Għeżież ħuti,

Niżżi ħajr ‘l Alla li llum ninsab hawn f’din l-art taċ-Chiapas.  Sabiħ li ninsab fuq din l-art, sabiħ li ninsab f’dal-post, sabiħ li ninsab hawnhekk, post li bis-saħħa tagħkom għandu togħma ta’ familja, ta’ dar.  Irrodd ħajr lil kull wiċċ u għall-preżenza tagħkom, niżżi ħajr ‘l Alla għas-sensazzjoni li qed inħossu l-preżenza tiegħu fil-familji tagħkom.  U grazzi lilkom ukoll, familji u ħbieb, li tajtuna t-testimonjanza tagħkom, li ftaħtulna l-bibien ta’ djarkom, il-bibien ta’ ħajjitkom; tajtuna ċ-ċans li noqgħodu bilqegħda magħkom fuq “il-mejda” tagħkom fejn intom taqsmu l-ħobż li jgħejjixkom u l-għaraq, quddiem id-diffikultajiet li tiltaqgħu magħhom kuljum.  Il-ħobż tal-ferħ, tat-tama, tal-ħolm u tal-għaraq quddiem il-morr, id-delużjonijiet u l-waqgħat.  Grazzi talli tajtuna ċ-ċans nidħlu fil-familji tagħkom, fil-mejda tagħkom, f’darkom.

Manuel, qabel nirringrazzjak għat-testimonjanza tiegħek, irrid nirringrazzja lill-ġenituri tiegħek, it-tnejn li huma għakuptejhom quddiemek biex iżommulek il-karta.  Rajtu x’immaġni hi din?  Il-ġenituri għarkuptejhom quddiem binhom marid.  Din ix-xnea m’aħniex se ninsewha!  Imbagħad, xi kultant huma jillitikaw ukoll........ Liema raġel u mara miżżewġin ma jitlewmux?  U mbagħad, meta tidħol fin-nofs il-kunjata, imma ma jimpurtax....  Imma jinħabbu, u wrewna li jinħabbu u għandhom ħila, li  għall-imħabba li għandhom jinżlu għarkuptejhom quddiem binhom marid.  Grazzi ħbieb tax-xhieda li tajtu, u ibqgħu sejrin hekk.  Grazzi!  U lilek Manuel, grazzi tat-testimonjanza tiegħek u, fuq kollox, tal-eżempju tiegħek.  Laqtitni l-espressjoni li użajt: “tagħti l-kuraġġ”, kif ukoll l-atteġġjament li ħadt wara li tkellimt mal-ġenituri tiegħek.  Bdejt tagħti kuraġġ lill-ħajja, tagħti kuraġġ lill-familja tiegħek, tagħti kuraġġ lil ħbiebek u tagħti kuraġġ lilna wkoll, miġburin hawn.  Grazzi!  Nemmen li dan hu dak li l-Ispirtu s-Santu jrid jagħmel dejjem fostna: jagħti l-kuraġġ, jirregalalna raġunijiet biex inkomplu nemmnu fil-familja, biex noħolmu ħalli nibnu ħajja li jkollha togħma ta’ dar u ta’ familja.  Nippruvaw nagħmlu ħilitna kollha?  (“Iva”).  Grazzi!

Dan hu dak li Alla l-Missier minn dejjem immaġina u li minħabba fih, sa minn żmien il-qedem, Alla l-Missier tqabad għalih.  Meta kollox kien jidher mitluf, dik il-lejla fil-ġnien tal-Għeden, Alla l-Missier għamel kuraġġ lil dik il-koppja żgħażugħa u wrieha li mhux kollox kien mitluf.  U meta l-poplu ta’ Iżrael kien jidhirlu li ma kienx jagħmel aktar sens li jibqa’ jaqsam id-deżert, Alla l-Missier ħeġġu biex jagħmel kuraġġ bil-manna.  U meta waslet il-milja taż-żmien, Alla l-Missier għamel kuraġġ lill-umanità, għal dejjem, billi bagħtilna lil Ibnu!

Bl-istess mod, aħna lkoll li ninsabu hawn kellna l-esperjenza illi biha, f’ħinijiet differenti u għamliet differenti, Alla l-Missier tana l-kuraġġ fil-ħajja tagħna.  Allura nistgħu nistaqsu lilna nfusna: għaliex?  Għaliex ma jafx jagħmel mod ieħor.  Alla Missierna ma jaf jagħmel xejn aktar ħlief iħobbna u jagħmlilna kuraġġ, u jsuqna biex nibqgħu mexjin ‘il quddiem.  Ma jaf jagħmel xejn aktar!  Għax ismu hu mħabba, ismu hu rigal gratwit, ismu hu dedikazzjoni, ismu hu ħniena.  Dan kollu urihulna bil-qawwa tiegħu kollha u ċar, f’Ġesù Ibnu, li ta ħajtu sal-mewt biex itina s-Saltna t’Alla.  Saltna li tistedinna nieħdu sehem f’dik il-loġika ġdida li ssuq id-dinamika li għandha s-setgħa tiftaħ is-smewwiet, li għandha s-setgħa tiftħilna qlubna, moħħna, idejna u tisfidana b’ixqfa ġodda.  Saltna li għandha t-togħma ta’ familja, li għandha togħma ta’ ħajja maqsuma (mal-oħrajn).  F’Ġesù u ma’ Ġesù, din is-saltna hi possibbli.  Hu għandu ħila jibdel il-perspettivi tagħna, l-atteġġjamenti tagħna, is-sentimenti tagħna li ħafna drabi huma “mgħammdin” f’inbid tal-ħabba, superfiċjali.  Hu għandu ħila jfejjaq qlubna u jistedinna għal darba wara l-oħra, sebgħin darba għal sebgħa darbiet, biex nibdew mill-ġdid.  Hu dejjem għandu ħila jagħmel kollox ġdid.

Manuel, inti tlabtni biex nitlob għal tant adoloxxenti li tilfu l-kuraġġ u qed jgħixu waqtiet diffiċli.  Nafuh.....  Tant adoloxxenti mingħajr ħeġġa, mingħajr forza, bla rieda ta’ xejn.  U kif għidt tajjeb, Manuel, spiss dan l-atteġġjament jinbet għax iħossuhom waħedhom, għax m’għandhom lil ħadd ma’ min jitkellmu.  Aħsbu tajjeb dwar dan intom missirijiet, intom ommijiet: titkellmu intom ma wliedkom?  Jew dejjem għandkom x’tagħmlu, imħabbtin?  Tilgħabu ma wliedkom?  U dan ifakkarni fit-testimonjanza li tat Beatriz.  Beatriz, itni għidt: “It-taqbida minn dejjem kienet iebsa minħabba l-inċertezza u s-solitudni”.  Kemm-il darba ħassejt xi sebgħa jipponta lejk, ħassejtek iġġudikata: “dik”.  Naħsbu fil-persuni kollha, fin-nisa kollha li għaddew minn dak li għaddiet minnu Beatriz.  Il-prekarjetà, l-iskarsità, spiss in-nuqqas ta’ dak li hu l-aktar indispensabbli, jistgħu jressquna lejn id-disperazzjoni, jistgħu jdaħħlu fina ansjetà kbira għax ma nkunux nafu x’se naqbdu nagħmlu biex nimxu ‘l quddiem, aktar u aktar meta jkollna fuq spallejna ‘l ulied.  Il-prekarjetà ma theddidx biss lill-istonku (u dan diġà ħafna), imma tista’ thedded ukoll lir-ruħ, tista’ taqtgħalna qalbna, tmewtilna r-rieda u tittantana b’toroq jew alternattivi li jidhru li huma soluzzjoni imma li fl-aħħar mill-aħħar ma jsolvu xejn.  U int kont kuraġġuża, Beatriz, grazzi!  Hemm prekarjetà li tista’ tkun perikuluża ħafna, li taf tirfidna mingħajr ma nindunaw, hi l-prekarjetà li tinbet mis-solitudni u l-iżolament.  U l-iżolament dejjem jagħti pariri ħżiena.

Mingħajr ma ndunaw, Manuel u Beatriz użaw l-istess espressjoni, it-tnejn juruna kif, bosta drabi l-akbar tentazzjoni li jkollna quddiemna hi dik li nibqgħu waħedna, u bogħod mill-kuraġġ, dan l-atteġġjament li bħall-kamla, jherrilna ruħna, inixxfilna ruħna.

Il-mod kif niġġieldu din il-prekarjetà u dan l-iżolament, li jirrenduna vulnerabbli għal tant soluzzjonijiet “tad-dehra” – bħal dik li semmiet Beatriz – għandu livelli differenti.  Wieħed,  permezz tal-liġijiet li jipproteġu u jiggarantixxu l-minimu meħtieġ biex kull familja u kull persuna tkun tista’ tikber bl-istudju u xogħol dinjituż.  U l-ieħor, kif urew tant tajjeb it-testimonjanzi ta’ Humberto u Claudia, meta qalulna li kienu qed jippruvaw jgħaddulna l-imħabba t’Alla li huma ħassew waqt il-qadi tal-oħrajn.  Liġijiet u impenn personali huma taħlita tajba biex titkisser il-katina tal-prekarjetà.   U intom għamiltu kuraġġ lilkom infuskom; intom tinsabu ma’ Ġesù, intom dħaltu sew fil-ħajja tal-Knisja.  Użajtu espressjoni mill-isbaħ: “Aħna nagħmlu l-komunjoni ma’ ħuna dgħajjef, marid, fil-bżonn, ħabsi”’  Grazzi, grazzi!

Illum il-ġurnata naraw u ngħixu f’ħafna aspetti, il-mod kif il-familja qed tiġi mdagħjfa, iddubitata.  Kif qed jingħad li din hi mudell li għadda żmienu u li m’għandux ħila jsib postu fi ħdan is-soċjetajiet tagħna, li bl-iskuża tal-modernità, qiegħdin jiffavorixxu dejjem aktar sistema mibnija fuq il-mudell tal-iżolament.  U dawn qed jidħlu ħelu ħelu fis-soċjetajiet tagħna – li jsejħu lilhom infushom liberi, demokratiċi, sovrani – deħlin fin fin koloniżżazzjonijiet ideoloġiċi li qed ikissruhom, u nispiċċaw insiru kolonji ta’ ideoloġiji li jeqridu l-familja, in-nukleju tal-familja, li hi l-pedament ta’ soċjetà f’saħħitha.

Ċertament, mhux dejjem faċli tgħix fil-familja, spiss hu ta’ niket u iebes, imma, kif għidt aktar minn darba b’riferiment għall-Knisja, naħseb li dan jista’ jgħodd ukoll għall-familja: nippreferi familja miġrugħa li kuljum tipprova tibni l-imħabba, milli familja u soċjetà morda bl-għeluq u l-kumditajiet tal-biża’ mill-imħabba.  Nippreferi familja li darba wara oħra tfittex li terġa tibda mill-ġdid, minn familja u soċjetà nariċisisti u ossessjonati bil-lussu u l-kumdità.  “Kemm għandkom tfcal?” – “La, m’għandniex għax inħobbu nsiefru, inkunu turisti, irrid nixtri villa.....”,  Il-lussu u l-kumdità; u l-ulied jistennew; u meta tkun trid tarbija, ikun għaddielek iż-żmien.  Kemm ħsara jagħmel dan kollu!  Nippreferi familja b’wiċċ għajjien minħabba s-sagrifiċċji milli familja b’wiċċa bil-“make up” li ma tafx x’inhi t-tenerezza u l-kompassjoni.  Nippreferi raġel, mara, is-Sur Aniceto u Martu, b’wiċċ imkemmex minħabba t-tbatija ta’ kuljum, li għal aktar minn 50 sena baqgħu jħobbu lil xulxin, u llum qiegħdin hawn magħna; u binhom tgħallem il-lezzjoni u diġà ilu miżżewweġ 25 sena.  Dawn huma l-familji!  Meta l-ewwel saqsejt lis-Sur Aniceto u lis-Sinjura min minnhom ħa l-aktar paċenzja tul dawn il-50 sena: “It-tnejn li aħna, padre”.  Għax biex fil-familja naslu fejn waslu huma, hemm bżonn tal-paċenzja, imħabba, hemm bżonn inkunu nafu naħfru lil xulxin.  “Padre, f’familja perfetta qatt ma jkun hemm argumenti”.  Mhux veru: hu tajjeb li xi kultant ikun hemm tilwima, u li jtir xi platt, tajjeb, tibżgħux.  L-uniku parir hu li ma ttemmux il-ġurnata mingħajr ma tagħmlu paċi, għax jekk ittemmu l-ġurnata fil-gwerra, filgħodu tasal “il-gwerra bierda”, u l-“l-gwerra bierda” hi perikuluża ħafna fil-famillja għax tibda’ tħaffer taħt it-tikmix tal-fedeltà konjugali.  Grazzi għat-testimonjanza li intom ilkom tħobbu lil xulxin għal 50 sena.  Grazzi ħafna!

U la qed insemmu t-tikmix – biex nibdlu s-suġġett – niftakar fit-testimonjanza ta’ attriċi kbira, attriċi taċ-ċinema latinoamerikan, meta fl-età ta’ kważi sebgħin sena beda jidhrilha ftit tikmix fuq wiċċha u tawha parir biex “tirtokka”, “irtokk żgħir” biex tkompli taħdem tajjeb, it-tweġiba tagħha kienet ċara ħafna: “ Dan it-tikmix swieli ħafna xogħol, ħafna sforz, ħafna tbatija u ħajja mimlija, lanqas noħlom li mmisshom dawn huma t-timbru tal-istorja tiegħi”.  U baqgħet attriċi kbira.  Fiż-żwieġ jiġri l-istess.  Il-ħajja taż-żwieġ trid tiġġedded kuljum.  U, kif għidt qabel, nippreferi familji bit-tikmix, bil-ġrieħi, bil-marki tal-feriti, li jibqgħu mexjin għax dawk il-ġrieħi, dawk il-marki, dak it-tikmix, huma frott tal-fedeltà, ta’ mħabba li mhumiex dejjem faċli.  L-imħabba mhix faċli, mhix faċli, le, imma hi l-isbaħ ħaġa li raġel u mara jistgħu jagħtu lil xulxin, l-imħabba vera, għal għomorhom.

Talbuni nitlob għalikom, u rrid nibda’ nagħmel dan propju issa.  Intom, għeżież Messikani, għandkom “aktar” tibdew b’vantaġġ.  Għandkom lill-Omm, il-Madonna ta’ Guadalupe li riedet iżżur dawn l-artijiet, u dan itina ċ-ċertezza li bl-interċessjoni tagħha, din il-ħolma li jisimha familja ma tkunx megħluba mill-insikurezza u s-solitudni.  Hi Omm, u dejjem lesta biex tiddefendi l-familji tagħna, biex itddefendi l-futur tagħna, dejjem lesta biex tagħmlilna kuraġġ billi ttina lil Binha.  Għalhekk nistedinkom, kif qiegħdin, mingħajr ma tiċċaqalqu ħafna, biex taqbdu idejn xulxin u tgħidulha “Ave Marija..........”

U ma ninsewx lil San Ġużepp! Sieket, ħaddiem, imma dejjem fuq quddiem, dejjem jieħu ħsieb il-familja.

Grazzi!  Alla jberikkom, u itolbu għalija.

* * *

U issa, f’dil-klima ta’ festa familjari, nixtieq nistieden lill-miżżewġin preżenti biex iġeddu, fis-skiet, il-wegħdiet taż-żwieġ tagħhom.  U dawk li huma għarajjes, jitolbu l-grazzja li jkollhom familja fidila u mimlija mħabba.  Fis-skiet ġeddu l-wegħdiet li għamiltu fiż-żwieġ u l-għarajjes jitolbu l-grazzja ta’ familja fidila u mimlija mħabba.

 

Miġjub għall-Malti mit-Tajan minn Joe Huber