Eċċellenzi, Sinjuri,

Nagħtikom merħba minn qalbi f’dan l-appuntament ta’ kull sena, li jtini l-opportunità li nagħtikom l-awguri għas-sena l-ġdida, u jtini ċ-ċans  nagħmel riflessjoni flimkien magħkom fuq is-sitwazzjoni ta’ din id-dinja tagħna, imbierka u maħbuba minn Alla, madankollu imħarbta u miġrugħa minn tant ħażen.  Irrodd ħajr lid-Dekan il-ġdid tal-Korp Diplomatiku, l-Eċċellenza Tiegħu is-Sur Armido Fernandes do Espírito Santo Vieira, Ambaxxatur ta’ Angola, għall-kliem ħelu li indirizzali f’isem il-Korp Diplomatiku kollu akkreditat mas-Santa Sede, filwaqt li rrid infakkar b’mod speċjali – kważi xahar wara mewthom – lill-mibkija Ambaxxaturi ta’ Kuba, Rodney Alejandro López Clemente, u tal-Liberja, Rudolf P. von Ballmoos.

Hija okkażjoni tajba għalija biex indawwar ħsiebi partikolarment lejn dawk li qed jieħdu sehem għall-ewwel darba f’din il-laqgħa, u ninnota b’sodisfazzjon li tul is-sena li għaddiet, l-għadd tal-Ambaxxaturi li joqgħodu Ruma, żdied.  Dan hu sinjal li jfisser l-attenzjoni li biha l-Komunità Internazzjonali ssegwi l-attivitajiet dipolamtiċi tas-Santa Sede.  Prova oħra ta’ dan huma l-Ftehim Internazzjonali li ġew iffirmati u ratifikati tul is-sena li għadha kemm intemmet.  Hawnhekk nixtieq insemmi partikolarment il-ftehim speċifiku ta’ natura fiskali iffirmat mal-Italja u mal-Istati Uniti tal-Amerika, li jixhdu ż-żjieda fl-impenn tas-Santa Sede ħalli jkun hemm trasparenza akbar fil-kwistjonijiet ekonomiċi.  Mhux anqas importanti huma l-ftehim ta’ natura ġenerali, immirati biex jirregolaw aspetti essenzjali tal-ħajja u tal-attivitajiet tal-Knisja f’diversi pajjiżi, bħalma hu l-ftehim li sar f’ Díli mar-Repubblika Demokratika ta’ Timor-Leste.

Bl’istess mod nixtieq infakkar il-bdil tal-Istrumenti ta’ Ratifika tal-Ftehim maċ-Chad dwar l-istat ġuridiku tal-Knisja Kattolika fil-pajjiż, kif ukoll il-Ftehim iffirmat u ratifikat mal-Palestina.  Huma żewġ ftehim li, flimkiem mal-Memorandum ta’ Fehim bejn is-Segreterija tal-Istat u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kuwajt, juru, fost kollox, kif il-konvivenza paċifika bejn bnedmin ta’ reliġjonijiet differenti hija possibbli fejn il-libertà reliġjuża tingħata għarfien u fejn il-possibiltà effettiva tal-kollaborazzjoni biex jinbena l-ġid komuni, b’rispett reċiproku tal-identità kulturali ta’ kull wieħed u waħda, tkun garantita.

Min-naħa l-oħra, kull esperjenza reliġjuża li tingħex bl-awtentiċità ma tistax ħlief isseddaq il-paċi.  Dak ifakkarulna l-Milied li għadna kif iċċelebrajna u li fih ikkuntemplajna t-twelid ta’ tarbija ġwejda, «imsejħa: Kunsillier tal-għaġeb, Missier għal dejjem, Prinċep tal-paċi» (cfr Iżaija 9,5).  Il-misteru tal-Inkarnazjzoni jurina l-veru wiċċ ta’ Kristu, li għalih is-setgħa ma tfissirx saħħa u qerda, imma mħabba; il-ġustizzja ma tifssirx tpattija, imma ħniena.  U huwa f’din il-perspettiva li jien nidejt il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, li eċċezzjonalment ġie inawgurat f’Bangui waqt il-vjaġġ appostoliku tiegħi fil-Kenja, fl-Uganda u fir-Repubbllika Ċentrali tal-Afrika.  F’pajjiż li ilu ħafna jbati l-ġuħ, il-faqar u l-kunflitti, fejn il-vjolenza bejn l-aħwa li seħħet dawn l-aħħar snin ħalliet ġrieħi fondi fil-qlub, biċċret il-komunità nazzjonali u welldet il-miżerja materjali u morali, bil-ftuħ tal-Bieb fil-Katidral Imqaddes ta’ Bangui, ridt inkun sinjal ta’ inkoraġġiment ħalli nerfgħu qlubna ‘l fuq biex terġa’ tinbeda t-triq tar-raġuni u tad-djalogu.  Hemm, fejn isem Alla ġie abbużat biex isiru l-inġustizzji, ridt intenni, flimkien mal-komunità Musulmana tar-Repubblika ċentrali tal-Afrika, li «min jgħid li jemmen f’Alla għandu jkun raġel jew mara ta’ paċi» (1), u għalhekk bniedem ta’ ħniena, għaliex qatt ma jista’ jsir qtil f’isem Alla.  Hi biss l-ideoloġija falza tar-reliġjon, li tista’ taħseb li tagħmel ġustizzja f’isem l-Omnipotenti, u intenzjonalment timmassakra persuni mingħajr difiża, kif ġara fl-attentati terroristiċi mdemmija fix-xhur li għaddew fl-Afrika, fl-Ewropa u fil-Lvant Nofsani.

Il-ħniena kienet il-“ħajta tad-deheb” li mexxiet il-vjaġġi appostoliċi tiegħi matul  is-sena li għaddiet. Qed nirreferi b’mod partikolari għall-vjaġġ f’Sarajevo, belt li hi miġrugħa profondament minħabba l-gwerra fil-Balkani, u kapitali ta’ pajjiż, il-Bosnja u l-Erżegovina, li hu ta’ tifsir speċjali għall-Ewropa u għad-dinja kollha.  Bħala salib it-toroq tal-kulturi, nazzjonijiet u reliġjonijiet, qed tagħmel sforz, b’riżultati pożittivi, biex tibni dejjem aktar pontijiet ġodda, tivvaloriżża dak li jgħaqqad u tħares lejn id-differenzi bħala opportunitajiet ta’ tkabbir, bir-rispett lejn kulħadd.  Dan hu possibbli bis-saħħa ta’ djalogu paċenzjuż u fiduċjuż, li jaf jagħmel tiegħu il-valuri tal-kultura ta’ kull wieħed u waħda u jislet it-tajjeb li jitnissel mill-esperjenzi tal-oħrajn (2).

Ħsiebi jmur imbagħad fil-vjaġġ fil-Bolivja, fl-Ekwador u l-Paragwaj, fejn iltqajt ma’ popli li ma jċedux quddiem id-diffikultajet u bil-kuraġġ, determinazzjoni u spirtu ta’ fratermnità jaffrontaw il-bosta sfidi li jnikktuhom, ibda mill-faqar mifrux u n-nuqqas ta’ ugwaljanza soċjali.  Waqt il-vjaġġ f’Kuba u l-Istati Uniti tal-Amerika kelli l-okkażjoni li nħaddan żewġ pajjiżi li għal żmien twil kienu mifrudin u li qatgħuha li jiktbu paġna ġdida tal-istorja billi bdew it-triq biex joqorbu lejn xulxin u tar-rikonċiljazzjoni.

F’Filadelfja, fl-okkażjoni tal-Laqgħa Dinjija tal-Familji, kif ukoll fil-vjaġġ fi Sri Lanka u fil-Filippini u bis-Sinodu tal-Isqfijiet reċenti, jien fakkart fl-importanza tal-familja, li hi l-ewwel skola u l-aktar waħda importanti, tal-ħniena, li fi ħdanha nitgħallmu kif niskopru l-wiċċ mimli mħabba ta’ Alla u fejn l-umanità tagħna tikber u tiżviluppa.  B’dispjaċir nafu kemm hemm sfidi li trid taffronta l-familja f’daż-żmien li fih hi «mheddha minn attentati dejjem jikbru min-naħa ta’ xi wħud li jridu jagħtu definizzjoni ġdida tal-istess istituzzjoni taż-żwieġ bir-relattiviżmu, bil-kultura ta’ dak li hu superfiċjali u nuqqas ta’ ftuħ għall-ħajja» (3).  Illum, quddiem l-esiġenzi definittivi tal-familja tiddomina l-biża’ u għaliha jħallsu l-aktar iż-żgħar, li spiss huma dgħajfa u diżorjentati, u l-anzjani li jispiċċaw minsijin u abbandunati.  Bil-maqlub ta’ dan, «bil-fraternità mgħejxa fil-familja tinbet (.....) is-solidarjetà fis-soċjetà» (4) li tagħmilna responsabbli wieħed tal-ieħor.  Dan ikun possibbli jekk fi djarna, kif ukoll fis-soċjetà tagħna, ma nħallux l-għejja u l-għadab irabbu l-għeruq, u minflok, nagħtu wisa’ għad-djalogu, li hu l-aħjar mediċina kontra l-individwaliżmu li tant niżel fil-fond fil-kultura ta’ żmienna.

Għeżież Ambaxxaturi,

L-ispirtu individwalista hu art fertili biex jikber dak is-sens ta’ indifferenza lejn il-proxxmu, li jwassalna biex nittrattawh bħala sempliċi oġġett li jinxtara u jinbigħ, li jimbuttana biex ma ninteressawx ruħna fl-umanità u jispiċċa biex lill-persuna jagħmilha beżżiegħa u ċinika.  Forsi mhux dawn huma s-sentimenti li spiss ikolla fil-konfront tal-foqra, tal-emarġinati, ta’ minn hu tal-aħħar fis-soċjetà?  U kemm għandna min hu tal-aħħar fis-soċjetà!  Fost dawn qed naħseb fuq kollox fil-migranti, bit-tgħabija tagħhom ta’ diffikultajiet u tbatija, li jħabbtu wiċċhom magħhom kull jum huma u jfitxxu, kultant b’disperazzjoni, post fejn jgħixu fil-paċi u bid-dinijità.

Għaldaqstant, illum nixtieq nirrifletti magħkom dwar is-sitwazzjoni migratorja gravi li għandna quddiemna, biex niddixxernu l-kawżi, nipproponu s-soluzzjonijiet, u ngħelbu l-biża’ inevitabbli li takkumpoanja dan il-fenomenu tant enormi u imponenti li tul l-2015 laqat aktar minn kollox lill-Ewropa, imma wkoll diversi reġjuni tal-Asja u l-Amerika tat-tramuntana u tan-nofs.

«Tibżax u titħawwadx għax il-Mulej Alla tiegħek dejjem miegħek kull fejn tmur» (Gożwè 1,9).  Din hi l-wegħda li Alla jagħmel lil Ġożwè u li turi kemm il-Mulej jakkumpanja kull persuna, fuq kollox lil dik li tinsab f’sitwazzjoni ta’ dgħufija bħal min ikun qed ifittex kenn f’pajjiż barrani.  Fil-fatt, il-Bibbja kollha tirrakkuntalna storja tal-umanità f’mixja, għax il-moviment hu l-aktar ħaġa naturali fil-bniedem.  L-istorja hi magħmula minn tant migrazzjonijiet, li kultant jimmaturaw mill-għarfien tad-dritt għall-għażla ħielsa, u ta’ spiss iddettati minn ċirkostanzi esterjuri.   Mill-eżilju tal-Ġnien tal-Eden sa Abraham fil-mixja lejn l-art imwiegħda; mir-rakkont tal-Eżodu sat-tkeċċija lejn il-Babilonja, l-iskrittura Mqaddsa tirrakkonta tbatija, xewqat u tamiet li jixbħu dawk tal-mijiet ta’ eluf ta’ persuni turufnati fi żmienna, bl-istess determinazzjoni ta’ Mosè li jaslu f’art li fiha jnixxu “ħalib u għasel” (cfr Eżodu 3,17), fejn ikunu jistgħu jgħixu ħielsa u fil-paċi.

B’hekk illum nisimgħu il-karba ta’ Rakele li tibki ‘l uliedha għax m’għadhomx aktar (cfr Ġer 31.15; Mattew 2,8). Hu leħen l-eluf ta’ persuni mbikkija, maħrubin minn gwerrer orribbli, minn persekuzzjonijiet u vjolazzjonijiet tad-drittijiet umani jew instabbiltà politika u soċjali, li spiss jagħmlu l-ħajja fil-patrija, impossibbli.  Hi l-għajta ta’ min hu mġiegħel jaħrab biex jevita atroċitajiet li ma nistgħux niddeskrivuhom li jitwettqu fuq persuni mingħajr difiża, bħalma huma t-tfal u d-diżabbli, jew li jaslu għall-martirju minħabba r-reliġjon li jistqarru.

Allura bħal dak iż-żmien, nisimgħu leħen Ġakobb li jgħid lil uliedu «Morru hemm u ixtru (l-qamħ) għalina ħalli nibqgħu ngħixu u mmutux» (Ġenesi 42,2).  Hu leħen dawk li qed jaħarbu mill-miżerja estrema, għax hu impossibbli għalihom jitimgħu lill-familja jew li jkollhom il-kura medika u t-tagħlim, (li qed jaħarbu) mid-degradazzjoni bla prospettiva li jistgħu jagħmlu xi ftit tal-progress, jew ukoll minħabba t-tibdil fil-klima jew kundizzjonijiet ta’ klima estremi.  Sfortunatament hu magħruf li l-ġuħ hu waħda mill-feriti l-aktar gravi tad-dinja tagħna, b’miljuni ta’ tfal li jmutu ta’ kull sena minħabba fih.  Hi għafsa ta’ qalb ninnutaw li spiss dawn il-migranti ma jiddaħħlux fil-ftehim internazzjonali tas-sistemi internazzjonali tal-protezzjoni.

Kif nistgħu ma narawx f’dan kollu l-frott tal-“kultura tal-iskart” li tqiegħed lill-persuna umana fil-periklu, tissagrifika rġiel u nisa lill-idoli tal-profitt u tal-konsum?  Hu gravi li aħna nidraw dawn is-sitwazzjonijiet ta’ faqar u ħtieġa, id-drammi ta’ tant persuni, u nispiċċaw biex nibdew inħarsu lejhom bħala xi ħaġa “normali”.  Il-persuna m’għadniex inħossuha bħala valur primarju li għandna nirrispettawh u nieħdu ħsiebu, speċjalment jekk tkun fqira jew diżabbli, jekk “għad m’għandhiex użu” – bħalma huma t-trabi fil-ġuf -, jew “ma tiswielna għal xejn aktar” – bħalma huma l-anzjani.  Sirna insensibbli għal kull għamla ta’ ħala, ibda minn dak tal-ikel, li hu fost l-aktar kundannabbli, meta hemm tant persuni u familji li jsofru l-ġuħ u mitmugħin ħażin (5)

Is-Santa Sede tawgura li L-Ewwel Summit Umanitarju Dinji, li se jitlaqqa’ mill-Ġnus Magħquda f’Mejju li ġej, fl-isfond tal-ħasra li għandna quddiemna llum bil-kunflitti u d-diżastri, jirnexxilu jilħaq l-għan li jqiegħed lill-persuna umana u d-dinjità tagħha fil-qalba ta’ kull tweġiba umanitarja.  Hemm bżonn ta’ impenn komuni li jibdel b’mod deċisiv il-kultura tal-iskart u tal-offiża lill-ħajja umana, ħalli ħadd ma jħossu traskurat jew minsi u biex ma jibqgħux ikunu sagrifikati aktar ħajjiet minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi, u, fuq kollox, minħabba rieda politika.

Sfortunatament, illum bħal f’dak iż-żmien, nisimgħu leħen Ġuda li jissuġġerilna nbigħu lil ħuna (cfr 37, 26-27).  Hi l-arroganza tas-setgħana li jistrumentaliżżaw lid-dgħajfin billi jirriduċuhom bħala oġġetti għal skopijiet egoistiċi jew kalkoli strateġiċi u politiċi.  Fejn il-migrazzjoni regolari mhix possibbli, il-migranti spiss ikollhom jagħżlu (li jaqgħu f’idejn) min jinnegozja jew jagħmel kuntrabandu bil-persuni umani, minkejja li jkunu jafu bil-periklu li tul il-vjaġġ se jitilfu dak li għandhom, id-dinjità u saħansitra ħajjithom.  F’din il-perspettiva inġedded l-appell biex jitwaqqaf it-traffikar tal-persuni li jirrendi l-essri umani bħala merċa, speċjalment jekk ikunu dgħajfin jew mingħajr difiża.  U se jibqgħu imwaħħlin ma’ moħħna bla qatt jitħassru u timbrati fi qlubna, l-immaġni tat-tfal li jmutu fil-baħar, vittmi ta’ bnedmin spreġudikati jew tal-qawwa tan-natura.  Min imbagħad jeħlisha mill-mewt u jasal f’pajjiż li jilqgħu, jibqa’ jġorr fih is-sinjali fondi tal-feriti ta’ din l-esperjenza, minbarra dawk marbutin mal-orruri li dejjem iġibu magħhom il-gwerrer u l-vjolenza.

L-istess bħal f’dak iż-żmien, illum nisimgħu l-Anġlu jtenni: «Qum, hu miegħek lit-tifel u lil ommu, aħrab lejn l-Eġittu u ibqa’ hemmhekk sakemm ngħidlek jien» (Mattew 2,13).  Hu l-leħen li jisimgħu ħafna migranti li qatt ma jkunu jixtiequ jħallu ‘l pajjiżhom li kieku mhux għax bilfors.  Fost dawn hemm bosta Nsara li f’għadd kbir dejjem jiżdied, tul dawn l-aħħar snin abbandunaw artijiethom, minkejja li ilhom jgħixu fihom sa mill-bidu tal-Kristjaneżmu.

Fl-aħħar, anki llum nisimgħu leħen is-Salmista li jtenni: «F’xatt ix-xmajjar ta’Babilonja, hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna aħna u niftakru f’Sion» (Salm 136/137, 1).  Hi l-bikja ta’ min ma jiddejjaq xejn jerġa’ lura lejn pajjiżu, jekk isib il-kundizzjonijiet tal-ħarsien u tal-għejxien tajbin.  Hawn ukoll ħsiebi jmur lejn l-Insara tal-Lvant Nofsani li jixtiequ jagħtu s-sehem tagħhom, bħala ċittadini bid-dritt, lejn il-ġid spiritwali u materjali tan-nazzjonijiet tagħhom.

Il-biċċa l-kbira tal-kawżi li wasslu għal din il-migrazzjoni setgħu ġew affrontati żmien ilu.  B’hekk kienu jkunu evitati tant diżastri jew, talanqas il-konsegwenzi l-aktar krudili kienu jitnaqqsu.  Illum ukoll, qabel ma jkun tard wisq, jista’ jsir ħafna biex jitwaqqfu t-traġedji u biex tinbena l-paċi.  Dan ikun ifisser li nerġgħu nirrivedu d-drawwiet tagħna u l-mod kif ngħixu li rabbew l-għeruq, ibda mill-problema tal-kummerċ tal-armi, il-problema tal-proviżjon tal-materja prima u tal-enerġija, sal-investimenti, il-politika finanzjarja u ta’ sostenn għall-iżvilupp, sal-pjaga gravi tal-korruzzjoni.  Aħna nafu wkoll li fejn tidħol il-migrazzjoni, jeħtieġ li jsiru proġetti stabbli għaż-żmien medju u anki għat-tul, li jmorru ‘l hinn minn sempliċi tweġiba għall-emerġenza.  Min-naħa, dawn għandhom jgħinu effettivament l-integrazzjoni tal-migranti fil-pajjiżi li jilqgħuhom, u fl-istess waqt, jiffavorixxu l-iżvilupp fil-pajjiżi mnejn jiġu l-migranti, permezz ta’ politika solidali, li però m’għandhomx jorbtu magħha strateġiji u prattiċi ideoloġiċi aljeni jew kuntrarji għall-kulturi tal-popli li jkollhom l-għan li jgħinu.

Mingħajr ma ninsew sitwazzjonijiet drammatiċi oħra, fosthom qed naħseb partikolarment fil-fruntiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti tal-Amerika, li jien se ngħaddi qrib tagħha meta se mmur Ciudad Juárez ix-xahar li ġej.  U rrid nagħmel ukoll ħsieb dwar l-Ewropa.  Infatti, matul is-sena li għaddiet intlaqtet minn influss imponenti ta’ turufnati – li ħafna minnhom sabu l-mewt huma u jippruvaw jaslu fiha -, li qatt ma rajna bħalu fl-istorja riċenti, lanqas fi tmiem it-tieni gwerra dinjija.  Ħafna migranti mill-Asja u mil-Afrika, jaraw l-Ewropa bħala punt ta’ riferiment fejn jidħlu d-dinijità u l-ugwaljanza ta’ kull persuna, l-imħabba lejn il-proxxmu mingħajr distinzjoni ta’ oriġini jew appartenenza, (fejn tidħol) il-libertà tal-kuxjenza u s-solidarjetà lejn persuni oħra bħalhom.

Madnakollu, l-isbarki enormi fuq ix-xtut tal-Kontinent il-Qadim, donnhom qed idgħajfu s-sistemi tal-akkoljenza, li bi tbatija nbenew fuq il-fdalijiet tat-tieni gwerra dinjija u li sal-lum għandhom iservi ta’ fanal għall-umanità li tarahom bħala mudell.  Quddiem l-enormità tal-wasliet u l-problemi marbutin magħhom, qamu mhux ftit mistoqsijiet fuq il-possibiltajiet reali tal-akkoljenza u l-adattament tal-persuni, fuq it-tibdil tal-kwadru kulturali u soċjali tal-pajjiżi li jilqgħuhom, kif ukoll dwar l-impatt li qed jinfluwenza l-ekwilibriji ġeo-politiċi reġjonali.  Daqstant rilevanti hija l-biża’ minħabba s-sigurtà, eżasperata bla qies minħabba t-theddida tat-terroriżmu internazzjonali.  Il-mewġa migratorja attwali donnha qed  iddgħajjef ħafna dak “l-ispirtu umanistiku” li l-Ewropa minn dejjem tħobb u tiddefendi (6).  Madankollu, ma nistgħux nippermettu li jintilfu l-valuri u l-prinċipji tal-umanità, tar-rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna, tas-sussidjarjetà u tas-solidarjetà reċiproka, minkejja li f’ċerti mumenti tal-istorja jistgħu jkunu tgħabija li diffiċli ġġorrha.  Għalhekk nixtieq intenni l-konvinzjoni tiegħi li l-Ewropa, bl-għajnuna tal-patrimonju kuturali u reliġjuż kbir tagħha, għandha l-istrumenti meħtieġa biex tiddefendi ċ-ċentralità tal-persuna umana u biex issib l-ekwilibriju t-tajjeb bejn id-dmir doppju tal-moralità li tħares id-dirittijiet taċ-ċittadini tagħha u dak li tiggarantixxi l-assistenza u l-akkoljenza tal-migranti (7).

Fl-istess ħin inħoss il-bżonn li nesprimi gratitudni għall-inizjattivi li ttieħdu biex jiffavorixxu laqgħa dinjituża lill-persuni, fosthom il-Fond Migranti u Rifuġjati tal-Bank tal-Iżvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll l-impenn ta’ dawk il-pajjiżi li kellhom atteġġjament ġeneruż u ta’ qsim.  Qed nirreferi qabel kollox għan-nazzjonijiet qrib is-Sirja li taw tweġiba minnufih ta’ assistenza u akkoljenza, fuq kollha, il-Libanu, fejn ir-rifuġjati jiffurmaw kwart mill-popolazzjoni sħiħa, u l-Ġordan, li m’għalaqx il-fruntieri minkejja li diġà qed jilqa’ fih mijiet ta’ eluf ta’ rifuġjati.

Bl-istess mod, m’għandniex ninsew l-isforzi ta’ pajjiżi oħra li huma fuq quddiem, fosthom b’mod speċjali t-Turkija u l-Greċja.  Nixtieq nuri apprezzament partikolari għall-Italja, li bl-impenn deċiż tagħha salvat bosta ħajjiet fil-Mediterran u li għadha qed titgħabba fuq it-territorju tagħha b’għadd bla qies ta’ rifuġjati. Nawgura li s-sens tradizzjonali ta’ ospitalità u solidarjetà karattertistiku tal-poplu Taljan ma jiddgħajjifx minħabba d-diffikultajiet inevitabbli tal-mument, imma, fid-dawl tat-tradizzjoni plurimillenarja tiegħu, jkollu ħila jilqa’ u jintegra l-kontribut soċjali, ekonomiku u kulturali li jistgħu joffru l-migranti.

Hu importanti li n-nazzjonijiet li jinsabu fuq quddiem biex jaffronatw l-emerġenza ta’ bħalissa ma jitħallewx waħedhom, u hu daqstant indispensabbli li jinbeda djalogu sinċier u rispettuż bejn il-pajjiżi kollha mdaħħlin f’dil-problema – minn fejn jiġu, minn fejn jgħaddu u fejn jintlaqgħu – biex, b’kuraġġ kreattiv akbar ifittxu soluzzjonijiet ġodda u sostenibbli.  Fil-fatt, fis-sitwazzjoni preżenti ma jistgħux jittieħdu deċiżjonijiet mill-Istati individwalment għaliex il-konsegwenzi tal-għażliet inevitabbilment ikollhom effett fuq il-komunità internazzjonalikollha.  Infatti hu magħruf li l-migrazzjonijiet se jkunu element li jsawwar il-futur tad-dinja aktar milli qatt ġara s’issa u għalhekk, it-tweġibiet (għal dan il-fenomenu) ma jistgħux ma jkunux frott ta’ ħidma komuni li tirrispetta d-dinjità umana u d-drittijiet tal-persuni.  L-Aġenda ta’ Żvilupp li ġiet addottata f’Settembru li għadda mill-Ġnus Magħquda għall-15-il sena ġejjin, li taffronta ħafna mill-problemi li qed iwasslu għall-migrazzjoni, kif ukoll dokumenti oħra tal-komunità internazzjonali biex tkun immaniġjata l-kwistjoni migratorja, jistgħu jqiegħdu fis-seħħ b’mod koerenti dak li hu mistenni, jekk jagħrfu jqiegħdu mill-ġdid lill-persuna fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet politiċi fuq il-livelli kollha, billi jħarsu lejn l-umanità bħala familja waħda u lejn il-bnedmin bħala aħwa, bir-rispett lejn id-differenzi u l-konvinzjonijiet tal-kuxjenza reċiproċi.

Infatti, biex tkun affrontata l-kwistjoni tal-migrazzjoni, ma jistgħux jitħallew barra l-aspetti kulturali marbutin magħha ibda minn dik marbuta mar-reliġjon mistqarra.  L-estremiżmu u l-fundamentaliżmu jsibu art għammiela mhux biss bl-istrumentaliżżazzjoni tar-reliġjon għal għanijiet ta’ poter, imma wkoll fil-baħħ tal-ideali u fit-telfien tal-identità – anki dik reliġjuża -, li, drammatikament saret karatteristika f’dak li nsejħulu l-Punent.  Minn dal-vojt tinbet il-biża’ li timbuttana biex naraw lill-ieħor bħala periklu u bħala għadu, biex ningħalqu fina nfusna u ninħbew wara pożizzjonijiet ta’ preġudizzju.  Għalhekk, il-fenomenu migratorju jqiegħed quddiemna mistoqsija kulturali kbira li ma nistgħux ma nagħtux tweġiba għaliha.  L-akkoljenza għalhekk tista’ tkun okkażjoni propizja biex nifhmu mill-ġdid u nwessgħu x-xefaq kemm għal min nilqgħu, li għandu d-dmir li jirrispetta l-valuri, it-tradizzjonijiet u l-liġijiet tal-komunità li tagħtih kenn, kif ukoll għal din tal-aħħar, imsejħa biex tivaloriżża dak li l-migrant jista’ joffri li jkun ta’ vantaġġ għall-komunità kollha.  F’dan il-qafas, is-Santa Sede ġġedded l-impenn tagħha fil-kamp ekumeniku u inter-reliġjuż biex twaqqaf djalogu sinċier u leali li, filwaqt li jivvaloriżża l-partikolaritajiet u l-identità ta’ kull persuna, jiffavorixxi konvivenza armonjuża bejn il-partijiet soċjali kollha.

Distinti Membri tal-Korp Diplomatiku,

L-2015 kienet sena illi fiha twasslu għall-konklużjoni ftehim internazzjonali importanti, li jsaħħu t-tama għall-futur.  Qed naħseb qabel xejn fil-Ftehim dwar l-armi nuklejari mal-Iran, li nawgura li jkun ta’ fejda biex il-klima fir-reġjun tikkalma, kif ukoll fil-ftehim tant mistenni dwar il-klima fil-Konferenza ta’ Pariġi.  Ftehim ta’ tifsir kbir – dan tal-aħħar – li jirrappreżenta riżultat importanti għall-komunità internazzjonali kollha u li juri li tqanqlet kuxjenza kollettiva dwar ir-responsabbiltà gravi li kullħadd, indiviwu jew nazzjon, għandu jħares il-ħolqien billi jmexxi ‘l quddiem «kultura ta’ ħarsien li tinfirex fost is-soċjetà kollha» (8).  Issa hu fundamentali li l-impenji li daħlu għalihom ma jibqgħux biss intenzjonijiet tajbin, imma għall-Istati jkunu obbigu effettiv li jqegħedu fis-seħħ il-ħidma meħtieġa biex tkun imħarsa din l-Art maħbuba tagħna, għall-benefiċċju tal-umanità kollha, fuq kollox għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Min-naħa tagħha, is-sena li għadha kif bdiet tidher li hi mimlija sfidi, u fuq ix-xefaq diġà qed jidhru bosta tensjonijiet.  Qed naħseb partikolarment fil-kwistjonijiet gravi li qamu fir-reġjun tal-Golf Persiku, kif ukoll dwar l-esperiment militari li jħassbek li sar fil-peniżola tal-Korea.  Nawgura li l-pożizzjonijiet kontrapposti jħallu wisa’ għal-leħen tal-paċi u għar-rieda tajba biex jinstab il-ftehim.  F’dil-perspettiva, nosserva b’sodisfazzjon kif ġesti ta’ tifsir u inkoraġġjanti mhumiex neqsin lanqas.  Qed nirreferi partikolarment għall-klima paċifiku ta’ konvivenza li fiha seħħew l-elezzjonijiet riċenti fir-Repubblika Ċentrali tal-Afrika u li huma sinjal pożittiv tar-rieda li tibqa’ għaddejja l-mixja fit-triq li nqabdet lejn rikonċiljazzjoni nazzjonali sħiħa.  Qed naħseb ukoll dwar l-inizjattivi li nbdew f’Ċipru biex titfejjaq il-firda li ilha ħafna u għall-isforzi li qed isiru mill-poplu Kolombjan biex ikunu megħluba l-kunflitti tal-passat u titnissel il-paċi li ilha ħafna żmien mixtieqa.  Kulħadd imbagħad qed iħares bit-tama lejn il-passi meħudin mill-komunità internazzjonali biex tinstab soluzzjoni politika u diplomatika għall-kriżi tas-Sirja, biex twaqqaf it-tbatija tal-popolazzjoni, li ilha sejra wisq żmien.  Bl-istess mod jidhru sinjali inkoraġġjanti ġejjin mill-Libja, li jnisslu t-tama ta’ impenn ġdid biex ttitwaqqaf il-vjolenza u titreġġa’ lura l-għaqda fil-pajjiż.  Min-naħa l-oħra qed jidher dejjem aktar ċar li hu biss azzjoni politika komuni u maqbula li tista’ tikkontribwixxi biex titwaqqaf il-firxa tal-estremiżmu u l-fundamentaliżmu ta’ ispirazzjoni terroristika, li qiegħda taħsad tant ħajjiet kemm fis-Sirja u wkoll fil-Libja, bħalma qed jiġri wkoll f’pajjiżi oħra bħall-Iraq u l-Yemen.

Din is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena għandha tkun ukoll okkażjoni ta’ djalogu u rikonċiljazzjoni immirati biex jitkattar il-ġid fil-Burundi, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fis-Sudan t’Isfel.  Fuq kollox jalla jkun żmien propizju biex jitwaqqaf darba għal dejjem il-kunflitt fir-reġjuni orjentali tal-Ukrajna.  Is-sostenn minn angoli differenti li jistgħu jagħtu l-komunità internazzjonali, l-Istati individwali u l-organiżżazzjonijiet umanitarji hu fundamentali biex joffri għajnuna lill-pajjiż ħalli jegħleb il-kriżi attwali.

Imma l-isfida li l-aktar qed inħabbtu wiċċna magħha hi li negħlbu l-indifferenza biex flimkien nibnu l-paċi (9), il-paċi li tibqa’ tkun il-ġid komuni li għandna nfittxu dejjem.  Sfortunatament, fost il-bosta nħawi tad-dinja maħbuba tagħna li jixtiequha b’qalbhom kollha, hemm l-Art li Alla ħabb u għażel biex juri lil kulħadd il-wiċċ tal-ħniena tiegħu.  L-awgurju tiegħi hu li din is-sena l-ġdida tfejjaq il-ġrieħi profondi li jifirdu l-Iżraeljani u l-Palestinjani, ħalli tissawwar konvivenza  paċifika bejn iż-żewġ popli li – ninsab ċert – bil-qalb kollha ma jixtiequ xejn aktar ħlief il-paċi!

Eccellenzi, Sinjuri,

Fuq il-livell dimplomatiku, is-Santa Sede qatt mhi se tieqaf taħdem biex il-leħen tal-paċi jkun jista’ jinstama’ sa truf l-art kollha.  Għaldaqstant inġedded id-disponibbiltà sħiħa tas-Segreterija tal-Istat li tikkollabora magħkom biex tiffavorixxi djalogu li ma jaqtax bejn is-Sede Appostolika u l-pajjiżi li intom tirrappreżentaw, għall-benefiċċju  tal-komunità internazzjonali kollha, biċ-ċertezza intima li dis-Sena tal-Ġublew tista’ tkun l-okkażjoni propizja  ħalli l-indifferenza kiesħa ta’ tant qlub tkun megħluba mis-sħana tal-ħniena, rigal prezzjuz minn Alla li jittrasforma l-biża’ f’imħabba u jagħmilna bennejja tal-paċi.   B’dawn is-sentimenti nġedded lil kull wieħed u waħda minnkom, lill-familji tagħkom, lill-pajjiżi tagħkom l-isbaħ xewqat għal sena mimlija bil-barka.  Grazzi.

[1] Laqgħa mal-komunità Musulmana, Bangui, 30 ta’ Novembru, 2015.

[2] Cfr Laqgħa mal-Awtoritajiet, Sarajevo, 6 ta’ Ġunju, 2015.

[3] Laqgħa mal-Familji, Manila, 16 ta’ Jannar, 2015.

[4] Laqgħa mas-soċjetà ċivili, Quito, 7 ta’ Lulju, 2015.

[5] Cfr Udjenza ġenerali, 5 ta’ Ġunju, 2013.

[6] Cfr Diskors fil-Parlament tal-Ewropa, Strasburgu, 25 ta’ Novembru, 2014.

[7] Cfr ibid.

[8] Enċ. Laudato si’, 231.

[9] Cfr Għeleb l-indifferenza u tirbaħ il-paċi, Messaġġ għad-XLIX Jum dinji tal-Paċi, 8 ta’ Diċembru, 2015.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber