Sinjuri Kardinali,

reverendi aħwa fl-Episkopat u fis-Saċerdozju,

maħbubin ħuti rġiel u nisa,

 

Nagħti merħba lilkom lkoll, professuri, student u l-personel mhux għalliema ta’ l-Università Gregorjana, ta’ l-Istitutu Pontifiċju Bibliku u ta’ l-Istitut Pontifiċju Orjentali. Insellem lil Patri Nicolás, lill-Patri Delegat u lis-superjuri l-oħra kollha, kif ukoll lill-Kardinali u lill-Isqfijiet hawn preżenti. Grazzi!

 

L-istituzzjonijiet li tagħhom intom membri  –  miġburin flimkien f’Assoċjazzjoni waħda mill-Papa Piji XI fl-1928 – huma fdati lill-Kumpanija ta’ Ġesù u jaqsmu l-istess xewqa li “li jaħdmu bil-ħerqa għal Alla taħt l-istandard tas-Salib u li jaqdu biss il-Mulej u lill-Knisja l-Għarusa Tiegħu,  taħt it-tmexxija tal-Papa ta’ Ruma, Vigarju ta’ Kristu fuq din l-art” (Formula, 1). Hu importanti li bejniethom dawn l-istituzzjonijiet jizviluppaw kollaborazzjoni u ħidma flimkien, fil-waqt li jgħozzu t-tifkiriet storiċi, u fl-istess ħin jieħdu fuqhom it-toqol tal-preżent u jħarsu lejn il-ġejjieni  -  il-Patri Ġeneral kien jgħid “tħares fil-bogħod” lejn l-oriżżont  -  iħarsu lejn il-ġejjieni bi kreatività u immaġinazzjoni, jfittxu li jkollhom viżjoni globali tas-sitwazzjoni u ta’ l-isfidi preżenti u jkollhom mod bejniethom kif jiffaċċjawhom, billi jsibu bla biza’ toroq ġodda.

 

            L-ewwel aspett li nixtieq nisħaq fuqu waqt li naħseb fuq l-impenn tagħkom kemm bħala għalliema , kif ukoll bħala studenti u bħala personel ta’ dawn l-istituzzjonijiet, hu dak li tivvaloriżżaw l-istess post fejn qegħdin taħdmu u tistudjaw, jiġifieri l-belt u fuq kollox il-Knisja ta’ Ruma. Ħawn passat u hawn preżent. Ħawn l-għeruq tal-fidi: it-tifkiriet ta’ l-Appostli u tal-Martri; hawn l-“illum” ekklesjali, hawn il-mixja attwali ta’ din il-Knisja li-tippresjiedi fuq il-karità, għall-qadi ta’ l-għaqda u ta’ l-universalità. Dan kollu mgħandux jitqies bħala mnaqqas. Għandna ngħixuh u nivvalorizzawh b’impenn li f’parti hu istituzzjonali u f’parti personali, mħolli għall-inizjattiva ta’ kull wieħed.

 

          Iżda fl-istess ħin intom iġġibu hawn magħkom il-varjetà tal-Knejjes tal-pajjizkom, tal-kulturi tagħkom. Din hi waħda mir-rikkezzi inestimabbli ta’ l-istituzzjonojiet rumani. Din toffri okkazjoni prezzjuża għat-tkabbir fil-fidi u għall-ftuħ tal-moħħ u tal-qalb għall-orizzont tal-kattoliċità. F’dan l-orizzont id-dijalettika bejn “iċ-ċentru” u “l-periferiji” tieħu forma proprija, jiġifieri il-forma evanġelika, skont il-loġika t’Alla li jilħaq iċ-ċentru waqt li jitlaq mill-periferija u jerġa’ lura lejn il-periferija.

 

L-aspett l-ieħor li ridt naqsam magħkom hu dak tar-relazzjoni bejn l-istudju u l-ħajja spiritwali. L-impenn intellettwali tagħkom, fit-tagħlim u fir-riċerka, fl-istudju u fil-formazzjoni l-aktar wiesgħa tagħkom, ikollu tant aktar frott u jkun tant aktar effikaċi iżjed ma jkun animat mill-imħabba ta’ Kristu u tal-Knisja, aktar ma tkun soda u armonjuża r-relazzjoni bejn l-istudju u t-talb. Din mhijiex xi ħaġa ta’ l-antik, dan hu ċ-ċentru!

 

Din hi waħda mill-isfidi ta’ żmienna. Li tgħaddi t-tagħlim u li toffri ċavetta biex tifhmu b’mod vitali, u mhux tqisu bħala gozz idejat bla relazzjoni  bejniethom. Hemm bżonn ta’ ermenewtika evanġelika vera biex nifhmu aħjar il-ħajja, d-dinja, l-bnedmin, mhux sintesi izda atmosfera spiritwali ta’ riċerka u ta’ ċertezza bażata fuq il-verità tar-raġuni u tal-fidi. Il-filosofija u t-teoloġija jippermettu li niksbu l-konvinzjonijiet li jirregolaw u jsaħħu l-intelliġenza u jdawwlu r-rieda … iżda dan kollu jkollu l-frott biss jekk isir b’moħħna miftuħ u għarkopptejna. It-teologu li jissodisfa ruħu bil-ħsieb tiegħu komplet u magħluq hu teologu medjokri. Teologu u filosofu tajjeb għandu l-ħsieb tiegħu miftuħ, jiġifieri, mhux komplet, iżda dejjem miftuħ għall-maius t’Alla u tal-verità, dejjem fi svilupp, skont dik il-liġi li San Vinċenz ta’ Lerins jiddeskrivi hekk: “annis consolidetur, dilatetur tempore, sublimetur aetate” (Commonitorium primum, 23: PL 50, 668): issir solida mas-snin, titwessa’ maż-żmien u tapprofindixxi ma’ l-età. Hekk hu t-teologu li għandu moħħu miftuħ. U t-teologu li ma jitlobx u li ma jadurax ’l Alla jispiċċa mgħarraq fin-narċiċiżmu tiegħu l-iżjed disgustanti. U din hija marda ekklesjastika. Jagħmel tant ħsara n-narċiċiżmu tat-teoloġi, ta’ l-intellettwali! Hu disgustanti!

 

L-għan ta’ l-istudji ta’ kull Università pontifiċja huwa ekklesjali. Ir-“research” u l-istudju huma integrati mal-ħajja personali u komunitarja, ma’ l-impenn missjonarju, mal-karità fraterna u mas-sehem mal-foqra, mal-kura tal-ħajja interjuri f’relazzjoni mal-Mulej. L-istituti tagħkom mhumiex magni biex jipproduċu teoloġi u filosofi; huma komunitajiet fejn wieħed jikber, u t–tkabbir isir fil-familja. Fil-familja universitarja hemm il-kariżma ta’ gvern, fdat lis-superjuri, u hemm id-djakonija ta’ dawk li ma jgħallmux. Din id-djakonija hija indispensabbli biex jinħoloq l-ambjent familjari fil-ħajja ta’ kull jum, u ukoll biex tinħoloq attitudni ta’ umanità u għaqal konkret li jagħmlu mill-istudenti tal-lum persuni kapaċi li jibnu umanità, li jittrasmettu l-verità f’dimensjoni umana, li jagħrfu li jekk tonqos it-tjubija u s-sbuħija fil-familja tal-ħaddiema, nispiċċaw biex ikollna intellettwali bla talent, etici bla tjubija, intellettwali bla splendur tas-sbuħija, u biss “qarrieqa” ta’ formaliżmi. Il-kuntatt rispettuż ta’ kull jum mal-ħidma iebsa u x-xhieda ta’ l-irġiel u nisa li jaħdmu fl-istituzzjonijiet tagħkom jagħtukom dik il-kwota ta’ realiżmu tant meħtieġ sabiex ix-xjenza tagħkom tkun xjenza umana u mhux biss waħda ta’ laboratorju.

 

Għeżież ħuti, nafda kull wieħed minnkom, l-istudju u l-ħidma tagħkom għall-interċessjoni ta’ Marija, Sedes Sapientiae, ta’ Sant’ Injazju ta’ Loyola u ta’ ħafna qaddisin oħra patruni tagħkom. Inbirikkom minn qalbi u nitlob għalikom. Intom ukoll, jekk jogħġobkom, itolbu għalija! Grazzi!

 

Issa, qabel ma nagħtikom il-benedizzjoni nistidinkom titolbu lill-Madonna Omm tagħna, biex tgħinna u tħarisna. Sliema għalik Marija …

 

 

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Anton Azzopardi SJ.