Eminenzi,
Sur President tas-Senat,  Sinjura Ministru,
E
ċċellenzi, Rettur Manifiku
Sinjuri Ambaxxaturi u Awtoritajiet ċivili,

Għeżież Professuri u Sinjuri,

Nirringrazzja lil Dun Nuno da Silva Gonçalves, ir-Rettur tal-Università Gregorjana, u lit-tfajla li tirrappreżenta ż-żgħażagħ għall-kliem ġentili e interessanti tagħhom li bihom bdejna din il-laqgħa tagħna. Nirringrazzja lilkom ilkoll għall-preżenza tagħkom hawnhekk dalgħodu u għall-informazzjoni li għaddejtuli dwar il-ħidma tagħkom. Imma fuq kollox nirringrazzjakom talli qsamtu t-tħassib tagħkom,  u talli qed taffrontaw flimkien problema ġdida u gravi ta’ żmenijietna billi qed timpenjaw ruħkom favur it-tfal u ż-żgħażagħ tad-dinja kollha. Din il-problema għadha ma ġietx studjata u diskussa minn firxa sħiħa ta’ nies li huma  esperti u  li għandhom responsabbiltajiet f’diversi oqsma, kif għamiltu intom f’dawn il-ġranet: il-problema f’dinja diġitali  tal-ħarsien effettiv tad-dinjità ta’ dawk li huma taħt l-età.

Ir-rikonoxximent u d-difiża tad-dinjità tal-persuna umana huma prinċipju u bażi ta’ kull ordni soċjali u politiku rett. Il-Knisja rrikonoxxiet id-Dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem (1948) bħala “vera ġebla tax-xewka fit-triq tal-progress morali tal-umanità” (ara  Ġwanni Pawlu II jindirizza lill-UNO fl-1979 u fl-1995).  Hi tagħraf  ukoll li t-tfal huma fost l-ewlenin li għandhom jirċievu attenzjoni u ħarsien, għalhekk is-Santa Sede laqgħet id-Dikjarazzjoni tad-drittijiet tat-tfal (1959) u tat is-sapport tagħha lill-Konvenzjoni relattiva  (1990) u liż-żewġ Protokolli fakoltattivi (2001). Is-sistemi legali għandhom jipproteġu d-dinjità u d-drittijiet tat-tfal bħala ġid ta’ valur imprezzabbli għall-familja kollha tal-bnedmin. (ara il-Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja nn.244-245).

Filwaqt li lkoll naqblu bis-sħiħ fuq dawn il-prinċipji, jeħtieġ li l-ħidma tagħna flimkien tinbena fuqhom. Irridu nwettqu din il-ħidma b’deċiżjoni u b’passjoni filwaqt li nħarsu b’għożża  lejn it-tfal kollha li jitwiedu kuljum u  kullimkien. Għandhom bżonn ir-rispett tagħna, flimkien mal-kura u l-imħabba biex jikbru u jiżviluppaw ir-rikkezza meraviljuża tal-ħiliet tagħhom.

L-Iskrittura tgħidilna li l-bniedem ġie maħluq minn Alla fuq ix-xbieha tiegħu. Nistgħu nagħmlu affermazzjoni aktar qawwija minn din fuq id-dinjità tal-bniedem? L-Evanġelju jkellima dwar l-għożża li biha Ġesù laqa’ t-tfal. Laqagħhom f’dirgħajh u berikhom (ara Mk 10,16) għax “ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet” (Mt 19,14).  Ġesù kellu kliem  iebes għal dawk li jagħtu skandlu lil dawn iċ-ċkejknin: “Ikun aħjar għalih li jdendlulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin u jgħarrquh f’qiegħ il-baħar” (Mt 18,6). Mela, jeħtieġ li niddedikaw ruħna għall-ħarsien tad-dinjità tat-tfal b’ġentilezza, imma b’determinazzjoni li toħodha kontra l-forzi kollha tal-kultura tal-iskart li llum qed turi ruħha b’diversi modi  u tagħmel ħsara lil dawk  l-aktar dgħajfa u vulnerabbli, propju bħalma huma t-tfal.

Qed ngħixu f’dinja ġdida li meta konna żgħar aħna ma konniex nimmaġinawha. Nistgħu nagħtu definizzjoni tagħha b’żewġ kelmiet sempliċi “dinja diġitali”.  Din id-dinja hi r-riżultat tal-impenn straordinarju fil-qasam tax-xjenza u t-teknika li fi ftit għexerien ta’ snin bidel l-ambjent ta’ ħajjitna u tal-mod kif nikkomunikaw u ngħixu, u f’ċertu sens qed jibdel ukoll il-mod kif naħsbu u neżistu filwaqt li jinfluwenza sew il-perċezzjoni tal-possibbiltajiet u l-identità tagħna.

Jekk min-naħa l-waħda nħossu tant ammirazzjoni u stagħġib dwar it-toroq ġodda u sbieħ li qed jinfetħu quddiemna, min-naħa l-oħra nħossu wkoll tħassib u forsi anki biża’ meta naraw żvilupp daqshekk imgħaġġel, bi problemi ġodda li qatt ma konna nobsruhom u b’konsegwenzi reali u negattivi  li żgur ħadd ma jridhom.  Allura, ġustament nistaqsu jekk aħniex kapaċi  nrazznu  l-proċessi li ħloqna aħna stess, jekk dawn humiex qed jaħarbu minn idejna, jekk aħniex qed nagħmlu biżżejjed biex inżommuhom taħt kontroll.  

Din hi l-mistoqsija eżistenzjali li l-bniedem tal-lum qed jistaqsi quddiem id-diversi aspetti tal-kriżi globali, li hi waħda ambjentali, soċjali, ekonomika, politika, morali u spiritwali.

Intom, rappreżentanti minn diversi dixxiplini xjentifiċi u oqsma ta’ impenn operttiv fil-komunikazzjoni diġitali, fil-liġi u fil-politika, ġejtu  flimkien propju għax għaraftu l-gravità  tal-isfidi marbuta mal-progress xjentifiku-tekniku. Għaraftu x’jista’ jiġri ‘l quddiem u kkonċentrajtu l-attenzjoni tagħkom fuq sfida li wisq probabbli hi l-aktar waħda kruċjali għall-ġejjieni tal-familja umana: il-ħarsien tad-dinjità tat-tfal u ż-żgħażagħ, tal-iżvilupp tagħhom, tal-ferħ u t-tama tagħhom.

Nafu li aktar minn kwart tat-tliet miljardi li jagħmlu użu mill-internet huma żgħażagħ taħt l-età; dan ifisser li għandek aktar minn 800 miljun żgħażagħ u tfal li jinnavigaw  fuq l-internet. Nafu li fi żmien  sentejn, fl-Indja biss, ser ikun  hemm mal-500 miljun ruħ li jużaw l-internet u nofshom ser ikunu tfal u żgħażagħ taħt l-età. X’ser isibu fuq is-sites? U dawk li għandhom il-meżżi biex b’xi mod jinfluwenzaw lis-sites, kif qed iqisuh dan?

Jeħtieġ ikollna għajnejna miftuħa, ma ninħbewx minn dak li hu veru, mhux sabiħ u ma nixtiequhx. F’dawn is-snin, tgħid forsi għadna ma fhimniex biżżejjed li l-ħabi tal-abbuż sesswali hu żball gravi li jġib miegħu tant gwaj? Ejjew mela nħarsu lejn ir-realtà bħalma ħaristu lejha intom f’dawn il-ġranet. Fuq l-internet niltaqgħu ma’ affarijiet  li qed jinkwetawna  bis-sħiħ:  it-tixrid ta’ pornografija dejjem aktar ażżardata, li d-drawwa tal-użu tagħha tkompli tiftaħ it-triq għaliha;  il-fenomenu tas-sexting bejn ġuvintur u xebbiet li jużaw is-social media; il-bullying, vjolenza morali u fiżika kontra d-dinjità ta’ żgħażagħ oħra, li dejjem qed jiżdied online; is-sextortion fejn permezz ta’ websites għandek l-esplojtazzjoni ta’ dawk li huma taħt l-età għall-skopijiet sesswali, xi ħaġa li tant tissemma’ fil-kronaka. Hemm atti kriminali aktar gravi u koroh, bħalma huma t-traffikar tal-persuni umani u l-prostituzzjoni organizzati online, u anki kummerċ biex wieħed jara f’xandir dirett stupri u vjolenza li jsiru fuq tfal f’partijiet oħra tad-dinja.  Tassew li l-internet għandu l-aspett sewdieni tiegħu, id-“dark net”,  fejn il-ħażen dejjem isib modi ġodda aktar effettivi  biex jinxtered u jidħol kullimkien. It-tixrid tal-pornografija stampata li konna nisimgħu dwaru fil-passat hu fenomenu relattivament  żgħir meta tqabblu ma’ dak li qed jiġri llum permezz tal-internet. Intom tkellimtu  b’mod ċar, profond u dokumentat, u aħna grati lejkom għal dan.

Dawn affarijiet, naturalment, ikexkxuna, iżda  ħasra li anki jiskunċertawna. Intom tafu u tgħallmuna li waħda mill-karatteristiċi  tal-internet hi n-natura globali tiegħu; ikopri l-pjaneta kollha u jmur ‘l hemm minn kull barriera. Qed jidħol kullimkien, jilħaq kullimkien u lil kulħadd, anki lit-tfal b’mezzi li huma iċken u aktar faċli biex jużawhom. Għalhekk, ħadd fid-dinja, ebda awtorità nazzjonali waħidha ma tista’ tiċċekkja dak kollu li qed jiġri  u tikkontrolla d-dimensjonijiet u l-iżvilupp  ta’ dawn il-fenomeni li huma intreċċati u marbuta ma’ problemi drammatiċi oħra konnessi mal-internet, bħalma huma t-traffikar illeċitu, il-kriminalità ekonomika u finanzjarja u t-terroriżmu internazzjonali. Inħossuna skunċertati anki mil-lat edukattiv, għax dan l-iżvilupp daqshekk mgħaġġel qed iħalli barra lill-ġenerazzjonijet anzjani, u allura diffiċli ħafna, jekk ukoll mhux impossibbli, li jkun hemm djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet,  u li ġenerazzjoni tgħaddi lill-oħra r-regoli u l-għerf tal-ħajja  li tkun akkwistat bl-esperjenza ta’ bosta snin.

Iżda ma nistgħux ninħakmu mill-biża’  li qatt ma jwassal għal parir tajjeb. U lanqas ma nistgħu nipparalizzaw ruħna billi nħossu li ma nistgħu nagħmlu xejn quddiem id-diffikultà  li għandna quddiemna. Minflok, aħna msejħin biex ngħaqqdu l-forzi tagħna flimkien għax nafu li aħna bżonn xulxin ħalli nfittxu triqat u attaġġamenti korretti għal tweġibiet effettivi. Jeħtieġ ikollna fiduċja li “nistgħu nwessgħu mill-ġdid ħarsitna. Il-libertà umana għandha l-ħila trażżan it-teknoloġija, torjentaha u tqegħidha għas-servizz ta’ xejra oħra ta’ progress iżjed b’saħħtu, iżjed uman, iżjed soċjali u iżjed sħiħ” (Laudato si’, n.112).

Biex din il-mobilizzazzjoni tkun effettiva, nistedinkom tagħmlu ħilitkom kollha biex tevitaw  ċertu żbalji. Ser nindikalkom biss tlieta.

L-ewwel żball hu li ma nagħrfux kemm ħsara qed issir lit-tfal u liż-żgħażagħ mill-fenomeni li semmejna. Id-diffikultà biex inrażżnuhom tista’ twaqqagħna fit-tentazzjoni li ngħidu: “Wara kollox is-sitwazzjoni mhijiex daqshekk gravi....”. Iżda l-progress fin-newrobijoloġija, fil-psikoloġija u fil-psikjatrija juri l-impatt qawwi li dawn l-immaġni vjolenti u sesswali  jħallu fuq il-moħħ malleabbli tat-tfal,  il-problemi psikoloġiċi li joħorġu meta jkunu qed jikbru, is-sitwazzjonijiet u l-imġiba ta’ dependenza, ta’  jasar  li tiġi  għax jabbużaw fl-użu ta’ immaġni provokanti jew vjolenti. Dawn il-problemi żgur li ħallu marka  fuq it-tfal għal ħajjithom kollha.

Hawnhekk ippermettuli nagħmel osservazzjoni. Tajjeb li ninsistu fuq il-gravità ta’ dawn il-problemi fejn jidħlu tfal taħt l-età, iżda m’għandniex nissottovalutaw jew ninsew li jeżistu  problemi anki għall-adulti. Importanti nagħmlu  distinzjoni  bejn min hu taħt l-età jew  fuq l-età fejn jidħlu affarijiet legali, iżda dan mhux biżżejjed biex naffrontaw l-isfidi li qed nitkellmu fuqhom. It-tixrid tal-pornografija dejjem aktar estrema u l-użu ħażin tal-internet mhux talli  jikkawżaw problemi, dipendenzi u ħsara kbira lill-adulti, imma wkoll jinfluwenzaw il-mod kif iħarsu lejn l-imħabba u r-relazzjonijiet bejn is-sessi. Inkunu qed nilludu ruħna b’mod gravi jekk naħsbu li soċjetà fejn qed jinxtered il-konsum bla rażan tas-sess permezz tal-internet ser ikollha l-ħila tipproteġi b’mod effettiv lil min hu taħt l-età.

It-tieni żball hu jekk  naħsbu li s-soluzzjonijiet tekniċi awtomatiċi, il-filters dejjem iżjed raffinati biex jimblukkaw immaġni abbużivi u ta’ dannu, huma biżżejjed biex naffrontaw il-problemi. Veru li dawn il-miżuri tekniċi huma ta’ ħtieġa.  Veru wkoll li  d-ditti li qed ifornu lill-miljuni ta’ nies b’dawn il-mezzi hekk qawwija ta’ social media u software li jixterdu daqshekk malajr ma’ kullimkien, għandhom jinvestu  parti  mill-qligħ tagħhom f’dawn il-miżuri tekniċi. Iżda hemm ukoll il-ħtieġa urġenti, li bħala parti mill-proċess tal-iżvilupp tekniku, dawk kollha involuti f’dan il-qasam iħossu l-bżonn urġenti ta’ etika aktar b’saħħitha u fid-diversi implikazzjonijiet tagħha.

U hawnhekk insibu ruħna quddiem it-tielet żball, u dan jikkonsisti f’viżjoni ideoloġika u mitika tal-internet bħala saltna ta’ libertà bla ebda limitu. Ħaġa tajba li fostna hawn min jieħu ħsieb li jsiru l-liġijiet  u min  jara li dawn il-liġijiet ikunu mħarsa biex niggarantixxu u nħarsu l-ġid komuni u l-ġid tal-individwu. Is-sites fetħu spazju ġdid u wiesa’ għall-espressjoni ħielsa u skambju ta’ ideat u informazzjoni. Din hi xi ħaġa ta’ benefiċċju, iżda kif naraw offriet ukoll mezzi ġodda għall-attività illeċita u orribbli. U, fil-qasam li qed nitkellmu dwaru aħna, offriet mezzi għall-abbuż tat-tfal u għall-offiża kontra d-dinjità tagħhom, għall-korruzzjoni ta’ moħħhom u għall-vjolenza fuq ġisimhom. Hawnhekk ma tidħolx il-libertà, iżda huwa każ ta’ atti kriminali li wieħed irid jiġġildilhom b’intelliġenza u determinazzjoni, b’kollaborazzjoni bejn gvernijiet u forzi tal-ordni  fuq livell globali,  la l-internet hu xi ħaġa globali.   

Intom iddiskutejtu dan kollu, u fid-“Dikjarazzjoni” li ppreżentajtuli ftit ilu indikajtu d-direzzjonijiet differenti biex tippromwovu kollaborazzjoni konkreta bejn dawk kollha involuti  u msejħa biex jiddefendu d-drittijiet ta’ dawk taħt l-età f’dinja diġitali. Nappoġġa bis-sħiħ u b’ħerqa kbira  l-impenn tagħkom. 

 Dan  jinkludi  ħidma biex wieħed jagħraf  il-gravità tal-problemi, biex isiru liġijiet adegwati, biex ikun hemm il-kontroll meħtieġ dwar l-iżviluppi teknoloġiċi u  biex ikunu identifikati l-vittmi u jittieħdu passi kontra dawk li jwettqu atti kriminali.  Jinkludi   assistenza lit-tfal u liż-żgħażagħ  milquta u li jiġu  pprovduti lilhom mezzi ta’ riabilitazzjoni, għajnuna lill-edukaturi u lill-familji  ħalli b’mezzi kreattivi  jedukaw lit-tfal fl-użu adegwat tal-internet, xi ħaġa li tgħin lilhom stess u anki lil tfal oħra.  Jinkludi wkoll li jkun hemm l-iżvilupp tas-sensittività u l-formazzjoni morali u  li tkompli r-riċerka xjentifika fl-oqsma kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ din l-isfida.

Ġustament, intom esprimejtu t-tama li l-mexxejja reliġjużi u l-komunitajiet ta’ dawk li jemmnu wkoll jagħtu sehemhom f’dan l-isforz komuni  permezz tal-esperjenza tagħhom, l-awtorità tagħhom u l-kapaċità edukattiva u dik ta’ formazzjoni morali u spiritwali. Fil-fatt huma biss id-dawl u l-qawwa li jiġu minn Alla li jistgħu jwassluna biex naffrontaw dawn l-isfidi ġodda. Jien nixtieq niżgurakom mid-disponibbiltà u l-impenn tal-Knisja Kattolika. Kif nafu lkoll, f’dawn l-aħħar snin il-Knisja Kattolika għarfet li ma kenitx tat biżżejjed protezzjoni  lil dawk taħt l-età: sirna nafu b’fatti gravi ħafna  u hemm bżonn naċċettaw  li aħna responsabbli għalihom quddiem Alla, il-vittmi u l-opinjoni pubblika. Propju għalhekk,  permezz ta’ dawn l-esperjenzi drammatiċi  u tal-kompetenzi  akkwistati frott ta’ konverżjoni u purifikazzjoni,  illum il-Knisja tħossha fid-dmir  li timpenja ruħha b’mod dejjem aktar profond u b’mira lejn il-ħarsien tat-tfal u d-dinjità tagħhom, mhux biss fi ħdanha imma fi ħdan is-soċjetà kollha u fid-dinja kollha.  Dan ma tippruvax tagħmlu  waħidha – għax  hi ħaġa ċara li waħidha ma  tasalx  - imma billi toffri  l-kollaborazzjoni  fattiva tagħha lil dawk l-individwi u gruppi fis-soċjetà li jridu jimpenjaw ruħhom f’din l-istess direzzjoni.  F’dan is-sens, il-Knisja  taderixxi mal-mira  li  jitwaqqaf  “l-abbuż, l-isfruttament, it-traffikar u kull forma oħra ta’ vjolenza u tortura li jolqtu lil dawk taħt l-età” kif  tgħid l-Aġenda għall-iżvilupp sostenibbli 2030 (Objettiv 16.2) tan-Nazzjonijiet Magħquda.

F’ħafna okkażjonijiet u f’bosta pajjiżi differenti għajnejja jiltaqgħu ma’ dawk tat-tfal, tfal foqra u sinjuri, morda u b’saħħithom, ferħanin jew batuti. Il-ħarsa tat-tfal  hi esperjenza li lkoll għamilnieha; tmisslek qalbek u ġġiegħlek tagħmel eżami ta’ kuxjenza. X’nistgħu nagħmlu aħna biex dawn it-tfal iħarsu lejna bi tbissima u jibqa’ jkollhom dik il-ħarsa limpida, mimlija fiduċja u tama?  X’nistgħu nagħmlu biex ħadd ma jisirqilhom dak id-dawl, biex dawk l-għajnejn ma jkunux imħassra minn dak li jiltaqgħu miegħu fuq l-internet, li ser ikun parti sħiħa u importanti mill-ambjent ta’ ħajjithom?

Ejjew naħdmu flimkien biex dejjem ikollna d-dritt, il-kuraġġ u l-ferħ li nħarsu f’għajnejn it-tfal tad-dinja. Grazzi.


 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard