Sinjuri Kardinali,

Aħwa Għeżież fl-Episkopat u s-Saċerdozju,

Għeżież Ħuti,

 

Insellem b’mod partikulari lill-Kardinali u l-Isqfijiet li ġew maħturin dan l-aħħar f’din il-Kongregazzjoni, u nrodd ħajr lill-Kardinal Prefett għall-kelmtejn li bihom bdejna din il-laqgħa.

Is-suġġetti li għandkom fl-ordni tal-ġurnata huma impenjattivi, bħall-aġġornament tal-Kostituzzjoni appostolika “Sapientia christiana”, it-tisħiħ tal-universitajiet kattoliċi u t-tħejjija għall-anniversarji li jaqgħu fl-2015; jiġifieri il-50 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Konċiljari “Gravissimum educationis” u l-25 anniversarju tal-Kostituzzjoni appostolika “Ex corde Ecclesiae”.  L-edukazzjoni kattolika hija waħda mill-isfidi l-aktar importanti tal-Knisja li llum hija impenjata biex twettaq l-evanġeliżazzjoni ġdida f’kuntest storiku u kulturali li huma f’bidla kostanti.  F’din il-perspettiva irrid niġbed l-attenzjoni tagħkom fuq tliet aspetti.

 

L-ewwel aspett għandu x’jaqsam mal-valur tad-djalogu fl-edukazzjoni.  Dan l-aħħar intom żviluppajtu s-suġġett tal-edukazzjoni għad-djalogu interkulturali fl-iskola kattolika bil-publikazzjoni ta’ dokument partikulari.  Fil-fatt, l-iskejjel u l-universitajiet kattoliċi ikun hemm fihom ħafna studenti mhux insara u wkoll dawk li ma jemmnux.   Lilhom ilkoll, l-istituzzjonijiet edukattivi kattoliċi joffrulhom proposta edukativa li timmira għall-iżvilupp sħiħ tal-persuna u li tirrispondi għad-dritt ta’ kulħadd li jersaq lejn il-għerf u t-tagħrif.  Imma huma msejħin bl-istess mod biex joffru lil kulħadd, b’rispett sħiħ tal-liberta’ ta’ kull wieħed u waħda u skont il-metodi proprji tal-ambjent skolastiku, il-proposta nisranija, jiġifieri Ġesu’ Kristu bħala dak li jagħti sens lill-ħajja, lill-ħolqien kollu u lill- istorja.

 

Ġesu’ beda jxandar l-aħbar it-tajba “fil-Galilea tal-ġnus”, salib it-toroq ta’ persuni li kienu differenti minħabba r-razza, il-kultura u r-reliġjon.  Dan il-kuntest jixbah b’ċerti modi lid-dinja tallum.  It-tibdil profond li ġab it-tixrid dejjem aktar wiesgħa ta’ soċjetajiet multikulturali jitolbu minn dawk kollha li jaħdmu fis-settur skolastiku u universitarju li jinvolvu ruħhom f’mixjiet edukattivi ta’ konfront u ta’ djalogu, b’fedelta’ kuraġġjuża u innovattiva li taf tgħaqqad l-identita’ kattolika mal-“erwieħ” tas-soċjeta’ multikulturali.  Niftakar u napprezza s-sehem li joffru l-Istiituti reliġjużi u l-istituzzjonijiet oħra tal-Knisja bit-twaqqif u t-tmexxija ta’ skejjel kattoliċi f’kuntest ta’ pluraliżmu għoli kulturali u reliġjuż.

 

It-tieni aspett iħares lejn it-tħejjija kwalifikata tal-formaturi.  Ma tistax timprovviża.  Jeħtieġ nagħmlu l-affarijiet bis-serjeta’.  Fil-laqgħa li kelli mas-Superjuri Ġenerali, ġbidt l-attenzjoni sewwa li llum l-edukazzjoni hija offruta lil ġenerazzjoni li tbiddel, u li  għalhekk kull edukatur – u l-Knisja kollha hija omm li tgħallem – huwa msejjaħ biex “ibiddel”, fis-sens li jkun jaf jikkomunika maż-żgħażagħ li jkollu quddiemu.

 

Irrid nillimita ruħi billi nfakkarkom fil-linji ġenerali tal-figura tal-edukatur u tad-dmir tiegħu speċifiku.  Li teduka huwa att ta’ mħabba.  U l-imħabba hija esiġenti, titlob li nużaw l-aħjar riżorsi, li nqajjmu l-passjoni u nqegħedu bil-paċenzja lilna nfusna f’mixja maż-żgħażagħ.  L-edukatur fl-iskejjel kattoliċi għandu qabel xejn ikun ħafna kompetenti, kwalifikat, u fl-istess waqt għani fl-umanita’, kapaċi li joqgħod qalb iż-żgħażagħ bi stil pedagoġiku, biex ikun jista’ jgħinhom jikbru b’mod uman u b’mod spiritwali.  Iż-żgħażagħ jeħtieġu kwalita’ fit-tagħlim u ġabra ta’ valuri, mhux biss imxandrin imma li jarawhom fix-xhieda li nagħtuhom.  Il-koerenza hija fattur li ma nistgħux ngħaddu mingħajru fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ.  Koerenza!  Ma tistax tgħin wieħed jikber, ma tistax teduka mingħajr koerenza: koerenza, xhieda.

 

Għalhekk l-edukatur għandu bżonn tal-formazzjoni permenenti.  Jeħtieġ għalhekk ninvestu sabiex l-għalliema u dawk li jmexxu ikunu jistgħu iżommu fil-għoli l-professjonalita’ tagħhom imma wkoll il-fidi tagħhom u l-qawwa tal-motivazzjonijiet spiritwali tagħhom.  U f’din il-formazzjoni permanenti wkoll ippermettuli nissuġġerixxi l-ħtieġa ta’ rtiri u tal-eżerċizzi spiritwali għall-edukaturi.  Hija ħaġa sabiħa li wieħed jagħmel korsi fuq dan jew dak is-suġġett, imma huwa wkoll meħtieġ li jsiru korsi ta’ eżerċizzi spiritwali, rtiri, biex wieħed jitlob!  Għaliex il-koerenza hija mpenn, imma hija fuq kollox don u grazzja.  U jeħtieġilna nitolbuha!

 

Aspett tal-aħħar għandu x’jaqsam mal-Istituzzjonijiet edukattivi, jiġifieri l-iskejjel u l-Universitajiet kattoliċi u dawk tal-Knisja.  Il-50 anniversarju tad-Dikjarazzjoni tal-Konċilju, il-25 anniversarju tal-Ex corde Ecclesiae u l-aġġornament tas-Sapienta christiana imexxuna biex nirriflettu bis-serjeta’ fuq l-għadd kbir ta’ istituzzjonijiet formattivi mxerrda mad-dinja kollha u fuq ir-responsabbilta’ tagħhom li jesprimu preżenza ħajja tal-Evanġelju fil-qasam tal-edukazzjoni, tax-xjenza u tal-kultura.  Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet akkademiċi kattoliċi ma jiżolawx ruħhom miod-dinja, imma jkunu jafu kif jidħlu bil-kuraġġ fl-areopagu tal-kulturi attwali u jqegħedu lilhom infushom fi djalogu, konxji tad-don li għandhom x’joffru lil kulħadd.

 

L-aktar għeżież, l-edukazzjoni hija ħidma kbira miftuħa li fiha l-Knisja hija dejjem preżenti b’istituzzjonijiet u proġetti proprji.  Illum jeħtieġ ninċentivaw aktar dan l-impenn fil-livelli kollha u nġeddu l-ħidma ta’ dawk kollha li huma impenjati fiha, fil-perspettiva tal-evanġeliżazzjoni ġdida.  F’dan id-dawl jien inroddilkom ħajr tax-xogħol tagħkom kollu u, bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, insejjaħ l-għajnuna bla ma taqta’ tal-Ispirtu s-Santu fuqkom u fuq l-inizjattivi kollha tagħkom.  Nitlobkom ukoll, jekk jgħoġobkom, itolbu għalija u għall-ministeru tiegħi u minn qalbi nberikkom. Grazzi! 

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.