbar.  Nirringrazzja lill-Kardinal Turkson għall-introduzzjoni ġentili tiegħu.

 

Is-solidarjetà mal-foqra u l-imwarrbin imbuttatkom biex tirriflettu fuq għamla ta’ investiment responsabbli li qed tiżviluppa l-lum, magħrufa bħala Impact Investing.  Qed jieħdu sehem f’din il-laqgħa anki rappreżentanti tal-Kurja Rumana biex jistudjaw xejriet innovattivi ta’ investiment, li jistgħu jġibu benefiċċji għall-komunitajiet lokali u għall-ambjent ta’ madwarhom, barra d-dħul ekwu.

 

L-impact investor hu investitur li hu konxju li jeżistu sitwazzjonijiet gravi ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza, differenzi soċjali kbar u kundizzjonijiet koroh ta’ żvantaġġ li fihom jinsabu popolazzjonijiet sħaħ.  Hu jdur għand isituti finanzjarji li jutilizzaw ir-riżorsi biex jippromovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-popli foqra, b’fondi ta’ investiment maħsuba biex jissodisfa l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom marbuta mal-biedja, ma’ l-aċċess għall-ilma, mal-possibbilitajiet li jkollhom post dinjituż fejn jgħixu bi prezzijiet li jistgħu jlaħħqu magħhom, kif ukoll li jużaw is-servizzi primarji tas-saħħa u l-edukazzjoni.

 

Investimenti ta’ din ix-xorta jimmiraw li jġibu impatt soċjali pożittiv għall-popolazzjonijiet lokali, bħall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol, l-aċċess għall-enerġija, it-tagħlim u t-tkabbir tal-produttività agrikola.  Hawn id-dħul finanzjarju għall-investituri nfushom hu iktar moderat meta mqabbel ma’ tipi oħra ta’ investiment.

 

Il-loġika li tmexxi dawn il-forom innovattivi ta’ intervent hi dik li “tagħraf ir-rabta oriġinali bejn profitt u solidarjetà, l-eżistenza ta’ ċirkularità għammiela bejn dak li wieħed jikseb għalih u dak li jagħti…  Hu dmir ta’ l-Insara li jiskopru mill-ġdid, jgħixu u jxandru lil kulħadd din l-għaqda prezzjuża u li kienet sa mill-bidu bejn profitt u solidarjetà.  Kemm għandha bżonn id-dinja tal-lum li tiskopri mill-ġdid din il-verità sabiħa!” (Daħla għall-ktieb tal-Kardinal G. Müller Povera per i poveri. La missione della Chiesa [“Fqira għall-foqra. Il-missjoni tal-Knisja”]).  Tabilħaqq għandna bżonnha!

 

Hu importanti li l-etika ssib mill-ġdid postha fid-dinja finanzjarja u li s-swieq jitqiegħdu għas-servizz ta’ l-interessi tal-popli u tal-ġid komuni tal-bnedmin kollha.  Ma nistgħux nittolleraw iżjed li s-swieq finanzjarji jiddeterminaw ix-xorti tal-popli iktar milli jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom, u li l-ftit jistagħnew mill-ispekulazzjoni finanzjarja waqt li ħafna jbatu l-konsegwenzi qarsa tagħha.

 

L-innovazzjoni teknoloġika żiedet fil-veloċità tat-transazzjonijiet finanzjarji, imma din iż-żieda tagħmel sens skond kemm hi kapaċi taqdi l-ġid komuni.  B’mod partikulari, l-ispekulazzjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ l-ikel huma skandlu b’konsegwenzi gravi għall-aċċess għall-ikel ta’ l-iktar foqra.  Hu urġenti li l-Gvernijiet tad-dinja kollha jħabirku biex jiżviluppaw qafas internazzjonali li kapaċi jippromovi s-suq ta’ l-investiment b’impatt soċjali għoli, wieħed li jeħodha kontra l-ekonomija ta’ l-esklużjoni u ta’ l-iskart.

 

Fil-jum li fih il-Knisja tfakkar il-qaddisin Kwiriċju u Ġulitta, iben u omm li, taħt Djoklezjanu, ħallew ġidhom u marru għall-martirju, magħkom nixtieq nitlob lill-Mulej jgħinna ma ninsew qatt li l-ġid ta’ din l-art itir mar-riħ u nħabirku għall-ġid komuni, bi mħabba ta’ preferenza għall-iżjed foqra u dgħajfa.  Minn qalbi nbierek lilkom u l-ħidma tagħkom.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard