ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU IL-PAPA FRANĠISKU 
FI PRATO FIRENZE
(10
TA’ NOVEMBRU, 2015)

LAQGĦA MAR-RAPPREŻENTANTI TAL-V KONVENJU NAZZJONALI

TAL-KNISJA TALJANA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Katidral ta’ “Santa Maria del Fiore, Firenze
It-Tlieta, 10 ta’ Novembru, 2015

Għeżież ħuti, fil-koppla ta’ dan il-Katidral tant sabiħ hemm rappreżentazzjoni tal-Ġudizzju universali.  Fin-nofs hemm Ġesù, id-dawl tagħna.  L-iskrizzjoni li hemm fin-naħa ta’ fuq tal-affresk hija “Ecce Homo”.  Meta nħarsu lejn din il-koppla, ħarsitna tinġibed ‘il fuq filwaqt li nikkontemplaw it-trasformazzjoni ta’ Kristu taħt il-ħaqq ta’ Pilatu fi Kristu bilqiegħda fuq it-tron tal-imħallef.  Hemm anġlu li qed inewwillu x-xabla, imma Ġesù ma jirċevix is-simboli tal-ġudizzju, anzi jgħolli idu l-leminija biex juri s-sinjali tal-passjoni, għax Hu «ta lilu nnifsu biex jirhan ‘il kulħadd» (i Tim. 2,6).  «Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja mhux biex jikkundanna d-dinja imma biex id-dinja ssalva biH» (Ġw. 3,17).

Fid-dawl ta’ dan l-Imħallef tal-ħniena, irkupptejna jmilu fl-adorazzjoni, u jdejna u riġlejna jiksbu s-saħħa.  Nistgħu nitkellmu dwar l-umaneżmu, biss, dment li nibdew miċ-ċentralità ta’ Ġesù, niskopru fiH il-fattizzi tal-wiċċ awtentiku tal-bniedem.  Hija l-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Ġesù li miet u rxoxta li terġa’ toħloq mill-ġdid l-umanità tagħna, anki dik imkissra f’biċċiet minħabba l-għejja tal-ħajja, jew immarkata bid-dnub.  M’għandniex nimmansaw il-qawwa tal-wiċċ ta’ Kristu.  Il-wiċċ hu x-xbieha tat-traxxendenza tiegħu.  Hu il-misercordiae vultus (il-wiċċ tal-ħniena). InħalluH iħares lejna.  Ġesù hu l-umaneżmu tagħna.  Inħallu l-mistoqsija tiegħu tiddisturbana dejjem: «Intom min tgħidu li jien?» (Mt 16,15).

X’naraw aħna u nħarsu lejn wiċċu?  Qabel kollox il-wiċċ ta’ Alla «żvujtat», Alla li ħa s-sura ta’ qaddej, umiljat u ubbidjenti sal-mewt (cfr Fil 2,7).  Il-wiċċ ta’ Ġesù jixbaħ lil dak ta’ tant ħutna umiljati, skjavi, żvujtati.  Alla ħa wiċċhom.  U dak il-wiċċ qed iħares lejna.  Alla – li hu «l-essri li dwaru ma nistgħux ħlief naħsbu li hu l-akbar» kif kien jgħid Sant’Anslemu, jew id-Deus sempre maior ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola – isir akbar minnu nnifsu billi jitbaxxa.  Jekk aħna ma nitbaxxewx ma nkunux nistgħu naraw wiċċu.  Ma naraw xejn mill-milja tiegħu jekk ma naċċettawx li Alla żvojta ruħu.  U għalhekk ma nifhmu xejn mill-umaneżmu Kristjan u kliemna jkunu sabiħ, kolt, raffinat, imma ma jkunx kliem ta’ fidi.  Ikun kliem li jirbombja fil-vojt.

Hawnhekk marridx infassal mill-ġdid «umaneżmu ġdid», ċerta idea tal-bniedem, imma rrid nippreżenta bis-sempliċità xi aspetti tal-umaneżmu Kristjan li hu dak «tas-sentimenti ta’ Ġesù Kristu» (Fil 2,5).  Dawn mhumiex sensazzjonijiet astratti u proviżorji tar-ruħ, imma jirrappreżentaw il-forza mħeġġa interjuri li tagħtina l-ħila li ngħixu u  nieħdu d-deċiżjonijiet.

Liema huma dawn is-sentimenti?  Illum irrid nippreżentalkom tal-anqas tlieta.

L-ewwel sentiment hu l-umiltà. «Kull wieħed u waħda minnkom iqis lill-oħrajn superjuri għalih/ha» (Fil 2,3), jgħid San Pawl lill-Filippin.  Aktar tard l-Appostlu jitkellem dwar il-fatt li Ġesù ma jqisx li hu privileġġat li hu daqs Alla (Fil 2,6).  Hawnhekk hawn messaġġ preċiż.  L-ossessjoni li nippreserva il-glorja personali, id-dinjità personali, l-influwenza tagħna qatt m’għandha tifforma parti mis-sentimenti tagħna.  Aħna għandna niġru wara l-glorja t’Alla, u din ma taqbilx ma’ tagħna.  Il-glorja t’Alla li tgħammex fl-umiltà tal-grotta ta’ Betlem jew fid-diżunur tas-salib ta’ Kristu jissorprenduna dejjem..

Sentiment ieħor ta’ Ġesù li jagħti forma lill-umaneżmu Kristjan hu id-diżinteress.

«Ħadd m’għandu jfittex l-interessi personali, imma dawk tal-oħrajn (Fil, 2, 4), jitlobna mill-ġdid San Pawl.  Għalhekk, aktar mid-diżinteress għandna nfittxu l-feliċità ta’ min qiegħed ħdejna.  L-umanità tan-Nisrani dejjem miftuħa, tħares ‘il barra.  Mhix narċisista, awtoreferenzjali.  Meta qalbna hi sinjura u sodisfatta biha nfisha, allura ma jkollhiex post għal Alla.  Jekk jogħġobkom, nevitaw li «ningħalqu fl-istrutturi li jtuna protezzjoni falza, fin-normi li jibdluna f’imħallfin bla ħniena, fid-drawwiet li fihom inħossuna kalmi» (Eżort. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 49).

Dmirna hu li naħdmu biex lil din id-dinja nagħmulha post aħjar u li nitqabdu.  Il-fidi tagħna hi rivoluzzjonarja minħabba l-impuls li jiġi mill-Ispirtu s-Santu.  Jeħtiġilna nimxu fuq dan l-impuls biex noħorġu minna nfusna, biex inkunu bnedmin skont l-Evanġelju ta’ Ġesù.  Kwalunkwe ħajja tingħaraf mill-ħila li għandha li tingħata.  B’hekk hi tittraxxendi lilha nfisha,  issir għammiela.

Sentiment ieħor ta’ Kristu Ġesù hu dak tal-beatitudni.  In-Nisrani hu beatu, għandu fih il-ħerqa għall-Evanġelju,  Fil-Beatitudnijiet, il-Mulej jurina l-mixja.  Meta nimxuha, aħna l-bnedmin naslu għall-hena mill-aktar awtentikament umana u divina.  Ġesù jgħid li l-hena li nħossu tiġi biss jekk inkunu foqra fl-ispirtu.  Għall-qaddisin il-kbar, il-beatitudni hi marbuta mal-umilità u l-faqar.  Imma anki fost l-aktar parti umli ta’ niesna hemm ħafna minn din il-beatitudni: hi dik ta’ min jaf xinhi l-għana tas-solidarjetà; tal-qsim anki tal-fidi li wieħed ikollu; l-għana tas-sagrifiċċju ta’ kuljum fix-xogħol, kultant iebes u mħallas ħażin, imma magħmul bl-imħabba lejn il-persuni għeżież; u wkoll dik tal-miżerji personali, li madankollu, meta mgħejxa bil-fiduċja fil-providenza u fil-ħniena ta’ Alla l-Missier, inisslu fina l-kobor tal-umiltà.

Il-Beatitudnijiet li naqraw fl-Evanġelju jibdew bil-barka u jtemmu b’wegħda ta’ faraġ.  Jintroduċuna fi triq ta’ kobor possibbli, il-kobor tal-ispirtu, u meta l-ispirtu hu lest, il-bqija jiġi waħdu.  Ċertament, jekk qalbna mhix miftuħa għall-Ispirtu s-Santu, kollox jidher ħmerijiet għax ma jwassalniex għas-“suċċess”.  Biex inkunu beati, biex induqu l-faraġ tal-ħbiberija ma’ Ġesù Kristu, jeħtieġ li jkollna qalb miftuħa. Il-beatitudni hi mħatra iebsa, magħmula miċ-ċaħda, smigħ u tagħlim li l-frott tiegħu naqtugħ maż-żmien u li jtina paċi inkomparabbli: «Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej» (Salm 34, 9).

Umiltà, diżinteress, beatitudini: dawn huma t-tliet linji tal-umaneżmu Kristjan li jibda mill-umanità tal-Iben t’Alla, li llum irrid nippreżentalkom għall-meditazzjoni tagħkom.  U dawn il-linji jgħidu xi ħaġa wkoll lill-Knisja Taljana li llum qed tiltaqa’ biex timxi flimkien f’eżempju ta’ sinodalità.  Dawn il-linji jgħidulna li m’għandniex nkunu ossessjonati mill-poter, anki meta dan jieħu bixra ta’ poter utli u funzjonali għall-immaġni soċjali tal-Knisja.  Jekk il-Knisja ma tieħux fuqha s-sentimenti ta’ Ġesù, tinfixel, titlef is-sens tagħha. Iżda jekk tħaddimhom tkun qed tagħraf tilħaq il-missjoni tagħha.  Is-sentimenti ta’ Ġesù jgħidulna li Knisja li taħseb għal rasha u għall-interessi tagħha biss, tkun Knisja mdejqa.  Il-beatitudnijiet, fl-aħħar mill-aħħar, huma l-mera li għandna naraw lilna nfusna fiha, dik li tippermettilna nsiru nafu jekk aħniex mexjin fit-triq it-tajba: huma mera li ma tigdibx.

Knisja li jkollha dawn it-tliet karatteristiċi – umiltà, diżinteress, beatitudni – hi Knisja li taf tagħraf l-azzjoni tal-Mulej fid-dinja, fil-kultura, fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.  Għedtha aktar minn darba u ntennieha llum: «nippreferi Knisja migrufa, miġrugħa u maħmuġa għax tkun ħarġet fit-toroq, pjuttost milli Knisja marida minħabba l-għeluq u ggranfata maċ-ċertezzi tagħha».  Marridx Knisja preokkupata biex tkun iċ-ċentru u tispiċċa maqbuda f’xibka mħabbla ta’ ossessjonijiet u proċeduri» (Il-Ferħ tal-vanġelu, 49).

Imma nafu li t-tentazzjonijiet jeżistu; it-tentazzjonijiet li rridu naffrontaw huma bosta.  Se nippreżentalkom tal-aqnas tnejn.  Tiħdux qata’, din mhux se tkun lista ta’ tentazzjonijiet!  Bħal dawk il-ħmistax li għidt lill-Kurja!

L-ewwel waħda hi dik pelaġjana.  Din timbotta ‘l-Knisja biex ma tkunx umli, disinteressata u beata.  U dan tagħmlu billi dak li jidher ikun tajjeb.  Il-pelaġjaniżmu jtina l-fiduċja fl-istrutturi, fl-organiżżazzjoni, fil-pjanifikazzjonijiet perfetti għax huma astratti.  Spiss iġġegħelna nassumu stil ta’ kontroll, iebes, ta’ normi.  In-norma tagħti lill-pelaġjan is-sigurezza li jħossu superjuri, li għandu orjentament preċiż.  Hu f’dan li (il-pelaġjaniżmu) jsib il-qawwa tiegħu, mhux fil-ħlewwa tan-nifs tal-Ispirtu.  Quddiem il-ħażen jew il-problemi tal-Knisja jkun inutli nfittxu soluzzjonijiet fil-konservattiviżmu u fil-fundamentaliżmu, fir-resatwrazzjoni ta’ imġibiet u forom li għadda żmienhom li lanqas kulturalment m’għandhom aktar tifsir.  Id-duttrina Nisranija, mhix sistema magħluqa u bla ħila li tiġġenera mistoqsijiet, dubji, interrogattivi, imma hija ħajja, taf tinkwieta, taf tqanqal.  Għandha wiċċ li mhux riġidu, għandha ġisem li jiċċaqlaq u jiżviluppa, għandha laħamha tari: id-duttrina Nisranija jisimha Ġesù Kristu.  Ir-riforma tal-Knisja mbagħad – u l-Knisja hi semper reformanda (dejjem tiġġedded) – hi kuntrarja għall-pelaġjaniżmu.  Ma tintemmx bis-saħħa tal-pjan l-aktar riċenti biex tibdel l-istrutturi.  Minflok, tfisser li tieqaf ma’, u titħawwel, fi Kristu u tħalli lill-Ispirtu s-Santu jmexxiha.  Imbagħad kollox ikun possibbli bit-talenti u bil-kreattività.

Il-Knisja Taljana għandha tħalli n-nifs potenti tiegħu jmexxiha u għalhekk, xi kultant, jinqala’ l-inkwiet.  Għandha tieħu fuqha dejjem l-ispirtu tal-esploraturi l-kbar tagħha, li fuq il-ġfien kellhom ħerqa kbira għat-tbaħħir fil-baħar miftuħ u ma beżgħux la mill-fruntieri u lanqas mit-tempesti.  Għandha tkun Knisja ħielsa u miftuħa għall-isfidi tal-preżent, qatt fuq id-difiża bil-biża’ li se titlef xi ħaġa.  Qatt fuq id-difiża minħabba l-biża’ li titlef xi ħaġa.  U, hi u tiltaqa’ man-nies fit-triq, tieħu fuqha l-mira ta’ San Pawl: «Sirt dgħajjef ma’ min hu dgħajjef, biex nirbaħ lid-dgħajjef; sirt kollox għal kulħadd, biex insalva lil kulħadd» (1, Kor. 9.22).

Tentazzjoni oħra li trid tkun megħluba hi dik tan-Njostiċiżmu.  Din iġġegħelna nibdew nafdaw fir-raġunament loġiku u ċar, li però jitlef it-tenerezza tal-laħam ta’ ħuna.  Il-faxxinu tan-njostiċiżmu hu dak ta’ «fidi magħluqa fis-soġġettiviżmu, fejn l-interess jieqaf biss f’xi esperjenza determinata jew f’serje ta’ raġunamenti u għarfien li naħsbu li jistgħu ifarrġuna u jdawluna, imma li bihom is-suġġett fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ magħluq fl-immanenza tar-raġuni jew tas-sentimenti tiegħu stess» (Il-Ferħ tal-Vanġelu, 94).  In-Njostiċiżmu ma jistax jittraxxendi.

Id-differenza bejn it-traxxendenza Kristjana u kull għamla oħra ta’ spiritwaliżmu njostiku tinsab fil-misteru tal-Inkarnazzjoni.  Meta ma nqiegħdux fil-prattika, meta ma nwasslux il-Kelma għar-realtà, ifisser li nkunu nibnu fuq ir-ramel, li nibqgħu fl-isfera tal-idea pura u niddeġeneraw f’intimiżmi li ma jagħtux frott, li d-dinamiżmu tagħhom jibqa’ sterili.

Il-Knisja Taljana għandha qaddisin kbar li l-eżempju tagħhom jista’ jgħinha biex tgħix il-fidi bl-umiltà, bid-diżinteress u bil-kuntentizza, ibda minn Franġisku ta’ Assisi sa Filippu Neri.  Imma naħsbu wkoll dwar is-sempliċità ta’ persunaġġi frott il-fantasija bħalma hu Don Camillo li hu “sieħeb” Peppone.  Jolqotni l-fatt li fl-istejjer ta’ Guareschi t-talba tal-kappillan twajjeb tingħaqad mal-qrubija evidenti li għandu man-nies.  Don Camillo kien jgħid dwaru nnifsu: «Jien qassis fqajjar tal-kampanja li jaf lill-parruċċani wieħed wieħed, iħobbhom, li jaf id-dwejjaq u l-ferħ tagħhom, li jsofri u jaf jidħak magħhom».  Il-qrubija man-nies u t-talb huma ċ-ċavetta biex ngħixu umaneżmu Nisrani popolari, umli, ġeneruż, hieni.  Jekk nitilfu dan il-kuntatt mal-poplu fidil ta’ Alla, nitilfu mill-umanità u ma naslu mkien.

Imma allura, Padre, x’għandna nagħmlu? – tistaqsuni intom.  X’qed jitlob minna l-Papa?

Intom tiridu tiddeċiedu: poplu u rgħajja flimkien.  Jien illum nistedinkom biex sempliċiment tgħollu raskom u tikkontemplaw mill-ġdid l-Ecce Homo li għandna fuq rasna.  Ejjew nieqfu nikkontemplaw din ix-xena.  Ejjew induru lura lejn Ġesù li hawn hu rappreżentat bħalha Mħallef Universali.  X’jiġri meta «Bin il-Bniedem jerġa’ jiġi fil-glorja bl-anġli kollha miegħu, u joqgħod bilqiegħda fuq it-tron tal-glorja» (Mattew 25,31).  X’qed jgħidilna Ġesù?

Nistgħu nimmaġinaw lil dan Ġesù li jinsab fuq rasna jgħid lil kull wieħed u waħda minna u lill-Knisja Taljana, xi kliem.  Jista’ jgħid: «Ejjew imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt is-saltna mħejjija għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja, għax kelli l-ġuħ u tmajtuni, kelli l-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, għeri u libbistuni, marid u ġejtu żżuruni, fil-ħabs u ġejtu tarawni» (Mattew 25, 34-36).  Qed niftakar fil-qassis li laqa’ lil dan il-qassis żgħażugħ li għadu kif ta t-testimonjanza.

Imma jista’ jgħid ukoll: «Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem imħejji għax-xitan u l-anġli tiegħu, għax kelli l-ġuħ u ma tmajtunix, kelli l-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, għeri u ma libbistunix, marid u fil-ħabs u ġejtux iżżuruni» (mattew 25, 41-43).

Il-beatitudnijiet u l-kliem li għadna kemm qrajna dwar il-ġudizzju universali jgħinuna ngħixu l-ħajja Nisranija fuq il-livell tal-qdusija.  Huma ftit kliem, sempliċi, imma prattiċi.  Żewġ pilastri: il-beatitudnijiet u l-kliem tal-ġudizzju tal-aħħar.  Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nifhmu dan il-messaġġ tiegħu!  U nħarsu mill-ġdid lejn il-fattizzi tal-wiċċ ta’ Ġesù u lejn il-ġesti tiegħu.  Naraw lil Ġesù li jiekol mal-midinbin (Mark 2, 16; Mattew 11,19); nikkontemplawh waqt li jiddjaloga mas-Sammaritana (Ġwanni 4, 7-26); nagħtu ħarsa bis-serqa waqt li narawh jiltaqa’ ma’ Nikodemu (Ġwanni 3, 1-21); induqu bil-ħlewwa x-xena waqt li qed iħalli prostituta taħsillu saqajh cfr (Luqa 7, 36-50); inħossu r-rieq tiegħu fuq il-ponta ta’ lsienna li b’hekk jinħall (Mark 7,33).  Nammiraw «is-simpatija tal-poplu kollu» li ddawwar lid-dixxipli tiegħu. Jiġifieri aħna, u nħossu fina «il-ferħ u sempliċità ta’ qalb» tagħhom (Atti 2, 46-47).

Lill-isqfijiet nitlobhom ikunu rgħajja.  Xejn aktar: rgħajja.  Ħalli jkun dan il-ferħ tagħkom: “Jiena ragħaj”.  Ikunu n-nies, il-merħla tagħkom, li jsostnukom.  Reċentement qrajt xi ħaġa dwar isqof li rrakkonta li kien fit-trejn ta’ taħt l-art fil-ħin tar-“rush hour” u tant kien hemm rassa li ma sabx ma fejn iqabbad idu biex iżomm.  Imbuttat minn hawn u minn hemm, beda jistrieħ man-nies biex ma jaqax.  U b’hekk ħaseb li minbarra t-talb, dak li jżomm fuq saqajh lill-isqof huma niesu.

Jalla xejn u ħadd ma jneħħilkom il-ferħ li tkunu sostnuti mill-poplu tagħkom.  Bħala rgħajja tkunux predikaturi ta’ duttrini kumplikati, imma ħabbara ta’ Kristu, li miet u rxoxta għalina.  Immiraw għall-essenzjali, lejn il-kerygma.  Mhemm xejn aktar solidu, profond u żgur minn din l-aħbar.  Imma għandu jkun il-poplu kollu ta’ Alla li jħabbar l-Evanġelju, irrid infisser: poplu u rgħajja.  Stqarrejt din il-preokkupazzjoni tiegħi fl-Eżortazzjoni Appostolika Il-Ferħ tal-Vanġelu (cfr nn, 111-134).

Nirrikmanda dak li għidt f’dik l-Eżortazzjoni lill-Knisja Taljana kollha: l-inklużjoni soċjali tal-foqra, li għandhom post privileġġjat fost il-poplu t’Alla, u l-ħila tal-laqgħa u d-djalogu biex tiffavorixxu l-ħbiberija soċjali f’pajjiżkom, waqt li tfittxu l-ġid komuni.

L-għażla favur il-foqra hija «għamla speċjali tal-primat fit-tħaddim tal-karità Nisranija, li t-Tradizzjoni kollha kemm hi tal-Knisja hi xhieda tagħha» (Ġwanni Pawlu II, Enċ. Sollecitudo Rei Socialis, 42)  Din l-għażla «hija impliċita fil-fidi Kristoliġika f’dak Alla li ftaqar minħabba fina, biex aħna nistgħanu permezz tal-faqar tiegħu» (Benedittu XVI, Diskors fis-sessjoni inawgurali tal-V Konferenza Ġenerali tal-Episkopat LatinoAmerikan u l-Karibew).  Il-foqra jafuhom tajjeb is-sentimenti ta’ Ġesù għax mill-esperjenza tagħhom jafu lil Kristu fit-tbatija.  «Aħna msejħin biex niskopru lil Kristu fihom, biex b’leħinna nagħtu vuċi lill-kawża tagħhom, imma wkoll biex inkunu ħbieb tagħhom, nisimgħuhom, nifhmuhom, u nilqgħu l-għerf misterjuż li Alla jrid iwasslilna permezz tagħhom» (Il-Ferħ tal-Vanġelu, 198).

Jalla l-Mulej iħares ‘il-Knisja Taljana minn kull idea ta’ poter, immaġni, flus.  Il-faqar Evanġeliku hu kreattiv, jilqa’, isostni u għani fit-tama.  Ninsabu hawn ġo Firenze, belt ta’ ġmiel.  Kemm mill-ġmiel ta’ dil-belt tqiegħed għas-servizz tal-karità!  Qed jiġini f’moħħi per eżempju lo Spedale degli Innocenti.  Waħda mill-ewwel binjiet arkitettoniċi rinaxximentali inħolqot għas-servizz tat-tfal abbandunati u ommijiet iddisprati.  Spiss dawn l-ommijiet kienu jitilqu, flimkien mat-trabi tat-twelid tagħhom, medalji maqsumin min-nofs, li bihom kienu jittamaw, li meta jippreżentaw in-nofs l-ieħor, ikunu jistgħu jagħtu għarfien lill-wild tagħhom meta l-qagħda tagħhom tkun tjiebet.  Aħna għandna n-nofs l-ieħor.  Għaliex il-Knisja omm tal-Italja għandha nofs il-medalja ta’ kulħadd u tagħraf lil uliedha kollha abbandunati, magħkusin, għajjenin.  U din minn dejjem kienet waħda mill-virtuwijiet tagħkom, għax tafu sewwa li l-Mulej ma xerridx demmu għal xi wħud, la għal-ftit u lanqas għal ħafna, imma għal kulħadd.

Nirrikmandalkom ukoll b’mod speċjali, li jkollkom fikom il-ħilet tad-djalogu u tal-laqgħa.  Id-djalogu mhux negozjati.  In-negozjar ifisser li inti tipprova tikseb “il-biċċa” tiegħek mill-kejk komuni.  Mhux dan li rrid infisser.  Imma t-tiftix tal-ġid komui għal kulħadd.  Iddiskutu flimkien, nażżarda ngħid irrabjaw flimkien, aħsbu fl-aħjar soluzzjonijiet għal kulħadd.  Ħafna drabi l-laqgħa ssib ruħa f’kunflitt.  Fid-djalogu hemm il-kunflitt: hu loġiku u prevedibbli li jkun hekk.  U m’għandniex nibżgħu minnu jew ninjorawh, imma naċċettawh.  «Naċċettaw li nġarrbu l-kunflitt, insewwuh u nibdluh f’ħolqa li tgħaqqad proċess ġdid» (Il-Ferħ tal-Vanġelu, 227).

Imma rridu niftakru dejjem li ma jeżistix umaneżmu awtentiku li ma jqisx li l-imħabba hija rabta bejn il-bnedmin, ukoll meta tkun inter-personali, intima, soċjali, politika jew intellettwali.  Il-ħtieġa tad-djalogu u tal-laqgħa biex flimkien mal-oħrajn nibnu s-soċjetà ċivili, fuq dan tistrieħ.  Aħna nafu li l-aħjar soluzzjoni għat-tilwim bejn il-bnedmin taċ-ċelebri homo homini lupus ta’ Thomas Hobbes hu «l-Ecce Homo» ta’ Ġesù li ma jakkużax, imma jilqa’, u jsalva għax ħallas b’demmu.

Is-soċjetà Taljana tinbena meta ir-rikkezzi kulturali għonja li tħaddan ikollhom ħila jiddjalogaw b’mod kostruttiv; (mal-kultura) popolari, akkademika, żgħażugża, artistika, teknoloġika, ekonomika, politika, tal-mezzi tal-komunikazzjoni......  Il-Knisja għandha tkun il-ħmira tad-djalogu, tal-laqgħa, tal-għaqda.  Wara kollox, l-istess espressjonijiet tal-fidi huma frott id-djalogu u l-laqgħa bejn il-kulturi, il-komunitajiet u l-esiġenzi differenti.  M’għandniex għalfejn nibżgħu mid-djalogu: anzi huma propju d-diskussjoni u l-kritika li jgħinuna nindukraw it-teoloġija biex ma tintemmx mibdula f’ideoloġija.

Ftakru wkoll li l-aħjar mod biex tiddjaloga mhux li titkellem u tiddiskuti imma l-azzjoni magħmula flimkien, li nibnu flimkien, li nagħmlu l-proġetti: mhux waħedna, bejn il-Kattoliċi biss, imma flimkien ma’ dawk kollha li għandhom ir-rieda tajba.

U mingħajr biża’ li, fejn meħtieġ noħorġu, biex id-djalogu jkun awtentiku.  Inkella ma jkunx possibbli nifhmu r-raġunijiet tal-ieħor, u lanqas li nifhmu sewwa li ħuna jiswa aktar mill-pożizzjonijiet li aħna niġġudikaw li huma bogħod miċ-ċertezzi tagħna, anki meta dawn huma awtentiċi.  Dak hu ħuna.

Imma l-Knisja għandha tagħraf ukoll tagħti tweġiba ċara quddiem it-theddid li jinqala’ mid-dibattitu pubbliku: dan hu wieħed mill-għamliet ta’ kontribut speċifiku li min jemmen għandu jagħti biex tinbena s-soċjetà komuni.  Min jemmen hu ċittadin.  U qed ngħid dan ġo Firenze fejn l-arti, il-fidi u ċ-ċittadinanza minn dejjem fittxew ekwilibrju dinamiku bejn l-akkuża u l-proposta.  In-nazzjon mhux mużew, imma huwa opra kollettiva li dejjem qed tinbena u li fiha rridu nqiegħdu flimkien kull ħaġa li tifred, inkluż id-differenzi politiċi u reliġjużi.

Nappella fuq kollox «lilkom żgħażagħ, biex tkunu sodi», kien jgħid l-Appostlu Ġwanni 1 Ġwanni 1,14).  Żgħażagħ, egħlbu l-apatija.  Ħalli ħadd ma jmaqdar iż-żgħożija tagħkom, imma tgħallmu kunu mudelli kif titkellmu u kif iġġibu ruħkom (cfr  1 Tim 4,12).  Nitlobkom tkunu l-bennejja tal-Italja, li timpenjaw ruħkom biex l-Italja tkun aħjar.  Jekk jogħġobkom, toqgħodux tħarsu lejn il-ħajja minn ġol-gallarija, imma impenjaw ruħkom, idħlu b’ruħkom u ġisimkom fid-djalogu mifrux soċjali u politiku.  Ħallu l-idejn tal-fidi tagħkom jgħolew lejn is-sema, imma dan jagħmluh filwaqt li jkunu qed jibnu belt minbija fuq ir-relazzjonijiet li fihom il-pedament tkun l-imħabba t’Alla.  U b’hekk intom tkunu ħielsa biex taċċettaw l-isfidi tal-lum, biex tgħixu t-tibdil u t-trasformazzjoni.

Nistgħu ngħidu li llum qed ngħixu f’epoka ta’ tibdil daqskemm nistgħu ngħidu li għandna tibdil epokali.  Is-sitwazzjonijiet li qed ngħixu fihom illum qed iġibu sfidi ġodda li kultant ikun diffiċli għalina li nifhmuhom.  Żmienna jitlob minna li ngħixu dawn il-problemi u nqisuhom bħala sfidi u mhux bħala ostakli: il-Mulej hu attiv u qed jaħdem fid-dinja.  Għalhekk intom, oħorġu fit-toroq u morru f’salib it-toroq: lil kull min issibu sejħulu, tħallu barra lil ħadd (Mattew 15,30).   Kull fejn tkunu qatt tibnu ħitan u fruntieri, imma pjazzez u sptarijiet tal-kampijiet tal-gwerra.

* * *

Togħġobni Knisja Taljana bla sabar, dejjem eqreb lejn l-abbandunati, il-minsijin, l-imperfetti.  Nixtieq Knisja hienja bil-wiċċ ta’ omm, li tifhem, takkumpanja, iżżiegħel.  Oħolmu intom ukoll Knisja hekk, emmnu fiha, ġeddu bil-libertà.  L-umaneżmu Nisrani li intom imsejħin tgħixu, jafferma radikalment id-dinjità ta’ kull persuna bħal wild ta’ Alla, jistabbilixxi libertà fundamentali bejn kull bniedem, jgħallem it-tifsira tax-xogħol, li ngħixu l-ħolqien bħala dar komuni, jagħti raġuni għall-allegrija u l-umoriżmu, anki f’ħajja li tant drabi hija iebsa.

Għalkemm mhux għalija li ngħid kif tista’ titwettaq din il-ħolma llum, ippermettuli nħallikom suġġeriment għas-snin li ġejjin: f’kull komunità, f’kull parroċċa u isitutzzjoni, f’kull djoċesi jew żona pastorali, f’kull reġjun, fittxu li tibdew, b’mod sinodali, approfondiment tal-Evangelii Gaudium (Il-Ferħ tal-Vanġelu), biex minnha tisiltu kriterji prattiċi u twettqu dak li tgħid, speċjalment dwar it-tliet jew erba’ prijoritajiet li intom tkun għaraftu waqt dan il-konvejnu.  Jien ċert mill-ħila tagħkom li tibdew mixja kreattiva biex dan l-istudju jsir (azzjoni) konkreta.  Jien ċert minn dan għax intom Knisja adulta, anitka ħafna fil-fidi, solida fl-għeruq u għammiela ħafna fil-frott.   Għalhekk, kunu kreattivi intom u tesprimu l-ġenju li l-persunaġġi l-kbar tagħkom, ibda minn Dante u Michaelangelo, esprimew b’mod li m’hawnx bħalu.  Emmnu fil-ġenju tal-Kristjaneżmu Taljan, li mhux patrimonju tal-individwi u lanqas tal-élite, imma tal-komunità, tal-poplu ta’ dan il-pajjiż straordinarju.

Inħallikom f’idejn Marija li hawn ġo Firenze hi meqjuma bħala “Santissima Annunziata”.  Fl-affresk li hemm fil-bażilika li ġġib l-istess isem – fejn sejjer min hawn u ftit ieħor – l-anġlu hu sieket u Marija qed titkellem u tgħid «Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej».  Ilkoll kemm aħna ninsabu f’dak il-kliem.   Jalla tkun il-Knisja Taljana kollha li tgħidu flimkien ma’ Marija.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber