Il-Papa Franġisku
Diskors lil dawk li ħadu sehem fit-68 edizzjoni

tal-Ġimgħa Liturġika Nazzjonali

Sala Pawlu VI
il-Ħamis 24 ta’ Awwissu,2017

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb.

Merħba lilkom ilkoll u nirringrazzja lill-President, l-Eċċellenza Mons. Claudio Maniago, għall-kliem li bih ippreżenta din il-Ġimgħa Liturġika Nazzjonali f’għeluq is-70 sena  mit-twaqqif taċ-Ċentru  ta’ Azzjoni Liturġika.

F’din il-medda ta’ snin, fl-istorja tal-Knisja, u b’mod partikulari fl-istorja tal-liturġija, seħħu ġrajjiet sostanzjali li ma kienux superfiċjali.  Kif il-Konċilju Vatikan II ma jintesiex, hekk ukoll ir-riforma liturġika li ħarġet minnu.

Il-Konċilju u r-riforma huma żewġ ġrajjiet marbutin flimkien b’mod dirett; dawn  ma seħħux bla ma wieħed kien qed jistenniehom, iżda kien hemm tħejjija fit-tul  għalihom. Xhieda ta’ dan huma  dak li ssejjaħ il-moviment liturġiku u t-tweġibiet tal-Papiet għat-tfixkil li wieħed  kien jiltaqa’ miegħu fit-talb ekkleżjali. Meta jfeġġ il-bżonn, anki meta ma jkunx hemm soluzzjoni immedjata, ikun meħtieġ li tibda ssir xi ħaġa.

Qed jiġi f’moħħi San Piju X li ta bidu għar-riorganizzazzjoni tal-mużika sagra[1] u għall-qawmien ġdid u ċelebrattiv tal-ġurnata tal-Ħadd[2]. Hu waqqaf kummissjoni għar-riforma ġenerali tal-liturġija propju meta kien jaf li dan kien  ifisser “ħidma kbira  li tieħu ż-żmien”  u li allura  kif qal hu stess “kien hemm bżonn ta’ ħafna snin biex  din il-binja liturġika (...) tippurifika ruħha mit-tikmix taż-żmien u tiddi mill-ġdid bid-dinjità u l-armonija  kollha tagħha” [3].

Dan il-proġett ta’ riforma reġa’ ħadu f’idejh il-Papa Piju XII bl-Enċiklika Mediator Dei [4] u l-istituzzjoni ta’ kummissjoni ta’ studju.[5] Piju XII ħa wkoll deċiżjonijiet konkreti dwar ir-reviżjoni tas-Salterju, [6] it-tnaqqis fis-sawma ewkaristika, l-użu tal-lingwa ħajja fir-Ritwal, ir-riforma importanti tal-Vġili tal-Għid u l-Ġimgħa Mqaddsa. [7] Dan kollu flimkien mal-eżempju ta’ nazzjonijiet oħra, qanqal anki lill-Italja biex twaqqaf iċ-Ċentru ta’ Azzjoni Liturġika mmexxi mill-Isqfijiet, ħerqana biex jgħinu l-poplu fdat f’idejhom, u animat minn studjużi li barra milli jħobbu l-pastorali liturġika  jħobbu wkoll il-Knisja.

Imbagħad, il-Konċilju Vatikan II wassal għall-maturazzjoni tas-Sacrosanctum Concilium (SC), il-Kostituzzjoni dwar il-liturġija mqaddsa, li nistgħu nħarsu lejha  bħala frott bnin fis-siġra tal-Knisja. Il-linji ta’ riforma ġenerali li nsibu f’dan id-dokument iwieġbu għal ħtiġijiet reali u għat-tama ta’ tiġdid: kien hemm xewqa għal liturġija ħajja biex il-Knisja kollha tieħu  l-ħajja mill-misteri li tiċċelebra. Dan kien ifisser tiġdid fil-mod kif wieħed jesprimi l-vitalità dejjiema tal-Knisja li titlob filwaqt li tieħu ħsieb li “l-fidili ma jkunux għal dan il-misteru tal-fidi bħallikieku barranin jew iħarsu siekta, iżda waqt li jifhmuh tajjeb permezz tar-riti u t-talb tiegħu, jieħdu sehem li jifhmuh, sehem qaddis u ħaj fl-azzjoni mqaddsa” (SC, 48). Il-Beatu Pawlu VI fakkar dan meta spjega l-ewwel passi tar-riforma li kienet imħabbra: “Tajjeb niftakru li hi propju l-awtorità tal-Knisja li  qed tixtieq, tippromwovi u tqanqal għal dan il-mod ġdid ta’ talb, filwaqt li tkompli ssaħħaħ il-missjoni spiritwali tagħha […]. M’hemmx dubju li l-ewwel irridu nkunu dixxipli u mbagħad inkunu sostenituri tal-iskola ta’ talb, li waslet biex tibda”. [8]

Id-direzzjoni mfassla mill-Konċilju, mibnija fuq il-prinċipju tar-rispett lejn it-tradizzjoni tajba  u l-progress xieraq (ara SC, 23), [9] ħadet il-forma fil-kotba liturġiċi li ġew promulgati mill-Beatu Pawlu VI, milqugħa tajjeb mill-istess Isqfijiet li ħadu sehem fil-Konċilju, u li issa ilhom kważi 50 sena wżati b’mod universali fir-Rit Ruman. L-applikazzjoni prattika, iggwidata mill-Konferenzi Episkopali tal-Pajjiżi differenti, għadha sejra, għax  biex iġġedded il-mentalità mhux biżżejjed li tirriforma l-kotba liturġiċi. Il-kotba riformati skont id-digrieti tal-Konċilju Vatikan II introduċew proċess li jitlob ħin, fedeltà, ubbidjenza prattika, implimentazzjoni ċelebrattiva għaqlija, l-ewwelnett mill-ministri ordnati, imbagħad ukoll mill-ministri l-oħra, mill-kanturi u minn dawk kollha li jieħdu sehem fil-liturġija. Nafu tajjeb li l-edukazzjoni liturġika tar-Rgħajja u tal-fidili hi sfida li wieħed irid dejjem jaffrontaha mill-ġdid. Sena qabel ma miet, l-istess Pawlu VI kien qal lill-Kardinali miġbura f’Konċistorju: “Wasal il-waqt li nwarrbu  b’mod definittiv l-elementi li jikkawżaw  firda u li f’sens jew ieħor jagħmlu l-ħsara, u li, fi qbil mal-kriterji ġusti li spirawha, napplikaw b’mod sħiħ ir-riforma li ġiet approvata minna fl-applikazzjoni ta’ dak li xtaq il-Konċilju” [10].

Illum irridu nkomplu naħdmu f’din id-direzzjoni, l-aktar billi  niskopru mill-ġdid x’kien dak li wassal għad-deċiżjonijiet li seħħu fir-riforma liturġika, billi negħlbu l-użu ta’ qari bla bażi u superfiċjali, ta’ riċezzjonijiet parzjali u ta’ proċeduri li jisfigurawha. Mhux il-każ li naħsbu mill-ġdid dwar ir-riforma billi nirrevedu l-għażliet dwarha, imma billi nsiru nafu aħjar ir-raġunijiet li hemm warajhom, anki permezz tad-dokumentazzjoni, billi ninterjorizzaw il-prinċipji li hemm fiha u li jispirawna, u billi nosservaw id-dixxiplina li tirregolaha. Wara dan il-maġisteru, wara din il-mixja twila, aħna ċerti u nistgħu nisħqu  b’awtorità maġisterjali li r-riforma liturġika hi irriversibbli.

Il-ħidma li tippromwovi u tieħu ħsieb il-liturġija hi fdata  bi dritt lis-Sede Appostolika u lill-Isqfijiet djoċesani, li fil-mument preżenti nserraħ ħafna fuq ir-responsabbilità u l-awtorità tagħhom.  Hemm involuti wkoll l-organizzazzjonijiet  nazzjonali u djoċesani tal-pastorali liturġika, l-Istituti ta’ formazzjoni u s-Seminarji. Fl-Italja nsibu ċ-Ċentru ta’ Azzjoni Liturġika li hu magħruf f’dan il-qasam edukattiv  għall-inizjattivi li jwettaq, fosthom il-Ġimgħa Liturġika li ssir kull sena.

Wara li fakkarna dak li seħħ f’din il-mixja, issa nixtieq insemmi xi aspetti fid-dawl tat-tema  “Liturġija ħajja għal Knisja ħajja” li  rriflettejtu fuqha matul dawn il-ġranet.

- Il-liturġija hi “ħajja” għax fiha hemm il-preżenza ta’ Dak li “bil-mewt tiegħu rebaħ il-mewt u bil-qawmien tiegħu reġa’ tana mill-ġdid il-ħajja” (Prefazju tal-Għid I). Mingħajr il-preżenza reali tal-misteru ta’ Kristu, m’hemm ebda vitalità liturġika. Jekk il-qalb tal-bniedem ma tħabbatx ma jkunx hemm ħajja fil-bniedem, u l-istess  fil-liturġija: jekk ma jkunx hemm il-qalb ta’ Kristu li tħabbat ma jkunx hemm azzjoni liturġika.

 Fil-fatt il-liturġija hi meqjusa bħala l-ħidma tal-uffiċċju saċerdotali ta’ Kristu, li fiha jitfisser u jseħħ, permezz  ta’ sinjali mqaddsa, dak li seħħ meta Kristu  offra ħajtu għalina  b’dirgħajh miftuħa  fuq is-salib.  Dan l-għemil ta’ Kristu saċerdot issa jsir preżenti  fir-riti u t-talb, fuq kollox  fil-Ġisem u d-Demm tiegħu, u wkoll fil-persuna tas-saċerdot, fil-proklamazzjoni tal-Kelma t’Alla, u fil-ġemgħa miġbura f’ismu biex titlob (ara SC, 7).

 Fost is-sinjali li jidhru tal-Misteru li ma jidhirx hemm l-altar, sinjal ta’ Kristu ġebla ħajja, imwarrba mill-bnedmin, li saret il-ġebla tax-xewka fid-dar spiritwali fejn noffru  lil Alla l-ħaj il-kult fl-ispirtu u l-verità (ara 1 Pt 2,4; Ef 2,20). Għalhekk l-altar hu ċ-ċentru tal-attenzjoni fil-Knejjes tagħna [11]; hu  ddedikat u midluk biż-żejt tal-griżma; aħna nbusuh u nqimuh: is-saċerdoti u fidili miġbura flimkien biex jitolbu jitfgħu ħarsithom lejh; [12] il-Knisja tqiegħed fuq l-altar l-offerta  li l-Ispirtu jikkonsagra  u ssir sagrament  tas-sagrifiċċju ta’ Kristu;  il-ħobż tal-ħajja u l-kalċi tas-salvazzjoni jaslu għandna minn fuq l-altar  u “aħna nsiru ġisem wieħed u ruħ waħda fi Kristu” (Talba Ewkaristika III).

- Il-Liturġija hi ħajja għall-poplu kollu tal-Knisja [13]. Min-natura tagħha l-liturġija hi “popolari” u mhux klerikali  għax - kif tgħallimna l-etimoloġija – hi azzjoni għall-poplu u tal-poplu. Kif ifakkarna ħafna mit-talb liturġiku, hi l-azzjoni li Alla  stess iwettaq favur il-poplu tiegħu, u hi wkoll l-azzjoni tal-poplu li jisma’ lil Alla  jitkellem u mbagħad jaġixxi billi jfaħħar u jitlob lil Alla filwaqt li jilqa’ l-għajn ineżawribbli  ta’ ħajja u ħniena li tfur mis-sinjali qaddisa.

Il-Knisja li titlob tiġbor lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom is-smigħ tal-Evanġelju; ma tħalli barra lil ħadd: tiġbor kbar u żgħar, sinjuri u foqra, tfal u anzjani, nies b’saħħithom u nies morda, nies ġusti u nies midinba. Bħal dik “il-kotra kbira” li tiċċelebra l-liturġija fis-santwarju tas-sema (ara Apk 7,9) il-ġemgħa liturġika, fi Kristu,  tissupera kull  limitu ta’ età, razza, ilsien u nazzjon.

Il-fatt li l-liturġija hi “popolari” jfakkarna li  hi inklussiva u mhux esklussiva, li twassal għal komunjoni ma’ kulħadd, filwaqt li ssejjaħ lil kull wieħed biex bil-vokazzjoni u l-oriġinalità tiegħu jagħti sehmu ħalli jinbena l-Ġisem ta’ Kristu: “l-Ewkaristija mhijiex sagrament “għalija”, hi sagrament  għal ħafna li jiffurmaw ġisem wieħed, il-poplu fidil u qaddis ta’ Alla”. [14] Għalhekk ma rridux ninsew li hi l-liturġija  li tesprimi l-ewwel il-pietas tal-poplu kollu  ta’ Alla, u mbagħad magħha jiżdiedu eżerċizzi qaddisa u devozzjonijiet li nafuhom bl-isem ta’ pietà popolari u li għandhom ikunu valorizzati u mħeġġa f’armonija mal-liturġija. [15]

- Il-liturġija hi ħajja u mhux xi idea li rridu nifhmuha. Twassalna biex ngħixu esperjenza  li tagħti bidu għall-bidla  fil-mod kif naħsbu u nġibu ruħna, u mhux biex nistgħanew  fl-ideat tagħna dwar Alla. Il-kult liturġiku “mhuwiex primarjament duttrina li rridu nifhmuha, jew rit li rridu nwettquh; naturalment  huwa dan ukoll, imma b’mod essenzjalment differenti: il-kult liturġiku hu għajn ta’ ħajja u ta’ dawl għall-mixja tagħna ta’ fidi”. [16]

Ir-riflessjonijiet spiritwali huma differenti mill-liturġija, għax il-liturġija  “ddaħħalna fil-misteru t’Alla, tħallina nsibu ruħna fil-misteru u nkunu fil-misteru” [17]   Hemm differenza  bejn meta  ngħidu  li Alla jeżisti  u meta ngħidu li Alla jħobbna  kif aħna, issa u hawnhekk. Fit-talba liturġika nisperimentaw il-komunjoni li mhijiex imfissra minn ħsieb astratt imma minn azzjoni li l-aġenti tagħha huma Alla u aħna, Kristu u l-Knisja. [18] Ir-riti u t-talb (ara SC, 48), permezz ta’ dak li huma u mhux tat-tifsira li nagħtuhom aħna, jsiru skola ta’ ħajja nisranija, miftuħa għal min għandu widnejn, għajnejn u qalb lesti li jifhmu l-vokazzjoni u l-missjoni tad-dixxipli ta’ Ġesù. Dan hu fi qbil mal-katekeżi mistagoġika ta’ Missirijiet il-Knisja,  li nsibuha wkoll fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, li jitkellem dwar il-liturġija, l-Ewkaristija u s-Sagramenti l-oħra fid-dawl tat-testi u r-riti tal-kotba liturġiċi li nużaw illum.

Il-Knisja tkun tabilħaqq ħajja, jekk waqt li tgħix  fi Kristu, tagħti l-ħajja, tkun omm, tkun missjunarja, toħroġ tiltaqa’ mal-proxxmu lesta li taqdi mingħajr ma tfittix il-poteri dinjija li jagħmluha sterili. Hekk, waqt li tiċċelebra l-misteri qaddisa hi tfakkar f’Marija, il-Verġni tal-Magnificat,  u tikkontempla fiha “bħallikieku fi xbieha l-aktar safja, dak li hi tixtieq u tittama li tkun” (SC, 103).

Fl-aħħar ma nistgħux ninsew ir-rikkezza fit-talb tal-Knisja,  għax la l-Knisja hi “kattolika”, din ir-rikkezza tmur ‘l hemm mir-Rit Ruman, li għalkemm hu l-aktar estensiv, mhuwiex l-uniku. L-armonija tat-tradizzjonijiet ritwali tal-Orjent u l-Oċċident, imnebbħa mill-istess Spirtu, tagħti leħen lill-Knisja waħda li titlob  bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu biex tagħti glorja lill-Missier u għall-fidwa tad-dinja.  

Għeżież ħuti, grazzi ta’ din iż-żjara tagħkom u nħeġġeġ lil dawk responsabbli taċ-Ċentru ta’ Azzjoni Liturġika biex ikomplu jżommu l-fidi u l-aspirazzjoni tal-bidu, dik li jservu fejn jidħol it-talb tal-poplu qaddis ta’ Alla. Fil-ħidma pastorali liturġika li jwettaq, iċ-Ċentru ta’ Azzjoni Liturġika dejjem iddistingwa ruħu għall-fedelta’ tiegħu lejn l-indikazzjonijiet mogħtija mis-Sede Appostolika u anki dawk mogħtija mill-Isqfijiet filwaqt li gawdew mill-għajnuna tagħhom. L-esperjenza twila tal-Ġimgħat Liturġiċi li saru f’bosta djoċesijiet tal-Italja, flimkien mar-rivista “Liturġija” għenu  biex it-tiġdid liturġiku jseħħ ukoll fil-ħajja tal-parroċċi, tas-seminarji u tal-komunitajiet reliġjużi. It-taħbit ma jonqosx imma lanqas il-ferħ! U llum ukoll qed nitlobkom dan l-impenn: għinu lill-ministri ordnati kif ukoll lill-ministri l-oħra, lill-kanturi, lill-artisti, lill-mużiċisti, biex jikkoperaw ħalli l-liturġija tkun “l-għajn u l-quċċata tal-ħajja tal-Knisja” (ara SC,10). Nitlobkom jekk jogħġobkom titolbu għalija u minn qalbi nagħtikom il-Barka Appostolika.  

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard.

 

Referenzi:

[1] Ara Motu proprio Tra le sollecitudini, 22 ta’ Novembru 1903: ASS 36 (1904), 329-339.

[2] Ara Kost. appDivino afflatu, 1 ta’ Novembru 1911: AAS 3 (1911), 633-638.

[3] Motu proprio Abhinc duos annos, 23  ta’ Ottubru 1913: AAS 5 (1913) 449-450.

[4] 20 ta’ Novembru 1947: AAS 39 (1947) 521-600.

[5] Ara Sacrae Congr. Rituum, Sectio historica, 71, “Memoria sulla riforma liturgica” (1946).

[6] Ara Piju XII, Motu proprio In cotidianis precibus, 24 ta’ Marzu 1945: AAS 37 (1945) 65-67.

[7] Ara Sacrae Congr. Rituum, Decretum Dominicae Resurrectionis, 9 ta’ Frar 1951: AAS 43 (1951) 128-129; Id., Decretum Maxima Redemptionis, 16 ta’ Novembru 1955: AAS 47 (1955) 838-841.

[8] Udjenza ġenerali tat-13 ta’ Jannar 1965.

[9] «Ir-riforma tar-riti u l-kotba liturġiċi bdiet mill-ewwel wara l-promulgazzjoni tal-kostituzzjoni Sacrosanctum Concilium u bdiet tkun attwata wara ftit snin grazzi għall-ħidma kbira u ġeneruża ta’ għadd kbir ta’ esperti u isqfijiet f’pajjiżi differenti tad-dinja (ara Sacrosanctum Concilium, 25). Din il-ħidma kienet iggwidata mill-prinċipju konċiljari: fedeltà lejn it-Tradizzjoni u ftuħ lejn it-triq  għal progress xieraq ( ara Sacrosanctum Concilium, 23). Għalhekk jista’ jingħad li r-riforma liturġika hi strettament tradizzjonali “ad normam Sanctorum Patrum” (cfr ibid., 50; Institutio generalis Missalis Romani, Prooemium, 6)» (Giovanni Paolo II, Lett. ap. Vicesimus quintus annus, 4).

[10] «Illum punt partikulari tal-ħajja tal-Knisja mill-ġdid jattira l-attenzjoni tal-Papa: l-effetti tal-benefiċċju li ġabet magħha r-riforma liturġika. Il-promulgazzjoni tal-Kostituzzjoni Konċiljari Sacrosanctum Concilium ġabet magħha progress kbir, li jwieġeb għall-premessi li qajjem il-moviment liturġiku fl-aħħar parti tas-seklu XIX. Wieġbet għall-ispirazzjonijiet profondi ta’ ħafna nies tal-Knisja u studjużi li ħadmu u talbu. Ir-Rit ġdid tal-Quddiesa promulgat minna wara preparazzjoni fit-tul u bir-reqqa minn organizzazzjonijieti kompetenti u li fih ġie introdott tifħir  ewkaristiku ieħor ma’ dak tal-Kanoni Ruman, li essenzjalment ma nbidilx, ħalla ħafna frott imbierek: parteċipazzjoni aktar kbira fl-azzjoni liturġika, għarfien aktar ħaj dwar l-azzjoni sagra,  għarfien akbar u iżjed wiesa’ dwar it-teżori kbar fil-Kotba Mqaddsa, żdied is-sens komunitarju fil-Knisja. Il-mixja f’dawn is-snin turi li qegħdin fit-triq it-tajba. Iżda għalkemm il-maġġoranza l-kbira tal-azzjoni li saret mill-kleru u l-fidili kienet  tajba u sana, sfortunatment  kien hemm  ukoll abbużi u libertà  fl-applikazzjoni tar-riforma liturġika. Issa wasal il-waqt li nwarrbu  b’mod definittiv l-elementi li jikkawżaw  firda u li f’sens jew ieħor jagħmlu l-ħsara, u  li, fi qbil mal-kriterji ġusti li spirawha, napplikaw b’mod sħiħ ir-riforma li ġiet approvata minna fl-applikazzjoni ta’ dak li xtaq il-Konċilju” (Alloc. Gratias ex animo, 27 ta’ Ġunju1977: Insegnamenti di Paolo VI, XV [1977], 655-656, bit-Taljan 662-663)

[11] ara Ordinamento generale del Messale Romano, n. 299; Rito della dedicazione di un altare, Premesse, nn. 155, 159

[12] «Madwar dan l-altar aħna nitmantnu bil-ġisem u d-demm ta’ Ibnek biex niffurmaw il-Knisja tiegħek waħda u qaddisa » (Rito della dedicazione di un altare, n. 213, Prefazio).

[13] «L-azzjonijiet liturġiċi mhumiex għemejjel  privati iżda ċelebrazzjonijiet tal-Knisja li hi “sagrament tal-unità”, jiġifieri poplu qaddis magħqud  u organizzat  taħt it-tmexxija tal-Isqfijiet. Għalhekk huma azzjonijiet tal-Ġisem kollu  tal-Knisja, manifestazzjoni tiegħu, u jħallu effett fuqu” (SC, 26).

[14] Omeliija fis-festa solenni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu , 18 ta’ Ġunju 2017:  L’Osservatore Romano, 19-20 ta’ Ġunju 2017, pag. 8.

[15] ara SC, 13; Esort. ap. Evangelii gaudium, 24  ta’ Novembru 2013, 122-126: AAS 105 (2013), 1071-1073.

[16] Omelija fil-Quddiesa tat-tielet Ħadd tar-Randan, Parroċċa f’Ruma “Ognissanti, 7 ta’ Marzu 2015.

[17] Omelija fil-Quddies f’ S. Marta, 10 ta’ Frar 2014.

[18] «Il-memorjal ewkaristiku  jagħmlilna daqshekk tajjeb għax  mhuwiex idea, tifkira astratta, kiesħa,  imma hu tifkira ħajja  li tfarraġna bl-imħabba t’Alla. […] Fl-Ewkaristija hemm it-togħma kollha tal-kliem u l-ġesti ta’ Ġesù, il-benna tal-Għid tiegħu, il-fwieħa tal-Ispirtu tiegħu. Meta nirċevuha, f’qalbna nħossu ċ-ċertezza li Alla jħobbna» (Omeliija fis-festa solenni tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu , 18 ta’ Ġunju 2017:  L’Osservatore Romano, 19-20 ta’ Ġunju 2017, pag.8).