DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Il-jum it-tajjeb lil kulħadd,

Jiena ħsibt li kellu jkun diskors ta’ merħba....  Iżda meta smajt lil Gianluigi jitkellem indunajt li hemm in-nar, hemm il-mistika.  Hi ħaġa kbira: ilni żmien ma nisma’ lil min jitkellem dwar il-familja b’tant passjoni.  U llum trid il-kuraġġ biex tagħmel dan!  Meħtieġ il-kuraġġ.  U ta’ dan, grazzi!  Jien ħejjejt diskors, imma wara l-ħerqa li biha tkellem hu, dan qed narah kiesaħ.  Se ntihulu biex wara jqassamulkom, imbagħad nippublikah.

Waqt li kien qed jitkellem bdew ġejjin f’qalbi u f’moħħi ħafna affarijiet, tant affarijiet dwar il-familja, ħwejjeġ li ma tantx jingħadu, ma jingħadux normalment, jew, jekk jingħadu, il-kliem ikun “edukat”, qiesu xi lezzjoni dwar il-familja...... Hu tkellem minn qalbu, u intom ilkoll tridu titkellmu bħalu.  Se nieħu xi ftit minn dak li qal, u jien ukoll irrid nitkellem minn qalbi, u ngħid minn moħħi dak li ħasset qalbi waqt li kien jitkellem.

Huwa uża l-espressjoni: “inħarsu f’għajnejn xulxin”.  Ir-raġel u l-mara, ir-raġel u martu, iħarsu f’għajnejn xulxin.  Nirrakkuntalkom storja żgħira.  Waqt l-udjenzi jien nieħu gost insellem lill-koppji li jkunu għalqu ħamsin sena, ħamsa w għoxrin sena..; anki meta ma jkunux ġew għall-quddiesa f’Santa Marta.  Darba kien hemm koppja li kienu għalqu sittin sena.  Imma kienu żgħażagħ, għax kienu żżewġu meta kellhom tmintax-il sena, kif kien isir fi żmienhom.  Dak iż-żmien kien jiżżewwġu ta’ età żgħira.  Illlum, biex jiżżewweġ it-tifel... imsejkna l-ommijiet!  Imma r-riċetta hi ċara: tgħaddilux aktar il-qomos, u mbagħad jiżżewweġ kmieni, jew le?  Insib ruħi quddiem dil-koppja, u kienu qed iħarsu lejja... Għidtilhom “Sittin sena!  Imma għadkom tinħabbu bl-istess imħabba?”.  U huma, li kienu qed iħarsu lejja, taw ħarsa lil xulxin, imbagħad daru jħarsu lejja, u jien rajt li kellhom id-dmugħ f’għajnejhom.  U t-tnejn li huma qaluli: “Aħna namrati”.  Ma ninsieha qatt.  “Wara sittin sena: aħna namrati”.  Is-sħana tal-familja li tikber, l-imħabba li mhix imħabba ta’ xi rumanz.  Hija mħabba vera.  Namrati tul il-ħajja kollha, minkejja l-problemi li jeżistu.... Imma nibqgħu namrati.

Imbagħad lill-koppji li jagħlqu ħamsin, sittin sena, nagħmlilhom mistoqsija oħra: “Min minnkom ħa l-aktar paċenzja?”.  It-tweġiba hi matematika: “It-tnejn li aħna”.  Kemm hu sabih dan!  Dan ifisser ħajja flimkien, ħajja tal-koppja.  Dik il-paċenzja li jissaportu lil xulxin.

Imbagħad, lill-koppji żgħażagħ li jgħiduli: “Aħna ilna xahar, xaharejn miżżewġin...”, il-mistoqsija li nagħmlilhom hi: “Illitikajtu?”  Is-soltu jgħiduli: “Iva”.  “Ah, tajjeb, dan hu importanti. Imma hu importanti wkoll li l-ġurnata ma tispiċċax mingħajr ma tkunu għamiltu paċi”.  Jekk jogħġobkom, għallmuh dan: hu normali li wieħed jitlewwem, għax aħna persuni ħielsa, u jkun hemm xi problema li jeħtieġ niċċarawha.  Imma ttemmux il-ġurnata mingħajr ma tagħmlu paċi.  Għaliex?  Għax il-gwerra bierda tal-ġurnata ta’ wara hi perikoluża ħafna.

Ridt nintroduċi dak li xtaqt ngħidilkom b’dawn it-tliet stejjer.

Il-ħajja tal-familja: hija sagrifiċċju, imma sagrifiċċju sabiħ.  L-imħabba hi bħal meta tipprepara l-għaġin: kuljum.  L-imħabba fiż-żwieġ hija sfida, għar-raġel u għall-mara.  Liema hija l-akbar sfida li għandu r-raġel?  Li lil martu jagħmilha aktar femminili.  Aktar “mara”.  Li tikber bħala mara.  U liema hi l-isfida tal-mara?  Li lil żewġha tagħmlu aktar “raġel”.  U b’hekk jibqgħu mexjin ‘il quddiem it-tnejn li huma.  Jibqgħu għaddejjin.

Haġ’oħra li tgħin ħafna fil-ħajja taż-żwieġ hi l-paċenzja: li wieħed jagħraf jistenna.  Jistenna.  Fil-ħajja hemm sitwazzjoniet ta’ kriżi – kriżijiet kbar, kriżijiet koroħ – fejn forsi jaslu wkoll żminijiet ta’ infedeltà.  Meta l-problema ma tkunx tista’ tissolva fil-ħin, meħtieġa dik il-paċenzja tal-imħabba li tistenna, li tistenna. Tant nisa – għax din hija aktar tal-mara milli tar-raġel - imma anki r-raġel kultant jgħaddi minn dan – tant nisa fis-silenzju jistennew billi jdawru ħarsithom in-naħa l-oħra, jistennew lil żewġhom jerġa lura lejn il-fedeltà.  U din hija l-qdusija.  Il-qdusija li taħfer kollox, għax tħobb.  Paċenzja.  Paċenzja kbira b’xulxin.  Jekk xi parti jkollha n-nervi u tgħolli leħinha, (il-parti l-oħra) ma tweġibx bl-għajat.... tibqa’ siekta, tħalli t-tempesta tgħaddi, u mbagħad, fil-ħin f’waqtu, titkellem dwar il-problema.

Hemm tliet kelmiet maġiċi, imma kelmiet importanti fiż-żwieġ:  L-ewwel u qabel kollox: “nista”: mal-parti l-oħra ma nknux invadenti.  “Nista’?”  Dak ir-rispett reċiproku.  It-tieni kelma: “Skużani”.  Li titlob skuża huwa importanti ħafna, ħafna importanti!  Ilkoll niżbaljaw fil-ħajja, ilkoll.  “Skużani, għamilt hekk...”, “Skużani, insejt....”  U dan jgħin biex nibqgħu mexjin ‘il quddiem.  Jgħin biex il-familja timxi ‘l quddiem, il-ħila li titlob skuża.  Hu minnu li meta titlob skuża tħoss xi ftit tal-mistħija, imma dejjem hi mistħija qaddisa1  “Skużani, insejt....”  Hi ħaġa li tgħin ħafna fil-mixja ‘l quddiem.  U t-tielet kelma: “Grazzi”.  Ikollna qalb kbira li dejjem tirringrazzja.

Imbagħad int ikkowtajt ukoll l-Amoris Laetitia, u għidt: “hawnhekk l-Amoris Laetitia tlaħħmet”.  Nieħu gost nisma’ dan: aqrawh, aqrawh ir-raba’ kapitlu.  Ir-raba’ kapitlu hu propju l-qalba tal-Amoris Laetitia.  Hija propju  l-ispiritwalità tal-ħajja ta’ kuljum tal-familja.  Xi wħud, l-Amoris Laetitia rriduċewha għal-każisitika ħawlija ta’ “x’jista’ jsir u x’ma jistax”.  Ma fehemu xejn!  Imbagħad, fl-Amoris Laetitia hemm moħbijin il-problemi, il-problemi tat-tħejjija għaż-żwieġ.  Intom tgħinu lill-għarajjes jitħejjew: hemm bżonn li l-affarijiet ngħiduhomlhom ċari, mhux hekk?  Ċar.  Darba fi Buenos Aires, waħda mara qaltli:  “Imma intom is-saċerdoti moħħkom jilħqilkom...”  “Għaliex?” - Biex issiru  saċerdoti ddumu tistudjaw tmien snin, tħejju ruħkom tul medda ta’ tmien snin.  U mbagħad, jekk wara ftit l-affarijiet ma jibqgħux jaħdmu, tiktbu ittra sabiħa Ruma; u minn Ruma jtukom il-permess, u tkun tista’ tiżżewweġ.  Minflok, lilna jtuna Sagrament għal ħajjitna kollha, tikkuntentawna bi tlieta jew erba’ laqgħat ta’ tħejjija.  Dan mhux ġust”.  U dik il-mara kellha raġun.  It-tħejjija għaż-żwieġ: iva, hemm bżonn ta’ xi konferenzi li fihom ikunu spjegati l-affarijiet, imma hemm bżonn ta’ rġiel u nisa, ħbieb, li jitkellmu magħhom u jgħinuhom jimmaturaw, jimmaturaw fil-mixja.  U nistgħu ngħidu li llum hemm bżonn ta’ katekumenat għaż-żwieġ, bħalma jsir fil-każ tal-Magħmudija.  Inħejju, ngħinuhom biex jitħejjew għaż-żwieġ.  Imbagħad, problema oħra li naraw fl-Amoris Laetitia hi l-edukazzjoni tal-ulied.  Mhux faċli teduka l-ulied.  Illum l-ulied huma aktar fuq tagħhom minna!  Fid-dinja virtwali, jafu ħafna aktar minna Imma jeħtieġ nedukawhom għall-komunità, għall-ħajja familjari.  Nedukawhom biex jissagrifikaw ruħhom għal xulxin.  Mhux faċli teduka l-ulied.  Hemm problemi kbar.  U intom li tħobbu ‘l-familja, lill-familji oħra tistgħu tgħinuhom f’dan.  Il-familja hi avventura, avventura sabiħa!  U llum – ngħidha b’qalb tqila – ħafna drabi naħsbu biex nibdew familja jew biex niżżewġu qiesna se nilgħabu l-lotterija: “Immorru.  Jekk jaħdem, tajjeb.  Jekk ma jaħdimx, inħassru kollox u nibdew mill-ġdid”.  Din is-superfiċjalità dwar l-akbar rigal li Alla ta lill-umanità: il-familja.  Għaliex wara r-rakkont tal-ħolqien tal-bniedem, Alla juri li ħalaq ir-raġel u l-mara xbieha tiegħu.  U Ġesù stess, meta jitkellem dwar iż-żwieġ jgħid: “Ir-raġel iħalli lil missieru u ‘l-ommu u jsir ħaġa waħda ma’ martu”.  Għaliex huma xbieha ta’ Alla.  Intom ikona ta’ Alla, il-familja hija ikona ta’ Alla.  Ir-raġel u l-mara: hi propju x-xbieha ta’ Alla.  Qalha Hu, mhux jien qed ngħidha.  U dan hu kbir u sagru.

Imbagħad illum – tweġġa’ meta tgħidha – nitkellmu dwar familji “diversifikati”: diversi tipi ta’ familja.  Iva, huwa minnu li l-kelma familja hi kelma analoga, għax nitkellmu dwar “il-familji tal-kwiekeb”, dwar “Il-familja tas-siġar”, dwar “il-familji tal-annimali”... hija kelma analoġika. Imma l-familja umana xbieha  t’Alla, raġel u mara, hi waħda biss.  Hi unika.  Jista’ jkun il-kas li raġel u mara ma jkunux jemmnu: imma jekk iħobbu lil xulxin u jingħaqdu fiż-żwieġ, huma xbieha t’Alla, minkejja li ma jemmnux.  Huwa misteru: San Pawl isejjaħlu “misteru kbir”, “sagrament kbir” (cfr Ef 5, 32).  Misteru tabilħaqq. Jien jogħġobni dak kollu li inti għidt u l-ħerqa li bih għidtu.  Hekk għandu jkun id-diskors dwar il-familja, bil-passjoni.

Darba, mingħalija xi sena ilu, ċempilt lil wieħed qarib tiegħi li kien se jiżżewweġ.  Ta’ erbgħin sena.  Fl-aħħar għidtlu: “Għidli ftit, f’liema knisja se tiżżewweġ?” - “Għadna ma ddeċidejniex sew għax qed infittxu knisja li tkun taqbel mal-libsa li se jkollha.. u qalli isem għarustu – u mbagħad għandna l-problema tar-restorant...”  Aħsbu ftit... dak kien l-aktar importanti.  L-importanti hu l-imħabba ta’ xulxin, li tirċievi s-Sagrament, u tibqa’ miexi ‘l quddiem... u mbagħad għamel il-festi kollha li trid, kollha.

Darba ltaqjt ma koppja li kienu ilhom miżżewġin għaxar snin u baqgħu bla tfal.  Delikat ħafna titkellem dwar dan, għax ħafna drabi l-ulied huma mixtieqa, imma ma jaslux, mhux veru?  Jien ma kontx naf kif se nqiegħed l-arguent.  Imbagħad sirt naf li huma ma ridux tfal.  Imma dawn it-tnejn fid-dar kellhom tliet iklieb u żewġ qtates.  Sabiħ li jkollok kelb, qattus, sabiħ....  Inkella kemm drabi tisma’ min jgħidlek: “iva, iva, aħna t-tfal irriduhom imma rridu nixtru dar fil-kampanja, u nivvjaġġaw.....”.  L-ulied huma l-akbar rigal.  L-ulied nilqgħuhom kif jiġu, kif jibgħathom Alla, kif jippermetti Alla – anki jekk xi drabi jkunu morda.  Smajt li saret moda – jew inkella drawwa – li fl-ewwel xhur tat-tqala jsiru ċerti eżamijiet, biex jistabbilixxu jekk it-tarbija hix b’saħħtiha, jew jekk hemmx xi problema....  L-ewwel proposta f’dal-każ hi: “Nibgħatuh ‘l hinn?”.  Il-qtil tat-trabi.   U biex ikollna ħajja bla xkiel, noqtlu l-innoċenti.

Meta kont tifel, l-għalliema kienet tgħallimna l-istorja u kienet tgħidina x’kienu jagħmlu l-Ispartani meta kienet titwield tarbija b’xi difett: kienu jeħduha fuq il-muntanja u jitfugħha għal isfel biex iħarsu “l-purezza tar-razza”.  U aħna konna nibqgħu mistgħaġbin: “Kif, kif seta’ jsir dan, imsejkna trabi!”  Kienet atroċità.  Illum ngħamlu l-istess.  Intom staqsejtu lilkom infuskom għaliex m’għandiex naraw wisq aktar nani fit-triq?  Għax il-protokoll  ta’ tant tobba – ħafna iżda mhux kollha – hi li jistaqsu l-mistoqsija: “Ġej ħażin?”.  Ngħidha b’niket.  Fis-seklu li għadda kulħadd kien skandaliżżat b’dak li kienu jagħmlu n-nażisti biex iħarsu l-purezza tar-razza.  Illum nagħmlu l-istess imma bl-ingwanti bojod.

Familja, imħabba, paċenzja, ferħ, u nagħtu ħin lill-familja.  Int tkellmint dwar ħaġa kerha: li mhux possibbli li “naħlu l-ħin”, għax illum biex naqilgħu aktar irid ikollna żewġ xogħolijiet, għax ma nagħtux kas tal-familja.  Tkellimt ukoll dwar iż-żgħażagħ li ma jistgħux jiżżewġu għax m’hawnx xogħol.  Il-familja hi mhedda minħabba n-nuqqas ta’ xogħol.

U rrid intemm b’parir li darba kien tani professur – kien tahulna meta konna l-iskola, professur tal-filosofija, id-dekan.  Jien kont is-seminarju, fl-istadju tal-filosofija.  Kellna t-tema tal-maturità umana, fil-filosofija nistudjaw dan.  U hu qal: “Liema hu l-kriterju tal-ħajja ta’ kuljum biex bih nagħrfu jekk bniedem, saċerdot hux matur?”.   Aħna tajna l-fehmiet tagħna.... U hu: “Le, huwa aktar sempliċi: persuna adulta, saċerdot, hu matur jekk għandu ħila jilgħab mat-tfal”.  Dan hu l-eżami.  U lilkom ngħidilkom: “itilfu l-ħin ma wliedkom”,  Tgħidulhomx: “ittellifnix!.  Darba smajt missier ta’ familja, żgħażugħ, jgħidli: “Padre, meta noħroġ għax-xogħol huma jkunu reqdin.  Meta nasal lura jkunu reqdin”.  Hu s-salib tal-jasar tal-mod inġust tax-xogħol li s-soċjetà qed ittina llum.

Għidt li din kienet tal-aħħar.  Le, ta’ qabel tal-aħħar.  L-aħħar waħda hi dik li se ngħid issa, għax marridx ninsieha.  Tkellimt dwar it-tfal bħala teżor ta’ wegħda.  Iżda hemm teżor ieħor fil-familja: huma in-nanniet.  Jekk jogħġobkom, ħudu ħsiebhom lin-nanniet!  Għidulhom jitkellmu, it-tfal għandhom jitkellmu man-nanniet.  Mellsuhom lin-nanniet, tbegħeduhomx minn mal-familja għax huma ta’ xkiel, għax jirrepetu l-istess affarijiet.  Ħobbu lin-nanniet, huma għandhom jitkellmu mal-tfal.

Grazzi lilkom ilkoll. Grazzi għal-ħeġġa kbira tagħkom, grazzi tal-imħabba li għandkom lejn il-familja.  Grazzi ta’ kollox!  U....... ‘l quddiem bil-kuraġġ.  Grazzi!

Issa qabel intikom il-barka, nitolbu lill-Madonna: “Sliem għalik, Marija....”

 

 

Id-diskors li kien imħejji mill-Qdusija Tiegħu

Għeżież ħuti,

intikom merħba u nsellem minn qiegħ qalbi lilkom, lill-President taghkom u nirringrazzjah għad-diskors li għamel.  Dil-laqgħa ttini l-okkażjoni biex inkun naf ir-realtà tagħkom aktar mill-qrib, il-Forum tal-Familji, li twieled 25 sena ilu.  Fi ħdanu jgħaqqad flimkien aktar minn ħames mitt assoċjazzjoni, u huwa verament xibka li toħroġ għad-dawl is-sbuħija tal-komunjoni u l-qawwa tal-kondiviżjoni.  Hija “familja ta’ familji” partikolari, tax-xeħta assoċjattiva, li permezz tagħha intom tħossu l-ferħ li tgħejxu flimkien u fl-istess waqt tieħdu fuqkom l-impenn, billi tagħmlu tagħkom it-tagħbija tal-ġid komuni, li tibnu kuljum, kemm fil-qafas tal-Forum, kif ukoll f’dak aktar wiesa tas-soċjetà.

Il-familja li intom tippromwovu b’modi differenti, hi l-qofol tal-proġett ta’ Alla, kif turi l-istorja kollha tas-salvazzjoni.  Bi pjan divin misterjuż, il-kumplimentarjeta tal-imħabba bejn ir-raġel u l-mara tagħmilhom koperaturi mal-Ħallieq li lihom itihom il-biċċa xogħol li jnisslu fil-ħajja, ħlejjaq ġodda, jieħdu fuq spallejhom il-ħarsien tagħhom, irabbuhom u jedukawhom.  L-imħabba ta’ Ġesù għat-tfal, ir-relazzjoni filjali tiegħu mal-Missier ċelesti, id-difiża tiegħu tar-rabta taż-żwieġ li ddikjara li ma tinħallx, jikxfu beraħ il-post li għandha l-familja fil-proġett ta’ Alla: għax hi benniena tal-ħajja u l-ewwel post tal-akkoljenza u tal-imħabba, hi (il-familja) għandha rwol essenzjali fil-vokazzjoni tal-bniedem, u tixbaħ tieqa miftuħa fuq il-misteru ta’ Alla nnifsu, li hu Imħabba fl-għaqda u trinità ta’ Persuni.

Id-dinja tagħna, spiss immexxija mil-loġika individwalista u egoistika, mhux rari li titlef is-sens tas-sbuħija tar-rabtiet stabbli, tal-impenn lejn il-persuni, tal-kura mingħajr kundizzjonijiet, li titgħabba bir-responsabbiltà favur l-ieħor, tal-gratwità u l-għotja tagħha nifisha.  Għal dir-raġuni hija iebsa li jinftiehem il-valur tal-familja, u nispiċċaw biex inħarsu lejha skont il-loġika li tipprivileġġja lill-individwu minflok ir-realzzjonijiet u l-ġid komuni.  U dan minkejja li dawn l-aħħar snin ta’ kriżi ekonomika l-familja kienet tirrrappreżenta l-aktar apparat qawwi biex itaffi x-xokk, bil-ħila li tqassam ir-riżorsi skont il-ħtiġijiet ta’ kull wieħed u waħda.

Bil-maqlub, l-għarfien sħiħ u s-sostenn xieraq lill-familja għandu jkun l-ewwel interess tal-Istituzzjonijiet ċivili, li għandhom sejħa biex jiffavorixxu t-twaqqif u t-tkabbir ta’ familji sodi u sereni, li jieħdu ħsieb l-edukazzjoni tal-ulied u jikkuraw is-sitwazzjonijiet ta’ dgħufija.  Infatti, min jitgħallem jgħejx relazzjonijiet awtentiċi fil-qafas tal-familja, ikollu  fih ħila akbar biex jgħejxhom f’kuntesti aktar wiesa’, mill-iskola sad-dinja tax-xogħol; u min jitħarreġ fir-rispett u l-qadi fid-dar, ikun jista’ jqegħedhom fis-seħħ aħjar anki fis-soċjeta u fid-dinja.  Issa l-mira li l-familja jkollha sapport aħjar u biex tingħata l-valur li jixirqilha, għandha tintlaħaq permezz ta’ ħidma ta’ sensibiliżżazzjoni ma taqta’ xejn u djalogu.  Dan hu l-impenn li qed imexxi ‘l quddiem il-Forum minn ħamsa w għoxrin sena ‘l hawn, li tulhom intom wettaqtu għadd kbir ta’ inizjattivi billi stabbilejtu relazzjoni ta’ fiduċja u kollaborazzjoni li juru s-sbuħija tal-familja, u li kważi jġegħelu, għax konvinċenti, li tkun apprezzata l-importanza tagħha u kemm hi prezzjuża.

Ninkoraġġikom għaldaqstant biex tkun xhieda tal-ferħ tal-imħabba, li jien fissirt fl-Eżortazzjoni Appostolika Amoris Laetitia, fejn ġbart il-frott tal-mixja providenzjali tas-Sinodu dwar il-familja, li sar mill-Knisja kollha.  Infatti, m’hemm ebda argument aħjar minn dak tal-ferħ illi, għax jiddi minn ġewwa, juri l-valur tal-ideat u tal-għejxien u juri t-teżor li skoprejna u li nixtiequ naqsmu bejnietna.

Għalhekk, xprunati minn dil-qawwa, intom issbu l-ħila li tieħdu l-inizjattiva.  L-Appostlu Pawlu lil Timotju jfakkru illi “Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan” (2 Tim 1,7).  Hekk għandu jkun l-ispirtu li jħeġġeġ lilkom ukoll għax jgħallimkom ir-rispett, imma jtikom ukoll il-kuraġġ biex tirriskjaw biex tfittxu toroq ġodda, mingħajr biża’.  Hu l-istil li jien tlabt mill-Knisja kollha sa mill-ewwel Eżortazzjoni Appostolika programmatika tiegħi meta użajt it-terminu ‘primerear’, li jissuġġerixxi li għandu jkollna ħila biex bil-kuraġġ immorru niltaqgħu mal-oħrajn, li ma ningħalqux fil-kumditajiet tagħna imma nfittxu punti ta’ qbil mal-persuni, li nibnu pontijiet u mmorru nħufu biex infittxu t-tajjeb kull fejn jinsab (cfr. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 24).  Alla hu “l-primerear”  fil-konfront tagħna: jekk aħna sirna nafuh bis-serjetà, ma nistgħux ninħbew, imma għandna noħorġu u naġixxu, nużaw it-talenti tagħna.

Nirringrazzjakom għax tagħmlu minn kollox biex tilħqu dan l-għan.  Grazzi tal-impenn ġeneruż tagħkom, fl-ispirtu tal-Istatut tagħkom, għal “parteċipazzjoni aktar attiva u responsabbli tal-familji fil-ħajja kulturali, soċjali u politika” (2.1.b.), u għall-promozzjoni ta’ politika xierqa dwar il-familja li tħares u ssostni l-funzjoni tal-familja u d-drittijiet tagħha (2.1.c).  Minbarra dan, fil-qafas tal-iskola, komplu aħdmu favur is-sehem tal-ġenituri u biex tqanqlu lil tant familji ħalli jaddottaw stil ta’ parteċipazzjoni.  Qatt tgħejew issostnu t-tkabbir tat-twelid fl-Italja, billi tissensibilżżaw lill-Istituzzjonijiet u l-opinjoni publika dwar l-importanza li ssir politika u jitwaqqfu strutturi aktar miftuħin għad-don tal-ulied.  Huwa paradoss awtentiku li t-twelid tat-trabi, li huwa l-akbar investiment f’kull pajjiż u l-kundizzjoni primarja għar-riżq tal-futur, għall-familji, spiss ikun il-kawża tal-faqar minħabba s-sapport dgħajjef li jkollhom u l-ineffiċjenza ta’ tant servizzi.

Dawn, flimkien ma’ problemi oħra għandhom ikunu megħlubin bid-determinazzjoni u l-karità, billi turu li s-sensibbiltà li qed tqajjmu dwar il-familja. m’għandhiex titlaqqam bħala xi ħaġa konfessjonali u hekk tkun tista’ tiġi akkużata – bla raġun – li hi parzjali (partiġjana).  Minflok, din (il-familja) hi msejsa fuq id-dinijità u għalhekk għandha tikseb l-għarfien u l-kondiviżjoni ta’ kulħadd, kif jiġri meta, anki f’kuntesti istituzzjonali, nirreferu għall-”Fattur Familja” bħala element ta’ valutazzjoni politika u operattiva, li tkattar l-għana uman, ekonomiku u soċjali.

Irrodilkom ħajr mill-ġdid għal dil-laqgħa.  Inħeġġiġkom biex tkomplu bl-impenn tagħkom ta’ servizz għall-familja u għall-ħajja, u nitlob fuq il-membri kollha tal-Forum il-barka ta’ Alla u l-protezzjoni tal-Familja Mqaddsa ta’ Nażaret.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber