Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Insellmilkom u kuntent li ninsab fostkom għal din il-ġurnata ta’ talb u riflessjoni li fiha tixtiequ tiċċelebraw ir-rikonoxximent uffiċċjali offrut lilkom mill-Knisja permezz tal-approvazzjoni definittiva tal-Istatuti tagħkom. Imma nitlobkom ma tinsewx li l-Istatuti jgħinu biex wieħed jimxi fit-triq il-ġusta, iżda li hi l-kariżma li tagħmel l-opra! Nitlobkom toqogħdu attenti li ma titilfux il-kariżma biex tħarsu l-Istatuti! Insellem lil Dun “PiGi” Perini u nirringrazzjah għall-kliem  li bih ta bidu għal din il-laqgħa, imma fuq kollox nirringrazzjah għaż-żelu  saċerdotali li bih ħadem filwaqt  li fittex li jkun doċli għall-Ispirtu s-Santu, u li bħala kappillan ta l-ħajja lil din ir-realtà taċ-Ċelloli Parrokkjali tal-Evanġelizzazzjoni  li nfirxet  f’diversi postijiet fid-dinja.

Intom imsejħin biex tkunu bħal żerriegħa li permezz tagħha l-komunità parrokkjali  tistaqsi lilha nnifisha dwar il-ħajja missjunarja tagħha, u allura tridu tħossu taħraq fikom is-sejħa li tiltaqgħu ma’ kulħadd biex tħabbru l-ġmiel tal-Evanġelju. Din ix-xewqa missjunarja titlob, qabel kollox, li wieħed jisma’ l-vuċi tal-Ispirtu s-Santu, li dejjem ikompli jkellem lill-Knisja tiegħu u jqanqalha biex timxi fi  mogħdijiet  li xi drabi  għadhom mhux magħrufa, imma li huma deċiżivi għat-triq tal-evanġelizzazzjoni.  Ibqgħu dejjem miftuħa għal dan is-smigħ u araw li  qatt ma jeżawrixxi ruħu minħabba l-għeja jew id-diffikultajiet tal-mument, għax  b’hekk tibqgħu fidili lejn il-Kelma tal-Mulej, u fl-istess ħin dan iqanqalkom biex tegħlbu t-tfixkil  li tiltaqgħu miegħu fil-mixja tal-evanġelizzazzjoni.

Bl-impenn tagħkom fil-ħajja ta’ kuljum, u f’komunjoni mar-realtajiet ekkleżjali l-oħra, intom tgħinu l-komunità parrokkjali ssir familja li fiha wieħed isib ir-realtà tant għanja  tal-Knisja (ara Lumen gentium, 8). Il-laqgħat fi djar biex jinqasam il-ferħ u dak li jkun hemm fil-qalb ta’ kull persuna, huma esperjenza ġenwina ta’ evanġelizzazzjoni li tixbaħ ħafna li dak li kien iseħħ fl-ewwel żmenijiet tal-Knisja. Dan ifakkarulna San Luqa fl-Atti tal-Appostli meta jsemmi lil dawk li emmnu u “kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja, u kienu jfaħħru lil Alla u l-poplu kollu kien iġibhom” (2,46-47). Intom iċ-Ċelloli tixtiequ  tgħixu dan l-istil ta’ ħajja komunitarja, kapaċi li tilqa’ lil kulħadd mingħajr ma tiġġudika lil ħadd (ara Evangelii gaudium, 165). L-imħallef tagħna hu l-Mulej, u jekk tkun ser tgħid kelma ta’ ġudizzju fuq dak jew l-ieħor, agħlaq ħalqek. Il-parir li tana l-Mulej hu: “Tiġġudikawx u ma tkunux iġġudikati”. Irridu naqsmu ħajjitna mal-oħrajn bis-sempliċita’, irridu nilqgħu lil kulħadd. Għajfejn nilqgħu lil kulħadd? Biex noffru l-esperjenza tal-preżenza t’Alla u tal-imħabba għal ħutna. Fl-evanġelizzazzjoni tinħass b’mod qawwi l-ħtieġa li nilqgħu lill-oħrajn, li nkunu qrib tagħhom, għax dan hu wieħed mill-ewwel sinjali tal-komunjoni li aħna msejħin  biex nixhdu għax fil-ħajja tagħna  ltqajna ma’ Kristu.    

 

Inħeġġiġkom biex l-Ewkaristija tkun il-qalb tal-missjoni tagħkom ta’ evanġelizzazzjoni, biex hekk kull Ċellola tkun komunità ewkaristika fejn il-qsim tal-ħobż ikun ekwivalenti għall- għarfien tal-preżenza ta’ Ġesu’ Kristu fostna. F’dan intom dejjem issibu l-forza biex tipproponu l-ġmiel tal-fidi għax fl-Ewkaristija nagħmlu l-esperjenza tal-imħabba li ma tagħrafx limitu, u nagħtu s-sinjal konkret li l-Knisja hija “d-dar tal-Missier, fejn hemm post għal kulħadd, kull wieħed bil-ħajja iebsa tiegħu” (Evangelii gaudium, 47). Din ix-xhieda: il-Knisja hija d-dar tal-Missier. Fiha hemm post għal kulħadd, għal kulħadd. Fl-Evanġelju Ġesu’ jgħid: “ Sejħu lit-tajbin u lill-ħżiena, lil kulħadd, mingħajr differenza”.

L-Istatuti tagħkom ġew approvati fil-Ħadd tal-Ħniena Divina. Dejjem tistgħu tagħtu xhieda tat-tenerezza ta’ Alla Missier u turu li Hu qrib ta’ kulħadd, fuq kollox ta’ min hu dgħajjef u waħdu.  Jalla l-Omm Qaddisa t’Alla titfa’ l-ħarsa tagħha ta’ ħniena fuqkom; u takkumpanjakom ukoll l-Barka tiegħi.  U jekk jogħġobkom, ftakru titolbu għalija! Grazzi.

Issa, nitolbu flimkien lill-Madonna, Omm il-Knisja, il-Madonna tat-tenerazza, nitolbuha tgħinna nimxu ‘l quddiem f’din ix-xhieda.

Sliem għalik Marija.....

 


 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard