Għeżież ħuti,

Kuntent li qed nilqagħkom hawn fl-okkażjoni ta’ Jum id-Don. Insellem lil kull wieħed minnkom minn qalbi, ibda mill-President tal-Istitut Taljan tad-Donazzjoni, l-istituzzjoni li tippromwovi dan l-avveniment; nirringrazzjah għall-kliem li qal.

L-akbar don  li Alla ta lil kull wieħed minna hi l-ħajja, u l-ħajja tagħmel parti minn don divin ieħor li Alla tana, u dan hu l-ħolqien. Jeħtieġ li lkoll nħossu r-responsabbiltà kbira li nħarsu b’mod xieraq il-ħolqien u nipproteġuh minn dak kollu li qed iħassru. Aħna fid-dmir li nikkonservaw il-pjaneta  li rċevjna bħal don gratwit mit-tjieba t’Alla u ngħadduha sħiħa lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Quddiem il-kriżi ekoloġika li qed ngħixu fiha, il-fatt li rċevejna dan id-don u li rridu ngħadduh lil min jiġi warajna  għandu jqanqal  fina  impenn u tama.  

Id-don tal-ħajja u d-don tal-ħolqien jiġu mill-imħabba t’Alla għall-bnedmin;  anzi, Alla joffrilna imħabbtu permezz ta’ dawn id-doni. U aktar ma nkunu lesti li ninfetħu u nilqgħu din l-imħabba t’Alla, aktar nistgħu nkunu don ta’ mħabba għal ħutna l-bnedmin. Ġesù fakkarna dan fl-Aħħar Ċena meta ta lid-dixxipli tiegħu “l-kmandament ġdid tal-imħabba”. Kien jaf li kienet waslet is-siegħa tiegħu biex jitlaq minn din id-dinja u jmur għand il-Missier, li kienet waslet is-siegħa tal-Għid tal-mewt u l-qawmien tiegħu, u qabel ma telaq Hu ħalla lill-Appostli  kliem li tista’ tgħid li huma testment. Qalilhom: “Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Kif ħabbejtkom jien, hekk għandkom intom tħobbu lil xulxin”. (Ġw 13,34)

F’liema sens seta’ Ġesù jgħid li dan il-kmandament tiegħu hu “ġdid”? Il-novità f’dan il-kmand li ta Ġesù tinsab fil-fatt li hu ma kienx  qed jitkellem fuq imħabba kwalunkwe imma  fuq imħabbtu stess li wasslitu biex jagħti ħajtu għalina. Kien qed jitkellem fuq imħabba li tissarraf  f’qadi għall-oħrajn: fil-fatt ftit qabel ma qal dan il-kliem, hu ħasel riġlejn id-dixxipli. Din hi mħabba li taf titbaxxa, li tiċħad kull forma ta’ vjolenza, li tirrispetta l-libertà, li tippromwovi d-dinjità, li twarrab kull diskriminazzjoni. Din l-imħabba  ma tafx b’armi u hi aktar qawwija mill-mibegħda. Ir-regola tal-imħabba għal min irid jimxi wara Ġesù hi: ħalli lil Ġesù jidħol sew f’ħajtek, ħobb bħalma jħobb Hu, fassal l-azzjonijiet tiegħek fuq il-ġenerożità infinita tiegħu.

Id-“don” li l-Italja tiċċelebra fl-4 ta’ Ottubru mhuwiex xi kunċett astratt, xi sejħa ġenerika għal “rigal” – tista’ tagħti bosta rigali b’mod “interessat”, li ma jkunx gratwit – imma hi mġiba u azzjoni li għandhom l-għeruq tagħhom fil-messaġġ tal-Evanġelju. Kulħadd, l-aktar  it-tfal u ż-żgħażagħ, hu msejjaħ biex jagħmel l-esperjenza stupenda tad-don. Din hi esperjenza edukattiva, li tkabbar umanament u spiritwalment, filwaqt li tiftaħ il-moħħ u l-qalb għal spazji wiesa’ ta’ fraternità u kondiviżjoni. U hekk tinbena ċ-ċiviltà tal-imħabba!

Għalhekk, “Jum id-don” hu opportunità li tistimula  l-ewwelnett liż-żgħażagħ biex  jiskopru li d-don hu parti minna nfusna li nagħtuha b’mod gratwit lill-oħrajn,  u li b’dan aħna ma nkunu qed nitilfu xejn imma nkunu qed inkattru l-valur. Meta nagħtu xi ħaġa lill-oħrajn, nkunu kuntenti aħna u nagħmlu kuntenti lill-oħrajn; mill-għotja tagħna nfusna  lill-oħrajn jinbtu rabtiet u relazzjonijiet li jsaħħu t-tama f’dinja aħjar.

Inħeġġiġkom tkomplu b’ferħ din il-mixja tagħkom. Kunu rġiel, nisa u żgħażagħ li jiddefendu l-ħajja, li jieħdu ħsieb il-ħolqien, li jagħtu xhieda tal-imħabba li tingħata u tiġġenera l-ġid għal kulħadd.  Jien nakkumpanjakom bit-talb tiegħi. U jekk jogħġobkom, anki intom itolbu għalija. Minn qalbi nagħtikom il-barka tiegħi.

Miġjub mit-Taljan għall Malti minn Vivienne Attard