DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU

LIL DAWK LI ĦADU SEHEM FIL-LAQGĦA TAS-SEGRETERIJA TAL-ĠIŻWITI

GĦALL-ĠUSTIZZJA SOĊJALI U EKOLOĠIJA

Sala Klementina
Il-Ħamis 7 ta’ Novembru 2019

Il-jum it-tajjeb u merħba,

Kif nafu lkoll, sa mill-bidunett il-Ġiżwiti kienu msejħa biex jaqdu l-foqra, sejħa li Sant Injazju daħħalha fil-Formula tal-1550. Il-Ġiżwiti kellhom jaħdmu biex «jiddefendu u jxerrdu l-fidi u jgħinu lill-erwieħ jimxu ‘l quddiem fil-ħajja u t-tagħlim nisrani» u jiddedikaw ruħhom biex  «jirrikonċiljaw fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil u biex jgħinu u jaqdu sew lil dawk fil-ħabs u fl-isptarijiet, u jwettqu ..... l-opri l-oħra  kollha ta’ karità» (Formula tal-Istitut, 21 ta’ Ġunju 1550, approvata u kkonfermata mill-Papa Giulio III). Din ma kinitx dikjarazzjoni biex wieħed ikun jaf x’għandu jagħmel, imma stil ta’ ħajja li ġa kienu qed jgħexuh u mliehom b’ħafna faraġ, u kienu jħossu li l-Mulej sejħilhom għalih.   

Din it-tradizzjoni inazjana tal-bidu waslet sa żmienna. Fr. Arrupe kien ippropona t-tisħiħ tagħha. Fis-sisien tal-vokazzjoni tiegħu kien hemm l-esperjenza  ta’ kuntatt mat-tbatija umana. Snin wara kiteb: «rajt lil Alla tant qrib dawk li qed ibatu, li jibku, li jsibu ruħhom ser jegħrqu f’din il-ħajja ta’ abbandun, u tkebbset fija x-xewqa kbira li nimitah billi nagħżel li nkun qrib dawk li d-dinja twarrabhom u s-soċjetà tiddisprezzahom» (Este Japón increible. Memoria del P. Arrupe, 4a edizione Mensajero, Bilbao, 1991, p. 19).  

Illum nużaw il-kelma skartati, le? Nitkellmu dwar il-kultura tal-iskart, dwar dik il-massa kbira ta’ nies li qed jibqgħu lura. Dak li jolqotni  f’li qal Fr. Arrupe  hu l-oriġni tiegħu, mnejn hu ġej. Ġej mit-talb, le? Arrupe kien bniedem ta’ talb, raġel li jitkellem ma’ Alla  kuljum u l-qawwa li kellu kienet ġejja minn hemm. Fr.Pedro dejjem emmen li ma tistax tifred il-mod kif taqdi l-fidi mill-mod ta’ kif tippromwovi l-ġustizzja: dawn huma marbutin b’mod radikali. Għalih, il-ħidma kollha tal-Ġiżwiti kellha twieġeb għall-isfida tat-tħabbira tal-fidi u fl-istess ħin tippromwovi l-ġustizzja. Dik il-ħidma, li sa dak iż-żmien kienu nkarigati minnha xi wħud mill-Ġiżwiti, kellha ssir il-preokkupazzjoni ta’  kulħadd.     

Il-fqar, post fejn wieħed jiltaqa’ mal-Mulej

Kull sena, il-liturġija tistedinna nikkontemplaw lil Alla, fil-ġenwinità ta’ tarbija eskluża, li ġie jgħammar fost niesu, iżda ma kienx milqugħ (ara Ġw 1,11). Skont Sant Injazju, qaddejja – persuna, żagħżugħa li taqdi – għenet lill-Familja Mqaddsa (ara Eżerċizi Spiritwali nn. 111-114). Sant Injazju jħeġġiġna biex aħna wkoll inkunu preżenti hemmhekk flimkien magħha: «insir qaddej ċkejken li għalkemm ma jistħoqqlix, inħares lejhom, nikkontemplahom u naqdihom fil-bżonnijiet tagħhom» (Ibid). Din mhix poeżija u lanqas pubbliċità. Din hi xi ħaġa li Injazju kien iħossha u jgħixha.

Meta nikkontemplaw lil Alla mwarrab b’mod attiv, dan jgħinna niskopru l-ġmiel ta’ kull persuna li hi mwarrba.  Ebda servizz ma jista’ jieħu post dak «li napprezzaw lill-fqir fl-istess tjieba tiegħu, f’dak li hu, bil-kultura tiegħu, bil-mod kif jgħix il-fidi tiegħu» (Eżortazzjoni appostolika  Evangelii gaudium, n. 199).

Fil-foqra, intom sibtu post privileġġat biex tiltaqgħu ma’ Kristu. Dan hu rigal prezzjuż fil-ħajja ta’ dawk li jimxu wara Kristu: tirċievi d-don li tiltaqa’ miegħu fil-vittmi u fil-foqra.

Il-fidi tagħna tissaffa meta niltaqgħu ma’ Kristu f’dawk li tant huma għal qalbu. Hekk ġara fil-kas tal-Ġiżwiti; il-fidi tagħhom kibret u ssaħħet permezz tal-esperjenza tagħhom ma’ dawk li huma fl-aħħar post. «Il-fidi tagħna saret aktar fidi tal-Għid u ta’ ferħ, waħda li turi aktar ħniena, ġejja minn qalb tenera, fidi aktar evanġelika fis-sempliċità tagħha»(Kongregazzjoni Ġenerali 34 tal-Ġiżwiti  1995, d. 2, n. 1), speċjalment fil-qadi tal-foqra.

Intom għextu bidla personali u korporattiva fil-kontemplazzjoni silenzjuża tat-tbatija ta’ ħutkom il-bnedmin. Din il-bidla hi konverżjoni, li twassalna biex nerġgħu nħarsu lejn il-wiċċ imsallab li kuljum jistedinna biex nibqgħu qrib tiegħu u nġorrulu s-salib. 

Tifqux toffru din il-familjarità lil dawk li huma vulnerabbli. Id-dinja mkissra u mifruda  teħtieġ li nibnu pontijiet sabiex ikollna ċ-ċans niskopru l-wiċċ sabiħ ta’ ħuna li jinsab fl-aħħar post. F’dan ħuna nistgħu nagħrfu  lilna nfusna. U l-preżenza  tiegħu, għalkemm siekta, titlob li nagħrfu l-bżonnijiet tiegħu biex nieħdu ħsiebu u nuruh is-solidarjetà tagħna. 

Nimxu wara Ġesù  fejn hemm  is-slaleb

Ġesù li kien iddedikat  biex ixandar «il-bxara t-tajba tas-Saltna» u jfejjaq «kull xorta ta’ mard u lil kull min kien nieqes minn saħħtu» (Mt 4, 23) ma kellux «fejn imidd rasu» (Mt 8, 20). Illum l-Ispirtu tiegħu, ħaj fostna, iqanqalna biex nimxu warajh billi nkunu ta’ servizz fis-slaleb ta’ żmienna.

Illum hawn ħafna sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja u tbatija umana li lkoll nafuhom sew. «Forsi nistgħu nitkellmu dwar tielet gwerra dinjija li qed isseħħ “f’biċċiet”, b’atti kriminali, massakri u qerda» (Omelia, Redipuglia, 13 ta’ Settembru 2014). Insibu t-traffikar tal-persuni umani,  l-espressjonijiet ta’ xenofobja u r-riċerka egoista ta’ interess nazzjonali, id-diżugwaljanzi bejn il-pajjiżi u fil-pajjiżi stess, mingħajr ma wieħed isib rimedju. Tista’ tgħid li għandna progressjoni ġeometrika.

Min-naħa l-oħra «qatt ma ttrattajna daqshekk ħażin u offendejna d-dar komuni tagħna daqs dawn l-aħħar żewġ sekli» ( Laudato si’, n. 53).  U ma tistagħġibx li «l-agħar effetti tal-vjolenza kollha li ssir fuq l-ambjent iġarrbuhom l-aktar nies foqra» (Ibid., n. 48).

Hemm ħafna x’tagħmel jekk trid timxi wara Ġesù f’dawn iċ-ċirkustanzi. Nibdew billi nakkumpanjaw lill-vittmi  waqt li naraw fihom  il-wiċċ tal-Mulej msallab. U nkomplu billi nagħtu attenzjoni  lill-bżonnijiet umani li spiss huma ħafna u diffiċli tiffaċċahom. Illum hemm bżonn ukoll nirriflettu fuq ir-realtà tad-dinja biex nikxfu l-maskra tal-ħażen, niskopru l-aħjar tweġibiet u niġġeneraw il-kreattività appostolika u l-profondità li Fr Nicolás tant xtaq għall-Ġiżwiti.

Iżda t-tweġiba tagħna ma tistax tieqaf hawn. Għandna bżonn ta’ «rivoluzzjoni kulturali» (ibid., n. 114) vera, hemm bżonn nibdlu l-ħarsa kollettiva tagħna, l-imġiba tagħna, il-mod  kif inħarsu lejn id-dinja u npoġġu ruħna quddiemha. Fl-aħħarnett, il-ħażen soċjali  spiss jidħol fl-istrutturi ta’ soċjetà b’qawwa li ġġib fix-xejn u toqtol (ara Evangelii gaudium, n. 59).  Dan jurina kemm hu importanti li naħdmu bil-mod biex jinbidlu l-istrutturi permezz tal-parteċipazzjoni  fid-djalogu pubbliku, għax hu hemm li jittieħdu d-deċiżjonijiet li jikkundizzjonaw il-ħajja ta’ dawk li jinsabu fl-aħħar post tas-soċjetà (ara Laqgħa tal-Movimenti popolari f’Bolivia, Santa Cruz de la Sierra, 9 ta’ Lulju 2015).

Ħafna minnkom u ħafna Ġiżwiti oħra li ġew qabilkom bdew ħidma biex jaqdu lil dawk l-aktar foqra; bdew  ħidma ta’ edukazzjoni, ta’ attenzjoni għar-refuġjati, ta’ difiża għad-drittijiet tal-bniedem u ħidma ta’ servizzi soċjali f’bosta oqsma. Kompluha din il-ħidma kreattiva, li dejjem ikun hemm bżonn tiġġedded f’soċjetà fejn qed isiru tant bidliet imgħaġġla. Għinu lill-Knisja fid-dixxerniment li llum irrid isir anki fil-ħidma tagħna ta’ appostolat. Tifqux   tikkollaboraw bejnietkom u ma’ organizzazzjonijiet ekkleżjali u ċivili oħra sabiex f’dinja dejjem aktar globalizzata  tkunu tistgħu  tiddefendu lil dawk l-aktar fil-bżonn permezz  tal-kelma li twasslu intom. Din il-globalizzazzjoni sferika qed ixxejjen l-identità kulturali, l-identità reliġjuża u l-identità personali u tagħmel kollox l-istess. Il-vera globalizzazzjoni trid tkun poliedrika. Irridu nkunu magħqudin, imma kull wieħed iżomm l-identità partikulari tiegħu.

Fit-tbatija ta’ ħutna u tad-dar komuni  mhedda tagħna, hemm bżonn nikkontemplaw il-misteru tal-imsallab biex ikollna l-ħila nagħtu ħajjitna sal-aħħar kif għamlu tant sħabna Ġiżwiti, ibda mill-1975. Din is-sena niċċelebraw it-30 anniversrju tal-martirju tal-Ġiżwiti fl-Universidad Centroamericana ta’ El Salvador. F’din iċ-ċirkustanza, Fr. Kolvenbach  bata ħafna u talab l-għajnuna lill-Ġiżwiti kollha. Ħafna wieġbu b’mod ġeneruż. Il-ħajja u l-mewt tal-martri jagħmlulna kuraġġ biex inkomplu nkunu ta’ servizz għal dawk fil-bżonn.

U nagħtu  bidu għal mixjiet ta’ tama

Id-dinja tagħna għandha bżonn ta’ bidliet li jħarsu l-ħajja li hi mhedda u li jiddefendu lid-dgħajfin. Aħna nfittxu l-bidliet, iżda ħafna drabi ma nkunux nafu liema għandhom ikunu, jew  ma nħossuniex kapaċi niffaċċawhom; narawhom kbar wisq.

Jekk insegwu biss il-loġika umana meta niġu fuq il-fruntieri tal-esklużjoni, hemm ir-riskju li niddispraw. Tibqa’ skantat meta tara li ħafna drabi, il-vittmi ta’ din id-dinja ma jħallux it-tentazzjoni tegħlibhom,  imma jafdaw u jħaddnu t-tama.

Aħna lkoll xhieda tal-fatt li «l-aktar umli, dawk sfruttati, il-foqra u l-imwarrbin» jistgħu jagħmlu u jagħmlu ħafna....Meta l-foqra jorganizzaw ruħhom isiru tassew «poeti soċjali: joħolqu x-xogħol, jibnu d-djar, jipproduċu affarijiet tal-ikel, l-aktar għal dawk li huma skartati mis-suq dinji» (Laqgħa mal-Movimenti popolari fil-Bolivia, Santa Cruz de la Sierra, 9 ta’ Lulju 2015).

L-appostolat soċjali  qiegħed hemm  biex isolvi l-problemi? Iva, imma qiegħed hemm  fuq kollox biex jippromwovi proċessi u jqanqal it-tama. Proċessi li jgħinu biex il-persuni u l-komunitajiet jikbru ħalli jagħrfu d-drittijiet tagħhom, joħorġu l-ħiliet tagħhom u jibnu l-ġejjieni tagħhom.

Aħdmu  «għat-tama nisranija vera, li tfittex is-Saltna eskatoloġika, (u li) dejjem toħloq l-istorja» ( Evangelii gaudium, n. 181). Aqsmu t-tama tagħkom mal-oħrajn hemm fejn tkunu biex timlewhom bil-kuraġġ, tfarrġuhom, issabbruhom u tagħtuhom il-ħajja mill-ġdid. Jekk jogħġobkom, iftħu l-ġejjieni, jew biex nużaw espressjoni ta’ letterat attwali, iffrekwentaw il-ġejjieni. Iftħu  l-ġejjieni, qanqlu l-possibiltajiet, iġġeneraw alternattivi, igħinu biex wieħed jaħseb u jaġixxi b’mod differenti. Ħudu ħsieb kuljum ir-rabta tagħkom ma’ Kristu li qam glorjuż u kunu ħaddiema li jibnu l-imħabba u jiżirgħu t-tama. Imxu u għannu! Tħallux li l-biki, it-taqbid u tħassib dwar il-ħajja ta’ dawk fil-bżonn u l-ħolqien mhedded tagħna jisirqulkom il-ferħ tat-tama (ara Laudato si’, n. 244)..

Nixtieq nagħlaq bi xbieha – aħna l-qassisin inqassmu s-santi fil-parroċċi tagħna biex in-nies jieħdu xbieha magħhom id-dar. Din hi  xbieha ta’ xi ħadd mill-familja tagħna –. It-Testment ta’ Arrupe fit-Tajlandja, fil-kamp tar-refuġjati, mal-iskartati , b’dak kollu  li dak ir-raġel kien iħobb, kien ibati ma’ dawk in-nies, ma’ dawk il-Ġiżwiti li kienu qed jiftħu triq bl-appostolat kollu li kienu qed jagħmlu, jitlob minnkom xi ħaġa: tħalllux it-talb. Dan kien it-testment tiegħu. Ħalla t-Tajlandja dakinhar meta waqt it-titjira ħassu ħażin. Jalla dan il-qaddis, din ix-xbieha tikkumpanjakom dejjem. Grazzi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard