Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Nagħtikom merħba lkoll u nirringrazzjakom għall-imħabba ħerqana tagħkom!  Insellem minn qiegħ qalbi lill-Kardinali u lill-Isqfijiet.  Insellem lil Don Julián Carrón, President tal-Fraternità tagħkom u nirringrazzjah għad-diskors li ndirizzali f’isimkom; u nirringrazzjak ukoll, Don Julián, għal dik l-ittra sabiħa li int indirzzajt lil kulħadd bl-istedina biex jiġu hawn.  Grazzi ħafna!

L-ewwel ħsieb tiegħi imur għall-fundatur tagħkom Mons. Luigi Giussani fit-tifkira tal-għaxar anniversarju minn mindu twieled għas-Sema.  Jien grat lejn Don Giussani għal raġunijiet differenti.  L-ewwel waħda, aktar personali, hija l-ġid li dan il-bniedem għamel lili u lill-ħajja saċerdotali tiegħi bil-qari tal-kotba u l-artikli tiegħu.  Ir-raġuni l-oħra hi li l-ħsieb tiegħu hu profondament uman u jasal sat-tnegħida l-aktar intima tal-bniedem.  Intom tafu kemm l-esperjenza tal-inkontru kienet importanti għal Don Giussani: laqgħa mhux ma’ idea, imma ma’ Persuna, ma’ Ġesù Kristu.  B’hekk hu trawwem fil-libertà vera.  Jien u nitkellem dwar l-inkontru, jiġini f’moħħi l-kwadru ta’ Caravaggio “Is-sejħa ta’ Mattew”, li kont nieqaf inħares lejh fit-tul fil-knisja ta’ San Alwiġi tal-Franċiżi, kull darba li kont niġi Ruma. Ħadd minn dawk li kienu hemmm, inkluż Mattew rgħib għall-flus, ma seta’ jemmen il-messaġġ ta’ dak is-sebgħa ppuntat lejh, il-messaġġ ta’ dawk l-għajnejn li kienu jħarsu lejh bil-ħniena u kienu qed jagħżluh biex imur warajhom.  Kien qed iħoss l-istgħaġib tal-laqgħa.  Hekk hi l-laqgħa ma’ Ġesù li jiġi u jistiedinna.

Kollox fil-ħajja tagħna, illum bħal fi żmien Ġesù, jibda’ minn laqgħa.  Laqgħa ma’ dal-Bniedem, il-mastrudaxxa ta’ Nażaret, bniedem bħall-oħrajn u fl-istess ħin differenti.  Naħsbu ftit fl-Evanġelju ta’ Ġwanni, fejn jirrakkkonta l-ewwel laqgħa tad-dixxipli ma’ Ġesù (cfr 1, 35-42).  Indrì, Ġwanni u Xmun: ħassew il-ħarsa fil-fond ta’ qalbhom, ħassew li kien jafhom intimmaent, u dan nissel fihom sorpriża, stagħġib, u mill-ewwel ħassewhom marbutin miegħu…….. Jew meta wara l-qawmien mill-mewt, Ġesù jistaqsi lil Pietru: «Tħobbni?» (Ġw. 21,15) u Pietru jwieġeb: «Iva»; dik l-iva ma kinitx riżultat ta’ rieda, ma kinitx biss frott tad-deċiżjoni tal-bniedem Xmun: l-ewwelnett waslet mill-grazzja, kienet dik il-“primerear”, il-grazzja li tasal qabel.  Din kienet l-iskoperta deċisiva għal San Pawl, għal santu Wistin u għal tant qaddisin oħra:  Ġesù Kristu dejjem jasal qabel, ikun hemmm qabilna, jistenniena, Ġesù Kristu dejjem hu hemmm qabel ma’ naslu aħna; u meta aħna naslu, Hu jkun diġà qiegħed hemmm jistenniena.  Hu jixbaħ il-fjura tal-lewża: hi dik li twarrad l-ewwel u tħabbar ir-rebbiegħa.

U mingħajr il-ħniena, din id-dinamika tal-laqgħa li tnissel stagħġib u għaqda, ma tinftiehemmx.  Hu biss min ikun tmelles mit-tenerezza tal-ħniena li jaf verament lill-Mulej.  Il-post privileġġjat tal-laqgħa hi t-tmellisa tal-ħniena ta’ Ġesù Kristu lid-dnub tiegħi.  Hu għalhekk li xi drabi intom smajtuni ngħid li l-post privileġġjat tal-laqgħa ma’ Ġesù Kristu hija d-dnub tiegħi.  Hu bis-saħħa ta’ din it-tgħannieqa ta’ ħniena li jien nitħajjar inwieġeb u ninbidel,tgħannieqa li tista’ tqanqal fija ħajja differenti.  Il-morali Nisranija mhux l-isforz titaniku, volontarju, ta’ min jiddeċiedi li jkun koerenti u jinrexxilu, qiesha xi sfida solitarja lid-dinja.  Le.  Din mhix morali Nisranija, iżda hi xi ħaġa oħra.  Il-morali Nisranija hi tweġiba, hija t-tweġiba kommossa quddiem xi sitwazzjoni li ġġib ħniena, imprevedibbli, jew addirittura “inġusta” skont il-kriterji umani, ta’ Dak li jafni, jaf it-tradimenti tiegħi u jixtieqli l-ġid xorta waħda, jistmani, jgħannaqni, jerġa’ jsejjaħli, jittama fija, jistenna minni.  Il-morali Nisranija mhix li ma naqgħu qatt, imma li dejjem nerġgħu nqumu grazzi għall-id tiegħu li terġa’ terfgħana.  U t-triq tal-Knisja hi din ukoll: li tippermetti li tidher il-ħniena kbira t’Alla.  Fil-jiem li għaddew, lill-Kardinali l-ġodda kont qed ngħidilhom: «It-triq tal-Knisja hi li ma tikkundanna lil ħadd għall-eternità; li twassal il-firxa tal-ħniena t’Alla lill-bnedmin kollha li jitolbuha b’qalb sinċiera; it-triq tal-Knisja hi propju dik li toħroġ mill-konfini tagħha biex tmur tfittex lil min hu mbiegħed fil-“periferiji” tal-eżistenza; dik li taddotta integralment il-loġika ta’ Alla» li hi dik tal-ħniena (Omelija,  15 ta’ Frar, 2015).  Anki l-Knisja għandha tħoss l-impuls ferrieħi li ssir il-fjura tal-lewża, jiġifieri rebbiegħa, bħal Ġesù għall-umanità kollha.

Illum intom qed tfakkru wkoll is-sittin sena minn mindu twaqqaf il-Moviment tagħkom, «imnissel fil-Knisja – kif kien qalilkom Benedittu XVI – mhux bir-rieda organiżżattiva tal-Ġerarkija, imma mwieled minn laqgħa mġedda ma’ Kristu u għalhekk nistgħu ngħidu, minn impuls li kien ġej mill-Ispirtu s-Santu» (Diskors lill-pellegrinaġġ tal-Comunione e Liberazione, 24 ta’ Marzu 2007:  Insegnamenti III, 1 [2007], 557).

Wara sittin sena, il-kariżma oriġinali għadha ma tilfitx il-freskezza u l-vitalità tagħha.  Imma ftakru li l-qofol ta’ kollox mhix il-kariżma, iċ-ċentru ta’ kollox hu wieħed, huwa Ġesù, Ġesù Kristu!  Meta jien inqiegħed fiċ-ċentru ta’ kollox il-metodu spiritwali tiegħi, il-mixja spiritwali tiegħi, il-mod personali ta’ kif dan nipprattikah, jien noħroġ barra mit-triq.  L-ispiritwalità kollha, il-kariżmi kollha tal-Knisja jeħtieġ li jkunu “deċentrati”: fiċ-ċentru hemmm biss il-Mulej!  Għal din ir-raġuni, meta Pawlu fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin, jitkellem dwar il-kariżmi, dwar din ir-realtà tant sabiħa tal-Knisja, tal-Ġisem Mistiku, jtemm billi jitkellem dwar l-imħabba, jiġifieri dwar dak li jiġi minn Alla, li hu ta’ Alla, u li jippermettilna nimitawH.  Tinsewh qatt dan: li tiddeċentraw!

Imbagħad il-kariżma ma nikkonservawhiex fi flixkun tal-ilma distillat!  Il-fedeltà lejn il-kariżma ma tfissirx li nibbiesu u nsiru ġebel – id-demonju jagħmel il-qlub tal-ġebel, tinsewhiex din!  Il-fedeltà lejn il-kariżma ma tfissirx li niktbu kollox fuq parċmina u nqegħduha fi gwarniċ.  Ir-riferiment li ħallilkom b’wirt Don Giussani ma tistgħux tirriduċuh qiesu mużew ta’ tifkiriet, ta’ deċiżjonijiet, ta’ regoli ta’ mġieba.  Żgur li jitlob minnkom fedeltà lejn it-tradizzjoni, imma l-fedeltà lejn it-tradizzjoni, kien jgħid Mahler, “tfisser li żżomm ħaj in-nar u mhux li toqgħod tadura l-irmied”.  Don Giussani ma jaħfirielkom qatt jekk intom tieħdu l-libertà li tinbidlu fi gwidi tal-mużewijiet jew adoraturi tal-irmied.  Żommu ħaj in-nar tal-memorja ta’ dik l-ewwel laqgħa u kunu ħielsa!

B’hekk, iċċentrati fuq Kristu u l-Evanġelju, intom tistgħu tkun dirgħajn, idejn, riġlejn u qalb ta’ Knisja li toħroġ.  It-triq tal-Knisja hi li toħroġ biex tmur tfittex lill-imbiegħda li qiegħdin fil-periferiji, biex taqdu lil Ġesù f’kull persuna emarġinata, abbandunata, bla fidi, deluża minħabba l-Knisja, priġiniera tal-egoiżmu tagħha.

Li toħroġ ifisser ukoll li niċħdu l-awtorefrenzjalità fl-għamliet kollha tagħha, ifisser li nagħrfu nisimgħu lil min mhux bħalna, li nitgħallmu minn kulħadd b’umiltà sinċiera.  Meta aħna nkunu skjavi tal-awtoreferenzjalità, nispiċċaw biex nikkoltivaw fina “spiritwalità tat-tikketta tal-fliexken”: “Jien tal-CL”.  Din hi t-tikketta.  Imbagħad naqgħu fl-elf nassa li toffrilna l-awtoreferenzjalità mimlija biha nfisha, dik li nħarsu lejna nfusna fil-mera u naslu biex nitilfu l-boxxla u ninbidlu f’maniġers tal-organiżżazzjoni mhux governattiva.

Għeżież ħbieb iriid intemm b’żewġ kwotazzjonijiet ta’ tifsir kbir minn Don Giussani, waħda minn tal-bidu u oħra minn tal-aħħar.

L-ewwel waħda: «Il-Kristjaneżmu qatt ma jirrealiżża ruħu fl-istorja bħala pożizzjonijiet fissi li rridu niddefenduhom u li l-konessjoni tagħhom ma’ dak li hu ġdid hija biss ta’ antiteżi; il-Kristjaneżmu hu prinċipju ta’ redenzjoni li taċċetta l-ġdid u ssalvah» (Porta la Speranza.  Primi Scritti, Genova 1967, 119).  Din kienet madwar is-sena 1967.

It-tieni waħda hi tal-2004: «Mhux biss qatt ma kelli ħsieb “inwaqqaf” xejn, talli nħoss li l-karattru ewlieni tal-moviment li rajt jitwieled kienet l-urġenza li ħassejt li tkun imxandra l-ħtieġa li nduru lura lejn l-aspetti elementari tal-Kristjaneżmu, jiġifieri l-ħerqa Kristjana fiha nifisha fl-elementi oriġinali tagħha, u xejn aktar» (Ittra lil Ġwanni Pawlu II, 26 ta’ Jannar 2004, fl-okkażjoni tal-50 sena ta’ “Comunione e Liberazione”).

Il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija!  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber