LAQGĦA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

MAL-EDITURI U L-KOLLABORATURI TAR-RIVISTA

"AGGIORNAMENTI SOCIALI"

Sala tal-Konċistorju

Il-Ġimgħa, 6 ta' Diċembru, 2019

Diskors impromptu tal-Qdusija Tiegħu

 

 

Kelli mħejji diskors ta' tmien paġni... Wara t-tielet paġna ftit se jkunu dawk li jkunu jisimgħu!  Se ntihulkom u rrid nitkellem minn moħħi dwar xi affarijiet li nħoss.

Grazzi taż-żjara u grazzi Patri Bartolomeo (Sorge S.J.) talli ġejt.  Ma' Patri Bartolomeo konna għamilna t-32 kongregazzjoni ġenerali (tal-Ġiżwiti) fl-1974, tiftakar?  Dak it-taqbid intern, dawk il-problemi...... Kien pijunier f'dan u rroddlu ħajr.  U (rrod ħajr) lilkom ukoll, li ġġorru fuqkom l-għeruq, il-memorja, l-iżvilupp tal-ħidma soċjali, li hija importanti.  Titilfux il-kuraġġ, għax ftit taż-żmien ilu qrajt xi ħaġa tant ċara, li triegħed,mhux qed ngħidl lill-politika Taljana, imma tal-anqas lill-Knisja Taljana!  Grazzi, grazzi lilkom ilkoll.

Ħaġa li qal Patri Costa (Direttur tar-rivista): isma'.  Qatt ma nistgħu nagħtu orjentament, triq, suġġeriment mingħajr is-smigħ.  Is-smigħ huwa propju l-atteġġjament fundamentali ta' kull persuna li trid tagħmel xi ħaġa għal ħaddieħor.  Nisimgħu is-sitwazzjonijiet, nisimgħu il-problemi, bil-miftuħ, mingħajr preġudizzji.  "Int għidt hekk u hekk....".  Le, bla preġudizzji.  Għax hemm mod kif tisma' li hu "Iva, iva, fhimt, iva, iva....", u kollox jispiċċa xejn, kollox inġib jaqbel mal-kategorija tiegħi.  U dan mhux sew.

Nisimgħu u nħallu r-realtà tolqotna.  U xi drabi l-kategoriji jaqgħu jew jirranġaw ruħhom.  Is-smigħ għandu jkun l-ewwel pass, imma jeħtieġ li jsir b'moħħ u qalb miftuha, mingħajr preġudizzji.  id-dinja tal-preġudizzji, tal-"iskejjel tal-ħsieb", ta' pożizzjonijiet riġidi, jagħmlu l-ħsara... Per eżempju, illum fl-Ewropa qed ngħixu l-preġudizzju tal-populiżmi, il-pajjiżi qed jingħalqu fihom infushom u jduru lejn l-ideoloġiji.  Imma mhux biss ideoloġiji ġodda - xi ħaġa minn dan hemm - imma qed iduru għall-qodma, għall-ideoloġiji antiki li kienu l-kawża tat-tieni gwerra dinjia.  Għaliex?  Għax ir-realtà ma jisimgħuhiex kif inhi.  Hemm perspettiva ta' dak li rrid li jsir, dak li rrid li għandu jkun il-ħsieb, hekk għandu jsir.....  Huwa kumpless li jġagħalna nieħdu post Alla l-ħallieq: aħna nieħdu s-sitwazzjoni f'idejna u naħdmu: ir-realtà hi dak li jien irrid li jsir.  Nagħmlu ftit 'filters'.  Imma r-realtà hi ħaġa oħra.  Ir-realtà hi sovrana.  Jogħġobna jew ma jogħġobniex, imma hija sovrana.  U jien jeħtieġli niddjaloga mar-realtà.

It-tieni pass.  Isma' u ddjaloga, m'għandekx timponi t-toroq tal-iżvilupp, jew is-soluzzjoni tal-problemi.  Jekk jien għandi nisma', għandi naċċetta r-realtà kif inhi, ħalli nixtarr liema għandha tkun it-tweġiba tiegħi.  U hawn naslu għall-qofol tal-problema.  Liema hi t-tweġiba tan-nisrani?  Nagħmlu djalogu ma' dik ir-realtà u nibdew mill-valuri tal-Vanġelu, ta' dak li għallimna Ġesù, mingħajr ma nimponuh dommatikament, imma bid-djalogu u bid-dixxerniment.

Wieħed Ġiżwita fit-Tajlandja, li jaħdem mar-rifuġajti, meta kont hemmhekk kien għamilli dil-mistoqsija: "Illum liema hi t-triq tal-ħidma tagħna mar-rifuġjati?"  U t-tweġiba hi: m'hemmx triq, hemm mogħdijiet żgħar li kull wieħed minna għandu jfittex huwa u jħares lejn ir-realtà, billi jdur lejn it-talb u jagħmel id-dixxerniment.  Realtà, talb u dixxerniment.  U hekk nibqgħu mexjin 'il quddiem fil-ħajja, anki bil-problemi soċjali, kulturali....  Imma jekk intom titilqu mill-preġudizzju jew minn pożizzjonijiet stabbiliti, minn deċiżjonijiet dommatiċi, qatt u qatt m'intom se taslu twasslu messaġġ.  Il-messaġġ għandu jasal mingħand il-Mulej permezz tagħna.  Aħna nsara u l-Mulej ikellimna bir-realtà, waqt it-talb u bid-dixxerniment.

Dan nixtieq ngħidilkom għar-rivista tagħkom.  Qatt u qatt taħbu r-realtà.  Għidu dejjen: "Hekk huma l-affarijiet".  Qatt taħbuha  b'dik ir-rassenjazzjoni li tiġi minn "issa naraw......, forsi l-affarijiet jinbidlu....".  Qatt taħbuha: ir-realtà hi waħda, kif tidher.  Imbagħad ippruvaw ifhmuha fil-qafas tal-awtonomija interpretattiva tagħha, għax ir-realtá wkoll għandha l-mod kif tinterpreta lilha nfisha.  Trid tkun mifhuma.  Imbagħad id-djalogu mal-Vanġelu, mal-messaġġ nisrani; it-talb, id-dixxerniment u b'hekk inkunu qed nibnu mogħdijiet żgħar ġodda biex nibqgħu mexjin 'il quddiem.  Illum m'hemmx "highways" għall-evanġeliżżazzjoni, m'hemmx. Hemm biss mogħdijiet umli, umli, li jmexxuna 'l quddiem.

Jien nixtieq ninkoraġġikom għal dan, u forsi xi ħadd minnkom jgħid: "Imma padre, il-problemi huma ħafna u nibżgħu li niżolqu u niżbaljaw".  Imma, bil-grazzja t'Alla!  Jekk taqa' iżżi ħajr 'l Alla għax ikollok iċ-ċans li terġa' tqum u tibqa' miexi 'l quddiem.....  Imma xi ħadd li jibqa' wieqaf ċass minħabba l-biża' li jaqa' jew li jiżbalja, qatt u qatt ma jista' jkun għammiel fil-ħajja.  Nimxu 'l quddiem, bil-kuraġġ.  U jekk il-kritika tkun tajba tqawwikom, issaħħaħkom.

Turikom fejn kienu l-iżbalji.  U jekk il-kritika tiġi minn xi qalb ħażina, jaqbakom xi ftit tal-mejt bl-akkaniment li soltu jiġri f'dawn il-każi........  Imma żommu dejjem dik il-libertà ġewwinija, u huwa biss min jitlob, min joqgħod quddiem Alla, min jaqbad il-Vanġelu f'idejh, li għandu l-libertà, din hi l-libertà interjuri.  Dan mhux pjetiżmu, le, huwa awtentiċità.  Bl-idejn il-ħidma u bil-qalb inħossu, nisimgħu, dak li qed jiġri fin-nies. Is-smigħ.  Il-kelma tiegħek (fl-introduzzjoni ta' Patri Costa) qanqlet dan kollu fija.  Qed noffrih spontanjament, u mbagħad "akkademikament" hemm id-diskors li kelli nagħmel, twil tmien paġni!

Itolbu għalija, jien nitlob għalikom, u ibqgħu mexjin 'il quddiem, dejjem 'il quddiem!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber