Eminenza, Eċċellenzi, Sinjuri,

Sal-lum saret tradizzjoni twila u b’saħħitha li, fil-bidu ta’ kull sena ġdida, il-Papa jiltaqa’ mal-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditat fi ħdan is-Santa Sede biex jagħtihom l-awguri u jaqsam xi riflessjonijiet, li joħorġu qabel xejn mill-qalb tiegħu ta’ ragħaj, attent għall-ferħ u n-niket ta’ l-umanità.  Għalhekk il-laqgħa tal-lum hi motiv ta’ ferħ kbir.  Hi tippermettili li nlissen lilkom personalment, lill-familji tagħkom, lill-awtoritajiet u lill-popli li tirrappreżentaw l-awguri minn qalbi għal Sena mimlija barkiet u sliem.

Irrodd ħajr qabel xejn lid-Dekan Jean-Claude Michel, li, f’isimkom ilkoll, poġġa fi kliem l-espressjonijiet ta’ mħabba u ta’ stima li jorbtu n-Nazzjonijiet tagħkom mas-Sede Appostolika.  Qed nieħu gost nerġa’ narakom hawnhekk, hekk numerużi, wara li ltqajt magħkom għall-ewwel darba ftit tal-jiem wara l-elezzjoni tiegħi.  Sadattant ġew akkreditati bosta Ambaxxaturi ġodda, li mill-ġdid nagħtihom merħba, waqt li, fost dawk li ħallewna, ma nistax ma nsemmix, kif diġà għamel id-Dekan tagħkom, il-mibki Ambaxxatur Alejandro Valladares Lanza, għal bosta snin Dekan tal-Korp Diplomatiku, li xi xhur ilu l-Mulej sejjaħlu għal għandu.

Is-sena li għadna kemm temmejna kienet partikularment mimlija bi ġrajjiet, mhux biss fil-ħajja tal-Knisja, imma anki fil-qasam tar-relazzjonijiet li s-Santa Sede tħaddan ma’ l-Istati u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali.  Niftakar, b’mod partikulari, fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet diplomatiċi mas-Sudan t’Isfel, l-iffirmar ta’ qbil, bażiku jew speċifiku, ma’ Cabo Verde, l-Ungerija u ċ-Ċad, u r-ratifika ta’ dak magħmul mal-Guinea Ewkatorjali fl-2012.  Anki fil-qasam reġjonali twessgħet il-preżenza tas-Santa Sede, kemm fl-Amerika ċentrali, fejn hi saret Osservatur Extra-Reġjonali fi ħdan is-Sistema de la Integración Centroamericana, u kemm fl-Afrika, bl-akkreditazzjoni ta’ l-ewwel Osservatur Permanenti fi ħdan il-Komunità Ekonomika ta’ l-Istati ta’ l-Afrika Oċċidentali.

Fil-Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi, iddedikat għall-fraternità bħala pedament u triq għall-paċi, osservajt li “il-fraternità nibdew nitgħallmuha biss fil-ġuf tal-familja” (Messaġġ għas-XLVII Jum Dinji tal-Paċi, 8 ta’ Diċembru 2013, 1), li “il-vokazzjoni tagħha hi li tħalli d-dinja tittieħed minn imħabbitha” (ibid.) u li tikkontribwixxi biex jimmatura dak l-ispirtu ta’ servizz u ta’ kondiviżjoni li jġib il-paċi (ara ibid., 10).  Dan jirrakuntahulna l-Presepju, fejn nilmħu lill-Familja Mqaddsa mhux waħidha u iżolata mid-dinja, imma mdawra mir-rgħajja u mill-Maġi, jiġifieri komunità miftuħa, li fiha hemm wisa’ għal kulħadd, fqar u għonja, tal-qrib u tal-bogħod.  U hekk nifhmu aħjar kliem il-maħbub predeċessur tiegħi Benedittu XVI, li għafas fuq il-fatt li “il-vokabularju tal-familja hu vokabularju ta’ paċi” (Benedittu XVI, Messaġġ għall-XLI Jum Dinji tal-Paċi, 8 ta’ Diċembru 2007; 3: AAS 100 [2008], 39).

B’xorti ħażina, spiss dan ma jseħħx, għax qed jikber l-għadd ta’ familji maqsuma u mkissra, mhux biss minħabba l-għarfien dgħajjef tas-sens ta’ appartenenza li jikkaratterizza d-dinja tal-lum, imma anki minħabba l-kundizzjonijiet diffiċli li fihom ħafna minnhom ikollhom jgħixu, sal-punt li jonqsuhom l-istess mezzi ta’ għixien.  Għalhekk huma meħtieġa sistemi politiċi tajbin li kapaċi jsostnu, jiffavorixxu u jsaħħu l-familja!

Barra minn hekk, qed jiġri wkoll li l-anzjani qed jitqiesu bħala piż, waqt li ż-żgħażagħ m’humiex jaraw quddiemhom prospettivi ċerti għal ħajjithom.  Għall-kuntrarju, l-anzjani u ż-żgħażagħ huma t-tama ta’ l-umanità.  Ta’ l-ewwel iġorru l-għerf ta’ l-esperjenza; tat-tieni jiftħuna għall-ġejjieni, u ma jħalluniex ningħalqu fina nfusna (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 108).  Ikun għaqli li ma nwarrbux lill-anzjani mill-ħajja soċjali, għax hekk biss nistgħu nżommu ħajja l-memorja ta’ poplu.  Bl-istess mod, tajjeb li ninvestu fiż-żgħażagħ, b’inizjattivi adegwati li jgħinuhom isibu xogħol u jibnu dar fejn jgħixu.  Ma rridux nitfu l-entużjażmu tagħhom!  Għadha ħajja f’moħħi l-esperjenza tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Rio de Janeiro.  Kemm żgħażagħ iltqajt magħhom!  Kemm tama u stennija lmaħt f’għajnejhom u fit-talb tagħhom!  Kemm għatx għall-ħajja u xewqa li jinfetħu għall-oħrajn!  L-għeluq u l-iżolament joħolqu dejjem atmosfera soffokanti u tqila, li l-lum jew għada tispiċċa biex tnikket u tifga.  Minflok, hemm bżonn ta’ l-impenn komuni ta’ kulħadd biex niffavorixxu kultura tal-laqgħa, għax kapaċi jagħmel il-frott biss min jaf jimxi lejn l-oħrajn, joħloq relazzjonijiet, joħloq il-komunjoni, ixerred il-ferħ, jibni l-paċi.

Dan jikkonfermawh – jekk hemm bżonn – ix-xeni ta’ tifrik u ta’ mewt li rajna b’għajnejna fis-sena li għadha kif għaddiet.  Kemm tbatija, kemm disperazzjoni kawża ta’ min ingħalaq fih innifsu, li ftit ftit libes il-wiċċ ta’ l-għira, ta’ l-egoiżmu, tar-rivalità, tal-kilba għall-poter u l-flus!  Kultant donnu li dawn ir-realtajiet huma ddestinati li jiddominaw huma.  Il-Milied, imma, jiżra’ fina l-Insara ċ-ċertezza li l-aħħar kelma hi tal-Prinċep tal-Paċi, li jibdel “ix-xwabel f’sikek tal-moħriet u l-lanez fi mnieġel” (ara Is 2:4) u jittrasforma l-egoiżmu f’don tiegħu nnifsu u l-vendetta f’maħfra.

Hu b’din il-fiduċja li nixtieq inħares ’il quddiem lejn is-sena li għandna quddiemna.  Għalhekk ma nieqaf qatt nittama li sa fl-aħħar jintemm darba għal dejjem il-kunflitt fis-Sirja.  L-interess f’dak il-poplu għażiż u x-xewqa li tiġi evitata iktar vjolenza wassluni, f’Settembru li għadda, biex insejjaħ ġurnata ta’ sawm u ta’ talb.  Permezz tagħkom irrodd ħajr minn qalbi lil dawk kollha fil-pajjiżi tagħkom, awtoritajiet pubbliċi u nies ta’ rieda tajba, li ssieħbu f’din l-inizjattiva.  Issa hemm bżonn li nġeddu r-rieda politika komuni biex intemmu dan il-kunflitt.  Fid-dawl ta’ dan, nawgura li l-Konferenza “Ginevra 2”, li ħa tinżamm fit-22 ta’ Jannar li ġej, timmarka l-bidu ta’ mixja tant mixtieqa lejn il-paċi.  Fl-istess ħin, hu essenzjali r-rispett sħiħ lejn il-liġi umanitarja.  Ma nistgħux naċċettaw li tintlaqat il-popolazzjoni ċivili li lanqas għandha biex tiddefendi ruħha, fuq kollox it-tfal.  Barra minn hekk, inħeġġeġ lil kulħadd biex jagħmel tajjeb u jiggarantixxi, b’kull mod possibbli, l-assistenza meħtieġa u urġenti tal-parti l-kbira tal-popolazzjoni, mingħajr ma ninsew l-isforz ta’ min ifaħħru ta’ dawk il-pajjiżi, fuq kollox il-Libanu u l-Ġordan, li b’ġenerożità laqgħu fit-territorju tagħhom l-għadd ta’ rifuġjati Sirjani.

Nibqa’ fil-Lvant Nofsani, fejn ninnota bi preokkupazzjoni t-tensjonijiet li b’diversi modi qed jolqtu dak ir-reġjun.  Inħares bi preokkupazzjoni partikulari lejn it-titwil tad-diffikultajiet politiċi fil-Libanu, fejn hi indispensabbli iżjed minn qatt qabel klima ta’ kollaborazzjoni mġedda bejn id-diversi oqsma tas-soċjetà ċivili u l-qawwiet politiċi biex jiġi evitat li jiżdiedu kuntrasti li jistgħu jheddu l-istabbiltà tal-pajjiż.  Naħseb ukoll fl-Eġittu, li għandu bżonn isib mill-ġdid livell ta’ armonija soċjali, u l-istess l-Iraq, li qed isibha bi tqilha jilħaq il-paċi u l-istabbiltà tant mixtieqa.  Fl-istess waqt, ninnota b’sodisfazzjon il-progressi sinifikanti li twettqu fid-djalogu bejn l-Iran u l-“Grupp 5+1” dwar il-kwistjoni nukleari.

Kullimkien, it-triq biex insolvu l-problemi li nqalgħu għandha tkun dik diplomatika tad-djalogu.  Din hi t-triq għalliema, u li diġà wriena b’mod tassew ċar il-Papa Benedittu XV li f’dak iż-żmien kien stieden lill-mexxejja tal-Ġnus Ewropej biex iħallu “il-qawwa morali tal-liġi” tirbaħ fuq dik “materjali ta’ l-armi” biex iġibu fi tmiemha dik “l-istraġi inutli” (ara Benedittu XV, Ittra lill-Mexxejja tal-Poplu fi gwerra, 1 ta’ Awwissu 1917: AAS 9 [1917], 421-423), li kienet l-Ewwel Gwerra Dinjija, li din is-sena jaħbat l-ewwel ċentinarju tagħha.  Neħtieġu “il-kuraġġ li mmorru lil hemm mill-qoxra tal-kunflitti” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 228), biex inqisu lill-oħrajn skond id-dinjità iżjed profonda tagħhom, sakemm l-għaqda tirbaħ fuq il-kunflitt u biex ikun “possibbli li niżviluppaw komunjoni fid-differenzi” (ibid.).  F’dan is-sens hi ħaġa pożittiva li jerġgħu jinfetħu n-negozjati ta’ paċi bejn Lhud u Palestinjani u nittama minn qalbi li ż-żewġ partijiet jikkonvinċu ruħhom biex, bl-għajnuna tal-Komunità internazzjonali, jieħdu deċiżjonijiet kuraġġjużi biex tinstab soluzzjoni ġusta u fit-tul għall-kunflitt li t-tmiem tiegħu qed jinħass dejjem iżjed bżonnjuż u urġenti.  Lanqas jieqaf qatt iħassibna l-eżodu ta’ l-Insara mil-Lvant Nofsani u mill-Afrika ta’ Fuq.  Huma jixtiequ jkomplu jagħmlu parti mill-qafas soċjali, politiku u kulturali tal-pajjiżi li għenu biex bnew, u jridu jagħtu sehemhom b’riżq il-ġid komuni tas-soċjetajiet li fihom jixtiequ jkunu inseriti b’mod sħiħ, bħala bennejja tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni.

Anki f’partijiet oħra ta’ l-Afrika, l-Insara huma msejħa jagħtu xhieda ta’ l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla.  Qatt m’għandna naqtgħu qalbna nagħmlu l-ġid, anki meta tkun iebsa u meta nġarrbu atti ta’ intolleranza, jekk mhux ukoll ta’ persekuzzjoni vera u propja.  F’meded kbar ta’ art fin-Niġerja ma waqfitx il-vjolenza u għadu qed jixtered ħafna demm innoċenti.  Ħsiebi jmur fuq kollox lejn ir-Repubblika ta’ l-Afrika Ċentrali, fejn il-popolazzjoni qed issofri minħabba fit-tensjonijiet li għaddej minnhom il-pajjiż u li żergħu iżjed qerda u mewt.  Waqt li niżgurahom mit-talb tiegħi għall-vittmi u għall-għadd ta’ rifuġjati, imġiegħla jgħixu f’kundizzjonijiet miżeri, nawgura li l-interess tal-Komunità internazzjonali jikkontribwixxi għall-waqfien tal-vjolenza, biex tinbena mill-ġdid soċjetà ħielsa rregolata mil-liġi u jiġi garantit l-aċċess lill-għajnuniet umanitarji anki fiz-zoni l-iżjed remoti tal-pajjiż.  Min-naħa tagħha, il-Knisja Kattolika ħa tissokta tiżgura l-preżenza u l-kollaborazzjoni tagħha, b’ħidma ġeneruża biex tipprovdi kull għajnuna possibbli lill-popolazzjoni u, fuq kollox, biex toħloq mill-ġdid klima ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi qalb l-oqsma kollha tas-soċjetà.  Rikonċiljazzjoni u paċi huma prijoritajiet fundamentali anki f’partijiet oħra tal-kontinent Afrikan.  Qed nirriferi b’mod partikulari għall-Mali, fejn qed ninnotaw anki r-restawrazzjoni pożittiva ta’ l-istrutturi demokratiċi tal-pajjiż, kif ukoll għas-Sudan t’Isfel, fejn, għall-kuntrarju, l-instabbiltà politika ta’ l-aħħar perjodu diġà pprovokat għadd ta’ mwiet u emerġenza umanitarja ġdida.

Is-Santa Sede qed issegwi b’attenzjoni kbira anki dak li qed jiġri fl-Asja, fejn il-Knisja tixtieq taqsam fil-ferħ u t-tamiet tal-popli kollha li jiffurmaw dak il-kontinent vast u nobbli.  Fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi mar-Repubblika tal-Korea, nixtieq nitlob lil Alla d-don tar-rikonċiljazzjoni f’dik il-peniżula, bl-awgurju li, għall-ġdid tal-poplu Korean kollu, il-partijiet involuti ma jegħjew qatt ifittxu okkażjonijiet ta’ laqgħa ma’ xulxin u soluzzjonijiet possibbli.  Fil-fatt, l-Asja għandha storja twila ta’ konvivenza paċifika bejn l-għadd ta’ realtajiet ċivili, etniċi u reliġjużi li jiffurmawha.  Jeħtieġ ninkuraġġixxu dan ir-rispett reċiproku, fuq kollox quddiem xi sinjali preokkupanti li dan qed jisfa mdgħajjef, b’mod partikolari atteġġjamenti dejjem jiżdiedu ta’ għeluq li, bl-iskuża ta’ motivazzjonijiet reliġjużi, għadhom ħabta jċaħħdu lill-Insara mil-libertajiet tagħhom u hekk ipoġġu f’riskju kbir il-konvivenza ċivili.  Min-naħa l-oħra, is-Santa Sede tħares b’tama ħajja lejn is-sinjali ta’ ftuħ ġejjin minn pajjiżi ta’ tradizzjoni reliġjuża u kulturali kbira, li magħhom tixtieq tikkollabora għat-tiswir tal-ġid komuni.

 

Barra dan, il-paċi hi wkoll miġruħa kull meta hi misruqa d-dinjità umana, l-ewwel u qabel kollox fejn hemm min hu mċaħħad milli jmantni lilu nnifsu b’mod suffiċjenti.  Ma jistgħux iħalluna indifferenti l-uċuħ ta’ kemm nies qed ibatu l-ġuħ, fuq kollox it-tfal, jekk naħsbu f’kemm ikel ta’ kuljum jinħela f’tant inħawi tad-dinja, mgħaddsa f’dik li iżjed minn darba sejjaħt il-“kultura ta’ l-iskart”.  B’xorti ħażina, m’humiex biss l-ikel u l-ġid materjali li huma oġġetti ta’ l-iskart, imma spiss l-istess bnedmin, li jiġu “mitfugħa fiż-żibel” bħallikieku kienu “ħwejjeġ li m’għandniex bżonn”.  Ngħidu aħna, hu orribbli l-iċken ħsieb li għandna trabi li ma jistgħu qatt jaraw id-dawl, vittmi ta’ l-abort, jew tfal li jiġu użati bħala suldati, ivvjolentati jew maqtula fil-kunflitti bl-armi, jew mibdula f’oġġetti ta’ negozju f’dik l-għamla l-iżjed kiefra ta’ skjavitù moderna li hi t-traffikar ta’ l-essri umani, delitt kontra l-umanità.

Ma nistgħux nibqgħu ma nħossu xejn quddiem id-drama ta’ tant persuni li jkollhom jaħarbu mill-ġuħ jew mill-vjolenzi u mit-tirannija, partikularment fis-Sieq ta’ l-Afrika u fir-Reġjun ta’ l-Għadajjar Kbar.  Ħafna minnhom jgħixu bħala maħruba jew rifuġjati f’kampijiet fejn lanqas huma meqjusa bħala persuni imma bħala ċifri anonimi.  Oħrajn, bit-tama ta’ ħajja aħjar, jitilqu fuq vjaġġi biex ifittxu xorti aħjar, li mhux darba jew tnejn jispiċċaw traġikament.  Jiġuni f’moħħi b’mod partikulari l-għadd ta’ emigranti li jippruvaw jaqsmu mill-Amerika ta’ Isfel għall-Istati Uniti, imma fuq kollox dawk kollha li mill-Afrika jew mil-Lvant Nofsani jfittxu kenn fl-Ewropa.

Għadha ħajja f’moħħi ż-żjara qasira li għamilt f’Lampedusa f’Lulju li għadda biex nitlob għall-għadd ta’ dawk li jisfaw nawfragi fil-Mediterran.  Jiddispjaċini ngħid li hemm indifferenza ġenerali quddiem traġedji bħal dawn, u dan hu sinjal drammatiku li tlifna dak is-“sens ta’ responsabbiltà fraterna” (Omelija fil-Quddiesa f’Lampedusa, 8 ta’ Lulju 2013), li fuqu tinbena kull soċjetà ċivili.  Imma f’dik iċ-ċirkustanza stajt ukoll nara b’għajnejja stess is-sens ta’ akkoljenza u dedikazzjoni ta’ tant persuni.  Nawgura lill-poplu Taljan, li lejh inħares bi mħabba, anki minħabba fl-għeruq komuni li jorbtuna ma’ xulxin, li jġedded l-impenn ammirabbli tiegħu ta’ solidarjetà lejn l-iżjed dgħajfa u dawk li m’għandhomx min jiddefendihom u, bl-isforz sinċier u unanimu ta’ ċittadini u istituzzjonijiet, jissupera d-diffikultajiet ta’ bħalissa, u jerġa’ jsib il-klima ta’ kreattività soċjali kostruttiva li sa minn dejjem kienet karatteristika tiegħu.

Fl-aħħar nett, nixtieq insemmi ġerħa oħra għall-paċi, li ġejja mill-isfruttament egoista tar-riżorsi ambjentali.  Anki jekk “in-natura qiegħda għad-dispożizzjoni tagħna” (Messaġġ għas-XLVII Jum Dinji tal-Paċi, 8 ta’ Diċembru 2013, 9), spiss “ma nirrispettawhiex u ma nqisuhiex bħala don b’xejn li għandna nieħdu ħsiebu u nqiegħduh għas-servizz ta’ ħutna, inklużi l-ġenerazzjonijiet futuri” (ibid.).  Anki f’dan il-każ hemm bżonn tar-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna biex, bi spirtu ta’ aħwa, infittxu politika ta’ rispett lejn din l-art tagħna, li hi dar għal kull wieħed minna.  Qed niftakar f’qawl popolari li jgħid: “Alla jaħfer dejjem, aħna naħfru kultant, in-natura – il-ħolqien – ma taħfirha qatt meta tiġi ttrattata ħażin!”.  Min-naħa l-oħra, rajna b’għajnejna l-effetti qerrieda ta’ l-aħħar katastrofi naturali.  B’mod partikulari, nixtieq infakkar mill-ġdid l-għadd ta’ vittmi u t-tħarbit kbir fil-Filippini u f’pajjiżi oħra fix-xlokk Asjatiku pprovokati mit-tifun Haiyan.

 

Eminenza, Eċċellenzi, Sinjuri,

Il-Papa Pawlu VI qalilna li l-paċi “ma tirriduċix ruħha għan-nuqqas ta’ gwerra, frott ta’ bilanċ dejjem prekarju bejn il-qawwiet tad-dinja.  Hi tinbena jum wara l-ieħor, bit-twaqqif ta’ ordni mixtieq minn Alla, li jfisser ġustizzja iżjed perfetta bejn il-bnedmin” (Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio, 26 ta’ Marzu 1967, 76: AAS 59 [1967], 294-295).  Dan hu l-ispirtu li jqanqal l-azzjoni tal-Knisja kullimkien fid-dinja, permezz tas-saċerdoti, il-missjunarji, il-fidili lajċi, li bi spiritu kbir ta’ għotja jħabirku, fost l-oħrajn, f’għadd ta’ ħidmiet ta’ karattru edukattiv, sanitarju u ta’ assistenza, f’servizz lill-foqra, il-morda, l-iltiema u kull min għandu bżonn ta’ l-għajnuna u l-faraġ.  Il-Knisja titlaq minn din “l-attenzjoni ta’ mħabba” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 199) biex tikkopera ma’ l-istituzzjonijiet kollha li għandhom tant għal qalbhom il-ġid tal-persuni kif ukoll dak komuni.

Fil-bidu ta’ din is-sena ġdida, nixtieq għalhekk inġedded id-disponibbiltà tas-Santa Sede, u b’mod partikulari tas-Segreterija ta’ l-Istat, li tikkollabora mal-pajjiżi tagħkom favur dawk ir-rabtiet ta’ fraternità, li huma mera ta’ l-imħabba ta’ Alla, u pedament ta’ l-għaqda u tal-paċi.  Fuqkom, fuq il-familji tagħkom u fuq il-popli tagħkom ħa tinżel kotrana l-barka tal-Mulej.  Grazzi.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard