Għeżież ħuti, il-wara nofs in-nhar it-tajjeb!

 

Insellem lil kulħadd u nsellem lill-Isqfijiet li laħqu ġodda minn wara l-aħħar Assemblea, u anki liż-żewġ Kardinali ġodda, maħluqa wara l-aħħar Assemblea.

 

Meta nisma’ din is-silta mill-Vanġelu ta’ Marku, jiġini f’moħħi: imma dan Marku għandu għall-Maddalena!  Għax sa l-aħħar mument ifakkarna li hi kien fiha seba’ xjaten.  Imma mbagħad naħseb: U jien kemm fini?  U nagħlaq ħalqi.

 

Nixtieq qabel xejn nesprimi r-radd il-ħajr tiegħi għal din il-laqgħa, għat-tema li għażiltu: l-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium.

 

Il-ferħ tal-Vanġelu, f’dan il-waqt storiku fejn spiss aħna mdawra minn aħbarijiet ta’ qtigħ il-qalb, minn sitwazzjonijiet lokali u internazzjonali li jdewquna t-tbatija u t-tribulazzjoni – f’dan il-kwadru realistikament ftit li xejn inkuraġġanti – il-vokazzjoni Nisranija u episkopali tagħna hi dik li mmorru kontra l-kurrent: jew aħjar, li nkunu xhieda ferrieħa ta’ Kristu Rxoxt biex nittrasmettu ferħ u tama lill-oħrajn.  Il-vokazzjoni tagħna hi li nisimgħu dak li l-Mulej qed jitlob minna: “Farrġu, farrġu lill-poplu tiegħi, jgħid Alla tagħkom” (Is 40:1).  Fil-fatt, minna hu mitlub li nfarrġu, li ngħixu, li nagħmlu l-qalb, bla ebda distinzjoni, lil ħutna kollha magħfusa taħt is-slaleb tagħhom, u nimxu magħhom, bla qatt negħjew inħabirku biex nerfgħuhom mill-ġdid bil-qawwa li tiġi biss minn għand Alla.

 

Anki Ġesù jgħidilna: “Intom il-melħ ta’ l-art.  Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma?  Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies” (Mt 5:13).  Kemm hi ħaġa kerha tiltaqa’ ma’ kkonsagrat għajjien, bla motivazzjoni jew mitfi: hu bħal bir niexef fejn in-nies ma ssibx ilma biex taqta’ l-għatx.

 

Għalhekk il-lum, la naf x’għażiltu, x’tema għandha din il-laqgħa, l-Eżortazzjoni Evangelii gaudium, nixtieq nisma’ l-ideat tagħkom, il-mistoqsijiet tagħkom, u naqsam magħkom xi mistoqsijiet u riflessjonijiet tiegħi.

 

Il-mistoqsijiet u t-tħassib tiegħi ġejjin minn viżjoni globali – mhux biss ta’ l-Italja, imma globali – u fuq kollox mill-għadd kbir ta’ laqgħat li kelli f’dawn l-aħħar sentejn mal-Konferenzi Episkopali, fejn innotajt l-importanza ta’ dik li nistgħu nsejħulha s-sensibbiltà ekkleżjali: jew aħjar, li nagħmlu tagħna l-istess sentimenti ta’ Kristu, ta’ umiltà, ta’ kompassjoni, ta’ ħniena, ta’ konkretezza – l-imħabba ta’ Kristu hi konkreta – u ta’ għerf.

 

Is-sensibbiltà ekkleżjali li titlob ukoll li ma nkunux beżżiegħa jew bla sugu meta niġu biex neħduha kontra u negħlbu l-mentalità mifruxa ta’ korruzzjoni pubblika u privata li bla mistħija ta’ xejn irnexxielha tfaqqar familji, pensjonanti, ħaddiema onesti, komunitajiet Insara, u rmiet liż-żgħażagħ, sistematikament imċaħħda minn kull tama għall-futur tagħhom, u fuq kollox warrbet lid-dgħajfa u dawk fil-bżonn.  Sensibbiltà ekkleżjali li, bħala ragħajja tajba, toħroġna biex nimxu lejn il-poplu ta’ Alla u niddefenduh mill-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi li jneżżgħuh mill-identità u d-dinjità umana tiegħu.

 

Is-sensibbiltà ekkleżjali tidher anki fl-għażliet pastorali u fl-elaborazzjoni tad-Dokumenti – tagħna –, fejn m’għandux joħroġ l-aktar l-aspett teoretiku-duttrinali astratt, donnhom l-orjentamenti tagħna m’humiex iddestinati għall-poplu u l-pajjiż tagħna – imma biss għal xi studjużi u speċjalisti –, imma rridu nagħmlu sforz biex nittraduċuhom fi proposti konkreti u li jinftiehmu.

 

Is-sensibbiltà ekkleżjali u pastorali tikkonkretizza ruħha wkoll f’li nsaħħu r-rwol indispensabbli ta’ dawk il-lajċi disposti li jassumu responsabbiltajiet li fihom huma kompetenti.  Fir-realtà, il-lajċi li għandhom formazzjoni Nisranija awtentika, m’għandux ikollhom bżonn ta’ l-Isqof-pilota, jew tal-monsinjur-pilota jew ta’ xi input klerikali biex jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom fuq kull livell, minn dak politiku għal dak soċjali, minn dak ekonomiku għal dak leġislattiv!  Imma min-naħa l-oħra kollha għandhom bżonn ta’ l-Isqof Ragħaj!

 

Fl-aħħar nett, is-sensibbiltà ekkleżjali tidher konkretement fil-kolleġġjalità u fil-komunjoni bejn l-Isqfijiet u s-saċerdoti tagħhom; fil-komunjoni bejn l-Isqfijiet infushom; bejn id-Djoċesijiet sinjuri – materjalment u vokazzjonalment – u dawk f’diffikultà; bejn il-periferiji u ċ-ċentru; bejn il-konferenzi episkopali u l-Isqfijiet mas-Suċċessur ta’ Pietru.

 

Ninnotaw f’xi partijiet tad-dinja li qed tiddgħajjef sew il-kolleġġjalità, kemm fid-deċiżjonijiet tal-pjanijiet pastorali, u kemm fil-qsim ta’ l-impenji programmatiċi ekonomiċi-finanzjarji.  Hi nieqsa d-drawwa li nivverifikaw kif intlaqgħu l-progammi u kif twettqu l-proġetti; ngħidu aħna, jiġi organizzat konvenju jew avveniment fejn jinstemgħu l-istess erba’ vuċijiet tas-soltu, li jraqqdu l-Komunità, u jiġu assolutizzati għażliet, opinjonijiet u persuni partikulari.  Dan flok inħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxina lejn dawk l-orizzonti li hu jitlob minna.

 

Eżempju ieħor ta’ nuqqas ta’ sensibbiltà ekkleżjali: Għaliex inħallu jixjieħu daqshekk lill-Istituti reliġjużi, monasteri, kongregazzjonijiet, hekk li kważi ma jibqgħux iżjed xhieda evanġeliċi fidili għall-kariżma tat-twaqqif tagħhom?  Għax ma nippruvawx niġbruhom flimkien qabel ma jkun tard wisq minn ħafna aspetti?  U din hi problema fuq livell dinji.

 

Nieqaf hawn, wara li offrejt biss xi eżempji fuq is-sensibbiltà ekkleżjali li qed tiddgħajjef minħabba l-konfront kontinwu mal-problemi enormi dinjija u l-kriżi li lanqas lill-istess identità Nisranija u ekkleżjali m’hi tħalliha lixxa.

 

Jalla l-Mulej – tul il-Ġublew tal-Ħniena li sa jibda fit-8 ta’ Diċembru li ġej – jagħtina “il-ferħ li niskopru mill-ġdid u nkattru l-ħniena ta’ Alla, li biha aħna lkoll imsejħa nfarrġu lil kull raġel u mara ta’ żmienna... Nafdaw sa minn issa din is-Sena f’idejn Omm il-Ħniena, biex tixħet ħarsitha fuqna u tħares il-mixja tagħna” (Omelija, 13 ta’ Marzu 2015).

 

Din kienet biss introduzzjoni.  Issa nħalli f’idejkom iż-żmien biex tipproponu r-riflessjonijiet tagħkom, l-ideat tagħkom, il-mistoqsijiet tagħkom fuq l-Evangelii gaudium u fuq dak kollu li tixtiequ tistaqsu, u nirringrazzjakom ħafna!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard