Għeżież ħuti, il-wara nofs in-nhar it-tajjeb.

 

Ninsab kuntent li qed nieħu sehem fil-laqgħat ta’ ħidma tagħkom u nirringrazzja lil Mons. Rino Fisichella għall-introduzzjoni tiegħu.  Grazzi wkoll ta’ dan il-kuntest ta’ “ħajja”: din hi verament ħajja!  Grazzi.

 

Intom taħdmu fil-pastorali fid-diversi Knejjes tad-dinja, u nġbartu hawn biex tirriflettu flimkien fuq il-proġett pastorali ta’ l-Evangelii gaudium.  Fil-fatt kont jiena stess li ktibt li dan id-dokument għandu “tifsira programmatika u konsegwenzi importanti” (nru 25).  U ma jistax ikun mod ieħor meta qed nitkellmu fuq il-missjoni prinċipali tal-Knisja, jiġifieri dik li tevanġelizza!  Imma jeżistu mumenti fejn din il-missjoni ssir iżjed urġenti u r-responsabbiltà tagħna jkollha bżonn tiġġedded.

 

Jiġuni f’moħħi, qabel xejn, il-kelmiet tal-Vanġelu ta’ Mattew fejn jgħid li Ġesù “ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj” (9:36).  Kemm persuni, f’tant periferiji eżistenzjali ta’ żminijietna, huma “imdejqa u mitluqa” u qed jistennew lill-Knisja, qed jistennew lilna!  Kif nistgħu nilħquhom?  Kif naqsmu magħhom l-esperjenza tal-fidi, l-imħabba ta’ Alla, il-laqgħa ma’ Ġesù?  Din hi r-responsabbiltà li għandhom il-komunitajiet tagħna u l-pastorali tagħna.

 

M’hux xogħol il-Papa li “joffri analiżi dettaljata u sħiħa tar-realtà ta’ żmienna” (Evangelii gaudium, 51), imma hu jistieden lill-Knisja kollha tagħraf is-sinjali taż-żminijiet li l-Mulej joffrilna bla waqfien.  Kemm sinjali huma preżenti fil-komunitajiet tagħna u kemm possibbiltajiet ipoġġilna quddiemna l-Mulej biex nagħrfu l-preżenza tiegħu fid-dinja tal-lum!  Qalb realtajiet negattivi, li bħal dejjem huma l-iżjed li jagħmlu ħoss, nilmħu wkoll tant sinjali li jġibu tama u jagħtu kuraġġ.  Dawn is-sinjali, kif tgħid il-Gaudium et spes, irridu naqrawhom mill-ġdid fid-dawl tal-Vanġelu (ara nri 4 u 44): dan hu ż-“żmien it-tajjeb” (ara 2 Kor 6:2), hu l-mument ta’ l-impenn konkret, hu l-kuntest li fih aħna msejħin naħdmu biex inkabbru s-Saltna ta’ Alla (ara Ġw 4:35-36).  Kemm faqar u solitudni naraw sfortunatament fid-dinja tal-lum!  Kemm persuni jgħixu fi tbatija kbira u jitolbu lill-Knisja tkun għalihom sinjal li Alla hu qrib tagħhom, hu twajjeb, solidali u ħanin magħhom!  Din hi ħidma li b’mod partikulari hi ta’ dawk kollha li għandhom f’idejhom il-pastorali: l-isqof fid-djoċesi tiegħu, il-kappillan fil-parroċċa tiegħu, id-djakni fis-servizz tal-karità, il-katekisti fil-ministeru tagħhom li jgħaddu l-fidi…  Insomma, dawk kollha impenjati fid-diversi oqsma tal-pastorali huma msejħa jagħrfu u jaqraw dawn is-sinjali taż-żminijiet biex jagħtu tweġiba għarfa u ġeneruża.  Quddiem tant esiġenzi pastorali, quddiem tant karbiet għall-għajnuna minn irġiel u nisa, qed nirriskjaw li ninħakmu mill-biża’ u ningħalqu fina nfusna f’atteġġjament ta’ biża’ u difiża.  U minn hemm titnissel it-tentazzjoni tas-suffiċjenza u tal-klerikaliżmu, meta nikkodifikaw il-fidi f’regoli u istruzzjonijiet, kif kienu jagħmlu l-kittieba, il-Fariżej u l-għorrief tal-liġi ta’ żmien Ġesù.  Ikollna kollox ċar, kollox fl-ordni, imma l-poplu li jemmen u qed ifittex, jibqa’ bil-ġuħ u l-għatx għal Alla.  Għidt ukoll kemm-il darba li l-Knisja nxebbahha ma’ sptar fuq il-kamp tal-battalja: tant nies miġruħa li titlobna nkunu qrib tagħha, li titlob minna dak li kienet titlob minn Ġesù: li nkunu qrib tagħha, maġenbha.  U b’dan l-atteġġjament tal-kittieba, ta’ l-għorrief tal-liġi u tal-Fariżej, qatt m’aħna ħa nagħtu xhieda li aħna qrib tagħhom.

 

Hemm kelma oħra li ġġagħalni nirrifletti.  Meta Ġesù jirrakkonta dwar sid l-għalqa tad-dwieli li kien fil-bżonn tal-ħaddiema, u ħareġ f’diversi sigħat tal-ġurnata jsejjaħ ħaddiema għall-għalqa tiegħu (ara Mt 20:1-16).  Ma ħariġx darba biss.  Fil-parabbola Ġesù jgħid li ħareġ ta’ l-inqas ħames darbiet: ma’ sbiħ il-jum, fid-disgħa, f’nofs in-nhar, fit-tlieta u fil-ħamsa ta’ fil-għaxija – għad fadlilna ċans li jiġi għandna!  Kien hemm bżonn kbir ta’ xogħol fl-għalqa u dan is-sid qatta’ kważi l-ħin tiegħu kollu jiġġerra mat-toroq u fil-pjazez tal-pajjiż ifittex il-ħaddiema.  Aħsbu ftit f’dawk ta’ l-aħħar siegħa: ħadd ma kien għadu sejħilhom; min jaf kif setgħu ħassewhom li fl-aħħar tal-ġurnata ma kienu ħa jieħdu xejn magħhom id-dar biex jitimgħu lil uliedhom.  Hekk hu, dawk li huma responsabbli mill-pastorali jistgħu jsibu eżempju sabiħ f’din il-parabbola.  Noħorġu f’diversi sigħat tal-jum biex immorru niltaqgħu ma’ min qed ifittex lill-Mulej.  Nilħqu lill-iżjed dgħajfa u fil-bżonn biex nagħtuhom is-sostenn li jħossuhom utli fl-għalqa tal-Mulej, anki jekk għal siegħa waħda biss.

 

Aspett ieħor: nitlobkom, ejjew ma niġrux wara l-ilħna tas-sireni li jsejħulna biex nagħmlu mill-pastorali serje ta’ inizjattivi mxerrda, bla ma jirnexxielna nagħrfu l-essenzjal ta’ l-impenn ta’ evanġelizzazzjoni.  Xi kultant donna aktar imħabbtin biex inkattru l-attivitajiet milli biex inkunu attenti għall-persuni u għal-laqgħa tagħhom ma’ Alla.  Pastorali li m’għandhiex din l-attenzjoni tibda ftit ftit issir sterili.  Ma ninsewx nagħmlu bħalma għamel Ġesù mad-dixxipli tiegħu: wara li dawn marru fl-irħula biex iwasslu l-bxara tal-Vanġelu, reġgħu lura kuntenti bis-suċċessi tagħhom; imma Ġesù sejħilhom għalihom waħidhom, f’post maqtugħ min-nies biex joqgħod ftit waħdu magħhom (ara Mk 6:31).  Pastorali mingħajr talb u kontemplazzjoni qatt ma tista’ tilħaq il-qalb tal-persuni.  Tieqaf mal-qoxra mingħajr ma tħalli ż-żerriegħa tal-Kelma ta’ Alla tagħmel l-għeruq, tnibbet, tikber u tagħti l-frott (ara Mt 13:1-23).

 

Jien naf li lkoll kemm intom taħdmu ħafna, u għalhekk nixtieq inħallilkom l-aħħar kelma importanti:  sabar.  Sabar u perseveranza.  Il-Verb ta’ Alla daħal fis-“sabar” fil-mument ta’ l-Inkarnazzjoni, u hekk baqa’, sal-mewt fuq is-Salib.  Sabar u perseveranza.  M’għandniex il-“bakketta maġika” għal kollox, imma għandna l-fiduċja fil-Mulej li sseħibna u ma titlaqna qatt waħidna.  Fid-diffikultajiet kif ukoll fil-qtigħ il-qalb li huma preżenti mhux ftit fil-ħidma pastorali tagħna, għandna bżonn li qatt ma tonqosna l-fiduċja fil-Mulej u fit-talb li jweżinha.  Ma ninsewx, imma, li l-għajnuna nsibuha, qabel xejn, propju minn dawk li navviċinaw u nsostnu aħna.  Nagħmlu l-ġid, imma mingħajr ma nistennew ebda ħlas.  Niżirgħu u nagħtu xhieda.  Ix-xhieda hi l-bidu ta’ evanġelizzazzjoni li tmiss il-qalb u tibdilha.  Il-kelmiet mingħajr xhieda ma jmorrux, ma jiswewx!  Ix-xhieda hi li tagħti validità lill-kelma.

 

Grazzi ta’ l-impenn tagħkom!  Inberikkom u, nitlobkom, tinsewx titolbu għalija, għax jien ikolli nitkellem ħafna u anki jien irrid nagħti ftit tax-xhieda Nisranija!  Grazzi.

 

Nitolbu lill-Madonna, Omm l-Evanġelizzazzjoni: Ave Maria

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard