Għeżież ħuti,

 

Nilqagħkom u rroddilkom ħajr tal-merħba tagħkom, b’mod partikulari grazzi lill-Patri President li introduċa din il-laqgħa, fi tmiem l-Assemblea Nazzjonali tagħkom.  Fid-dawl ta’ dak li smajt dwar il-ħidma tagħkom, nixtieq naqsam magħkom xi punti ta’ riferiment għall-mixja tagħkom.

 

Qabel xejn, il-ħajja reliġjuża tgħin prinċipalment lill-Knisja biex tikseb dik l-“attrazzjoni” li tgħinha tikber, għax quddiem ix-xhieda ta’ persuna li qed tgħix verament il-ħajja reliġjuża tagħha, in-nies tistaqsi: “Hawn x’inhu jiġri?”, “Xi jġiegħel lil din il-persuna tmur lil hemm mix-xefaq tad-dinja?”.  Naħseb din hi l-ewwel ħaġa: ngħinu lill-Knisja tikber bl-attrazzjoni.  Mingħajr ma noqogħdu naħsbu kif ħa nagħmlu proselitiżmu: bl-attrazzjoni!

 

Smajna fil-Vanġelu ta’ l-Erbgħa li għadda: jekk wieħed “ma jitlaqx ġidu kollu, ma jistax ikun dixxiplu tiegħu” (Lq 14:33).  Din id-deċiżjoni, f’xejriet diversi, hi mitluba minn kull Nisrani.  Imma aħna r-reliġjużi msejħin nagħtu xhieda profetika.  Ix-xhieda ta’ ħajja evanġelika hi li tagħżel id-dixxiplu missjunarju u b’mod partikulari lil min jimxi wara l-Mulej fit-triq tal-ħajja kkonsagrata.  U x-xhieda profetika torbot mal-qdusija.  Il-vera profezija qatt m’hi ideoloġika, m’hix f’konfront ma’ l-istituzzjoni: hi istituzzjoni.  Il-profezija hi istituzzjonali.  Il-vera profezija m’hix ideoloġika, ma timxix “mal-moda”, imma dejjem hi sinjal ta’ kontradizzjoni skond il-Vanġelu, kif kienet fi żmien Ġesù.  Ġesù, ngħidu aħna, kien sinjal ta’ kontradizzjoni għall-awtoritajiet reliġjużi ta’ żmienu: mexxejja tal-Fariżej u tas-Sadduċej, għorrief tal-liġi.  U kien hekk ukoll quddiem għażliet u proposti oħra: Esseni, żeloti, u l-bqija.  Sinjal ta’ kontradizzjoni.

 

Grazzi tal-ħidma li wettaqtu f’dawn il-jiem, kif qal il-Patri President: ħidma li tgħinna biex nibqgħu mexjin ’il quddiem fit-triq li fetħitilna l-Evangelii Gaudium.  Hu nqeda b’espressjoni sabiħa, qal: “Aħna ma rridux nissieltu battalji ta’ l-irtirata, ta’ difiża, imma rridu nitħalltu man-nies”, b’fidi soda li Alla dejjem iwarrad u jkabbar is-Saltna tiegħu.  Dan m’hux faċli, ma rridux neħduh bħala ħaġa ovvja; jitlob konverżjoni; jitlob qabel xejn talb u adorazzjoni.  Nitlobkom, adorazzjoni.  U jitlob li naqsmu ħajjitna mal-poplu qaddis ta’ Alla li jgħix fil-periferiji ta’ l-istorja.  Deċentralizzazzjoni.  Kull kariżma, biex tgħix u tagħmel il-frott, jeħtieġ tiddeċentra ruħha, għax fiċ-ċentru hemm biss Ġesù Kristu.  Il-kariżma ma nżommuhiex ikkonservata bħal fi flixkun ilma distillat, imma għandna nxerrduha b’kuraġġ, inqiegħduha f’konfront mar-realtà tal-lum, mal-kulturi, ma’ l-istorja, kif jgħallmuna l-missjunarji kbar ta’ l-istituti tagħna.

 

Sinjal ċar li l-ħajja reliġjuża hi msejħa tagħti l-lum hi l-ħajja fraterna.  Nitlobkom, araw li fostkom ma jkunx hemm it-terroriżmu tat-tqassis!  Keċċuh minn ħdejkom!  Ħa jkun hemm il-fraternità.  U jekk int għandek xi ħaġa kontra ħuk, għidhielu f’wiċċu  Forsi xi darba tispiċċaw fl-idejn, m’hix problema: aħjar hekk milli t-terroriżmu tat-tqassis.  Il-lum il-kultura dominanti hi individwalista, iddur mad-drittijiet suġġettivi.  Hi kultura li qed therri s-soċjetà, ibda mill-ewwel ċellula tagħha li hi l-familja.  Il-ħajja kkonsagrata tista’ tgħin lill-Knisja u lis-soċjetà sħiħa billi tagħti xhieda ta’ fraternità, li hu possibbli li ngħixu flimkien bħal aħwa fid-diversità: dan hu importanti!  Għax il-komunità ma nagħżluhiex aħna minn qabel, fiha nsibu ruħna ma’ persuni ta’ karattri, età, formazzjoni, u sensibbiltajiet differenti… imma xorta nippruvaw ngħixu bħal aħwa.  Mhux dejjem jirnexxielna, dan tafuh biżżejjed.  Ħafna drabi niżbaljaw, għax aħna kollha midinbin, imma meta nintebħu li żbaljajna, nitolbu maħfra u noffru l-maħfra.  U dan lill-Knisja jagħmlilha ħafna ġid: jiċċirkola fil-ġisem tal-Knisja d-demm tal-fraternità.  U jagħmel ġid ukoll lis-soċjetà kollha.

 

Imma din il-fraternità titlob il-paternità ta’ Alla u l-maternità tal-Knisja u ta’ l-Omm, il-Verġni Marija.  Jeħtieġ li ta’ kuljum inqiegħdu lilna nfusna f’din ir-relazzjoni, u dan nistgħu nagħmluh bit-talb, bl-Ewkaristija, bl-adorazzjoni, bir-Rużarju.  Hekk aħna ta’ kuljum “noqogħdu” mill-ġdid ma’ Kristu u fi Kristu, u hekk nidħlu f’relazzjoni awtentika mal-Missier li qiegħed fis-Smewwiet u mal-Knisja Ommna, Ommna l-Knisja Mqaddsa Ġerarkika, u ma’ Ommna Marija.  Jekk ħajjitna tissejjes dejjem fuq dawn ir-relazzjonijiet fundamentali, allura nkunu kapaċi nidħlu wkoll fi fraternità awtentika, fraternità ta’ xhieda, li tiġbed lejha.

 

Għeżież ħuti, inħallikom b’dawn il-ħsibijiet sempliċi, triq li fiha intom diġà mexjin.  Inħeġġiġkom tibqgħu mexjin u nseħibkom f’din it-triq.  Il-Mulej iberikkom u jbierek il-komunitajiet kollha tagħkom, speċjalment dawk l-aktar imġarrbin, li qed ibatu l-iżjed.  U grazzi tat-talb li bih intom qed takkumpanjaw lili u s-servizz tiegħi fil-Knisja.  Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard