Għeżież familji!        

 

Il-lejla t-tajba u merħba f’Ruma!

 

Ġejtu pellegrini minn tant irkejjen tad-dinja biex tistqarru l-fidi tagħkom quddiem il-qabar ta’ San Pietru.  Din il-pjazza tilqagħkom fiha u tħaddankom magħha: aħna poplu wieħed, b’ruħ waħda, imsejħin mill-Mulej li jħobbna u jweżinna.  Insellem ukoll lill-familji kollha li jinsabu magħqudin magħna permezz tat-televiżjoni u l-internet: din pjazza li titwessa’ mingħajr limiti!

 

Dan il-mument għażilt li nsejjaħlu “Familja, għix il-ferħ tal-fidi!”.  Jogħġobni dan l-isem.  Smajt l-esperjenzi tagħkom, l-istejjer li rrakkuntajtu.  Rajt tant tfal, tant nanniet…  Smajt l-uġigħ ta’ qalb tal-familji li qed jgħixu f’sitwazzjoni ta’ faqar u ta’ gwerra.  Smajt iż-żgħażagħ li jridu jiżżewġu anki jekk qalb elf diffikultà.  U allura nistaqsu: Kif nistgħu ngħixu l-ferħ tal-fidi, il-lum, fil-familja?  Imma jien nistaqsikom ukoll: Possibbli tgħix dan il-ferħ jew le?

 

1. Hemm kelma li qal Ġesù, fil-Vanġelu ta’ Mattew, li titfaċċa quddiemna: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28).  Il-ħajja spiss fiha t-taħbit tagħha, spiss hi wkoll traġika!  Smajna m’ilux…  Ix-xogħol fih it-taħbit tiegħu; trid tbati biex tfittex xogħol.  U biex issib xogħol il-lum il-ġurnata jitlob ħafna taħbit u tbatija!  Imma dak li jtaqqal l-iżjed il-ħajja m’huwiex dan: dak li jtaqqal iżjed minn kull ħaġa oħra hu n-nuqqas ta’ mħabba.  Iebsa li ma nirċevux tbissima, li ma nħossuniex milqugħa.  Itaqqlu ċerti silenzji, xi drabi anki fil-familja, bejn raġel u mara, bejn ġenituri u wlied, bejn l-aħwa.  Mingħajr imħabba t-tbatija ssir itqal, ma tissaportihiex.  Jiġuni f’moħħi l-anzjani waħidhom, il-familji li qed ibatu għax m’għandhomx għajnuna biex isostnu lil min fid-dar għandu bżonn ta’ attenzjoni speċjali u ta’ l-għożża.  “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin”, jgħid Ġesù.

 

Għeżież familji, il-Mulej jaf liema huma t-tbatijiet tagħna: hu jafhom!  U jaf liema hu t-toqol tal-ħajja tagħna.  Imma l-Mulej jaf ukoll ix-xewqa profonda tagħna li nsibu l-ferħ li jserraħna!  Tiftakru?  Ġesù qal: “Il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15:11).  Ġesù jrid li l-ferħ tagħna jkun sħiħ!  Dan qalu lill-Appostli u jtennih lilna l-lum.  Allura din hi l-ewwel ħaġa li rrid naqsam magħkom il-lejla, u hi kelma ta’ Ġesù: Ejjew għandi, familji tad-dinja kollha – jgħid Ġesù – u jien nagħtikom is-serħan, biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.  U din il-Kelma ta’ Ġesù ħuduha d-dar, ħuduha fil-qalb tagħkom, aqsmuha ma’ xulxin fil-familja.  Jistedinna mmorru għandU biex jagħtina, biex jagħti lil kulħadd minn dan il-ferħ.

 

2. It-tieni kelma neħodha mir-Rit taż-Żwieġ.  Min jiżżewweġ bis-Sagrament jgħid: “Inwiegħdek li nżomm ruħi dejjem fidil lejk, fir-riżq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa, u li nħobbok u nirrispettak tul ħajti kollha”.  L-għarajjes miżżewġa f’dak il-mument ma jafux x’għad jiġri, ma jafux x’ferħ u x’niket hemm jistennihom.  Jitilqu, bħala Abraham, jibdew mexjin it-triq flimkien.  U dan hu ż-żwieġ!  Nitilqu nimxu flimkien, idejna f’ta’ xulxin, b’fiduċja fl-id il-kbira tal-Mulej.  Idejna f’ta’ xulxin, dejjem u għal ħajjitna kollha!  U tagħtux kas ta’ din il-kultura tal-proviżorju, li tkissrilna ħajjitna f’biċċiet!

 

B’din il-fiduċja fil-fedeltà ta’ Alla nkunu kapaċi naffrontaw kollox, bla biża’, b’responsabbiltà.  Il-miżżewġin Insara m’humiex boloh, jafu liema huma l-problemi u r-riskji tal-ħajja.  Imma ma jibżgħux jassumu r-responsabbiltà tagħhom, quddiem Alla u quddiem is-soċjetà.  Mingħajr ma jaħarbu, mingħajr ma jiżolaw ruħhom, mingħajr ma jirrinunzjaw għall-missjoni li jiffurmaw familja u li jġibu l-ulied fid-dinja.  – Imma l-lum, Dun, hu diffiċli… –.  Daż-żgur, hu diffiċli.   Għalhekk għandna bżonn tal-grazzja, tal-grazzja li jagħtina s-Sagrament!  Is-Sagramenti m’humiex qegħdin hemm biex iżejnu l-ħajja – x’tieġ sabiħ, x’ċerimonja sabiħa, x’festa sabiħa!… –  Imma dak m’hux is-Sagrament, dik m’hix il-grazzja tas-Sagrament.  Dak tiżjin!  U l-grazzja m’hix qiegħda hemm biex inżejnu l-ħajja biha, qiegħda hemm biex issaħħaħna fil-ħajja, biex tagħtina l-kuraġġ, biex nistgħu nibqgħu mejxin ’il quddiem!  Mingħajr ma niżolaw ruħna, dejjem flimkien.  L-Insara jiżżewġu bis-Sagrament għax jafu li għandhom bżonnu!  Għandhom bżonnu biex jingħaqdu bejniethom u biex iwettqu l-missjoni ta’ ġenituri.  “Fir-riżq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa”.  Dan hu li jgħixu l-miżżewġin ġodda fis-Sagrament u fiż-Żwieġ tagħhom jitolbu flimkien u mal-komunità.  Għaliex?  Għax drajna nagħmlu hekk?  Le!  Jagħmluh għax għandhom bżonn, minħabba fil-vjaġġ twil li jridu jagħmlu flimkien: vjaġġ twil li m’hux imkisser f’biċċiet, imma jtul ħajjithom kollha!  U għandhom bżonn l-għajnuna ta’ Ġesù, biex jistgħu jimxu flimkien b’fiduċja, biex kuljum jilqgħu lil xulxin, u jaħfru lil xulxin kuljum!  U dan hu importanti!  Fil-familji rridu nkunu nafu naħfru lil xulxin, għax kollha għandna d-difetti tagħna, kollha!  Xi kultant nagħmlu affarijiet li m’humiex tajbin u jweġġgħu lill-oħrajn.  Meta fil-familja niżbaljaw, irid ikollna l-kuraġġ nitolbu skuża…

 

Xi ġimgħat ilu, f’din il-pjazza, għidt li biex il-familja tibqa’ miexja ’l quddiem hemm bżonn nużaw tliet kelmiet.  Irrid nirripetih dan.  Tliet kelmiet: ippermettili, grazzi, skużani.  Tliet kelmiet li huma muftieħ!  Nitolbu permess biex ma nkunux invadenti fil-familja.  “Nista’ nagħmel hekk?  Tieħu gost jekk nagħmel hekk?”.  B’lingwaġġ li bih nitolbu permess.  Ngħidu grazzi, grazzi ta’ l-imħabba!  Imma għidli, kemm drabi fil-ġurnata int tgħidilha grazzi lil martek, u int lil żewġek?  Kemm ġranet jgħaddu mingħajr ma llissnu din il-kelma, grazzi!  U l-aħħar kelma: skużani.  Kollha niżbaljaw u xi darba fil-familja u fiż-żwieġ wieħed iħossu mweġġa’, u xi drabi – ngħid jien – itiru l-platti, jingħad kliem iebes, imma isimgħu dan il-parir: tħallux il-ġurnata tispiċċa qabel tagħmlu paċi.  Il-paċi rridu nagħmluha mill-ġdid kuljum fil-familja!  “Skużani”, hekk hu, u nerġgħu nibdew mill-ġdid.  Ippermettili, grazzi, skużani!  Ngħiduhom flimkien?  [iwieġbu: “Iva!”]  Ippermettili, grazzi u skużani!  Ejjew illissnuhom dawn it-tliet kelmiet fil-familja!  Naħfru lil xulxin kuljum!

 

Fil-ħajja tal-familja ngħaddu minn tant mumenti sbieħ: il-mistrieħ, l-ikla flimkien, il-ħarġa f’xi ġnien jew fil-kampanja, iż-żjara lin-nanniet, iż-żjara lil xi persuna marida…  Imma jekk tonqos l-imħabba jonqos il-ferħ, tonqos il-festa, u l-imħabba dejjem Ġesù jagħtihielna: Hu l-għajn li ma taqta’ qatt.  Hemm, fis-Sagrament, Hu jagħtina l-Kelma tiegħu u jagħtina l-Ħobż tal-ħajja, biex il-ferħ tagħna jkun sħiħ.

 

3. U biex nagħlaq, hawn quddiemna din l-ikona tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju.  Hi ikona tassew sabiħa u importanti.  Nikkontemplawha u nħallu din ix-xbieha tgħinna.  Bħalkom kollha, anki l-protagonisti ta’ din ix-xena għamlu l-mixja tagħhom: Marija u Ġużeppi telqu jimxu, pellegrini lejn Ġerusalemm, f’ubbidjenza lejn il-Liġi tal-Mulej; anki x-xwejjaħ Xmun u l-profetessa Anna, għalkemm imdaħħla sew fiż-żmien, jiġu t-Tempju mqanqla mill-Ispirtu s-Santu.  Ix-xena turina din in-nisġa ta’ tliet ġenerazzjonijiet flimkien, in-nisġa ta’ tliet ġenerazzjonijiet: Xmun jieħu f’idejh lit-tfajjel Ġesù, li fih jilmaħ il-Messija, waqt li lil Anna nilmħuha fil-ġest tagħha ta’ tifħir lil Alla u tħabbar is-salvazzjoni lil min kien jistenna l-fidwa ta’ Israel.  Dawn iż-żewġ anzjani jirrappreżentaw il-fidi bħala memorja.  Imma nistaqsikom: Intom lin-nanniet tisimgħuhom?  Tiftħuha qalbkom għall-memorja li jagħtuna n-nanniet?  In-nanniet huma l-għerf tal-familja, huma l-għerf ta’ poplu.  U poplu li ma jismax x’għandhom x’jgħidu n-nanniet, hu poplu li jmut!  Isimgħu n-nanniet!  Marija u Ġużeppi huma l-Familja mqaddsa mill-preżenza ta’ Ġesù, li hu l-milja tal-wegħdiet kollha.  Kull familja, bħal dik ta’ Nazareth, hi parti mill-istorja ta’ poplu u ma tistax tgħix mingħajr il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilha.  U għalhekk il-lum għandna hawn in-nanniet u t-tfal.  It-tfal jitgħallmu min-nanniet, mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabel.

 

Għeżież familji, anki intom tagħmlu parti mill-poplu ta’ Alla.  Imxu bil-ferħ flimkien ma’ dan il-poplu.  Ibqgħu dejjem marbuta ma’ Ġesù u bix-xhieda tagħkom wassluh għand kulħadd.  Nirringrazzjakom li ġejtu.  Flimkien, nagħmlu tagħna l-kliem ta’ San Pietru, li jagħtina qawwa u għad iqawwina fil-mumenti diffiċli: “Mulej, għand min immorru?  Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:68).  Bil-grazzja ta’ Kristu, għixu l-ferħ tal-fidi!  Il-Mulej iberikkom u Marija, Omm tagħna, tħariskom u timxi magħkom.  Grazzi!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard