Għeżież kittieba tal-Kulleġġ taċ-“Civiltà Cattolica, għeżież kollaboraturi lajċi,

Inħossni hieni li nitlaqa’ magħkom flimkien ma’ Ġiżwiti oħra tal-Komunità, mas-sorijiet u ma’ dawk kollha li jikkollaboraw magħkom fil-ħajja ta’ dir-rivista u fl-amministrazzjoni tad-dar fejn tgħixu. Insellem ukoll lill-edituri li minn issa se jibdew jippublikaw ir-rivista tagħkom bl-Ispanjol, bl-Ingliż, bil-Franċiż, u l-Korejan.  Hawnhekk qed inħoss li hawn preżenti l-familja kollha tal-qarrejja tagħkom.  Qed niltaqa’ magħkom ilkoll bi pjaċir kbir fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tal-4000 faxxiklu.  Hu riżultat tassew uniku: ir-rivista għamlet vjaġġ fiż-żmien twil 167 sena u għadha għaddejja bil-kuraġġ, tbaħħar f’baħar miftuħ.

Hekkhu, ibqgħu fil-baħar miftuħ!  Il-Kattoliku m’għandux jibża’ mill-baħar miftuħ, m’għandux ifittex il-kenn u s-sigurtajiet ta’ portijiet kennija.  Aktar u aktar intom, bħala Ġiżwiti, evitaw li tiggranfaw maċ-ċertezzi u s-sigurtajiet.  Il-Mulej isejħilna biex noħorġu f’missjoni, biex naqilgħu ‘l barra u ma nirtirawx bil-pensjoni bl-għan li nibqgħu nindukraw iċ-ċertezzi.  Meta noħorġu ‘l barra se niltaqgħu mat-tempesti u jista’ jkollna r-riħ kontrina.  Madankollu, il-vjaġġ qaddis isir dejjem fil-kumpanija ta’ Ġesù li jgħid lil tiegħu: «Kuraġġ, jien magħkom, tibżgħux!» (Mt 14,27).

M’intomx tbaħħru waħedkom.  Il-predeċessuri tiegħi, mill-Beatu Piju IX sa Benedittu XVI, kull meta ltaqgħu magħkom f’udjenza, dejjem taw għarfien lill-fatt li t-tbaħħir tagħkom jinsab fl-istess dagħjsa ta’ Pietru.  Dir-rabta tal-Papa minn dejjem kienet karatteristika essenzjali tar-rivista tagħkom.  Intom tinsabu fid-dgħajsa ta’ Pietru.  Din, xi drabi tul l-istorja – illum bħall-bieraħ – tista’ tkun mitfugħa ‘l hawn u ‘l hinn mill-mewġ u m’għandniex niskantaw għal dan.  Imma l-istess baħrin imsejħa biex jaqdfu fid-dgħajsa ta’ Pietru jistgħu jkunu jaqdfu kontra.  Minn dejjem hekk sar.  Intom taċ-“Civiltà Cattolica” għandkom tkunu «qaddiefa esperti u qalbiena» (Piju VII: Bolla Sollecitudo omnium Ecclesiarum): għalhekk, aqdfu!  Aqdfu, kunu qalbiena anki bir-riħ kontrikom!  Naqdfu għas-servizz tal-Knisja!  Naqdfu flimkien!» (Omelija fil-Vespri bit-Te Deum, 27 ta’ Settembru, 2014).  Din hi r-rabta bejni u bejnkom.  U jien nesprimi «x-xewqa kbira tiegħi li dir-rabta mhux biss tibqa’, imma tissaħħaħ» (Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-kittieba taċ-“Civiltà Cattolica, 19 ta’ Jannar, 1990).  Nibqgħu dejjem mexjin ‘il quddiemn fit-tbaħħir tagħna, imbuttati mir-riħ tal-Ispirtu s-Santu li jmexxina.

4000 faxxiklu mhumiex sempliċi ġabra ta’ karti.  Fihom hemm ħajja magħmula minn tant riflessjonijiet, tant passjoni, tant taqbid u kuntradizzjonijiet, li ltqajtu magħhom.  Imma fuq kollox, ta’ tant ħidma.  Sirt naf li l-predeċessuri antiki tagħkom kienu jħobbu jsejħu lilhom infushom sempliċiment «ħaddiema».  Mhux «intellettwali» iżda «ħaddiema».  Togħġobni ħafna din id-definizzjoni li hija umli, modesta u effikaċi ħafna.  San Injazju jridna ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli mistika.  Jien naħdem mod, intom taħdmu mod ieħor.  Imma qiegħdin flimkien, maġenb xulxin.  Fix-xogħol tiegħi narakom, insegwikom, nakkumpanjakom bl-imħabba.  Ir-rivista tagħkom spiss tkun fuq l-iskrivanija tiegħi.  U naf li fil-ħidma tagħkom intom qatt ma tinsewni.  Akumpanjajtu bil-fedeltà kull passaġġ fundamentali tal-Pontifkat tiegħi ibda mill-intervista twila li tajt lid-direttur tagħkom f’Awwissu tal-2013: il-pubblikazzjoni tal-Enċikliki u tal-Eżortazzjonijiet Appostoliċi, li intom interpetajtuhom fedelment; is-Sinodi, il-Vjaġġi Appostoliċi, il-Ġublew tal-Ħniena.  Irroddilkom ħajr ta’ dan u nitlobkom tibqgħu mexjin f’dit-triq li taħdmu flimkien miegħi u titolbu għalija.

Kemm ġraw affarijeit matul 167 sena ta’ ħajja tar-rivista u rrakkuntati fl-4000 ħarġa!  Kull elf ħarġa intom iltqajtu mal-Papa: Ljun XIII, Piju IX, Pawlu VI, iċċelebraw dawk ta’ qabel.  Issa hawn intom miegħi.  U magħkom hemm il-Patri Ġeneral tal-Kumpanija ta’ Ġesù għax il-Beatu Piju IX ried li l-Kulleġġ «ikun jiddependi għal kollox u f’kollox, minnu» (Breve App. Gravissimum Supremi).  Jien nikkonferma li nafda (il-pubblikazzjoni) Civiltà Cattolica f’idejn il-Ġeneral propju minħabba l-kompitu speċifiku li r-rivista tagħkom tagħti bħala servizz dirett lis-Sede Appostolika.

U b’mod aktar ġeneraliżżat nikkonferma l-Istatuti oriġinali tar-rivista tagħkom, li Piju IX kien kiteb fl-1866 biex waqqaf “La Civiltà Cattolica” «b’mod perpetwu».  Meta nerġgħu naqrawhom illum ninnutaw fihom lingwaġġ li m’għadux tagħna.  Imma s-sens profond u speċifiku tar-rivista tagħkom hu deskritt tajjeb u għandu jibqa’ bla mibdul, jiġifieri dak ta’ rivista li hi espressjoni ta’ komunità ta’ kittieba, kollha Ġiżwiti, li bejniethom ma tgħaqqadhomx biss esperjenza intellettwali imma wkoll ispirazzjoni kariżmatika, u, tal-anqas fin-nukleju fundammentali tar-redazzjoni, il-ħajja ta’ kuljum tal-komunità.  Il-varjetà tas-suġġetti li intom tittrattaw għandha tkun magħżula u elaborata b’konsultazzjoni bejnietkom tant li titlob minnkom laqgħat ta’ spiss bejnietkom (cfr Ljun XIII, Ittra Sapienti consilio).  U dan jitlob minnkom li tikkonfrontaw ruħkom mhux biss dwar l-idejat imma wkoll dwar il-mod kif tesprimuhom u dwar il-mezzi addattati biex tagħmlu dan.  Il-qofol taċ-Civiltà Cattolica hu l-Kulleġġ tal-Kittieba.  Kollox idur miegħu u mal-missjoni li għandu.

Dil-missjoni – għall-ewwel darba wara 167 sena – mil-lum se tinfirex ‘l hinn mill-konfini lingwistiċi tat-Taljan.  Jien ferħan li nista’ nbierek l-edizzjonijiet taċ-Civiltà Cattolica bl-Ispanjol, bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Korejan.  Din hi evoluzzjoni li l-predeċessuri tagħkom, fi żmien il-Konċilju, diġà kellhom f’moħħhom, imma li qatt ma daħlet fis-seħħ.  Is-Segreterija tal-Istat diġà ilha ħafna żmien tibgħat ir-rivista lin-Nunzjaturi kollha tad-dinja.  Issa, li d-dinja hija dejjem aktar magħquda, is-superament tal-barrieri lingwistiċi se jgħin biex il-messaġġ ikun magħruf aħjar fuq firxa aktar wiesa.  Din it-tappa ġdida se tkun kontribut ukoll biex ix-xefaq tagħkom jitwassa’ u biex tirċievu kontribuzzjonijiet ta’ kitbiet minn Ġiżwiti oħra f’inħawi differenti tad-dinja.  Il-kultura ħajja għandha t-tendenza li tiftaħ, tintegra timmoltiplika, taqsam, tiddjaloga, tagħti u tirċievi mill-qalba ta’ poplu u minn popli oħra li tkun f’komunikazzjoni magħhom.  Iċ-Civiltà Cattolica tkun rivista miftuħa dejjem aktar għad-dinja.  Dan hu mod ġdid kif intom tgħixu l-missjoni speċifika tagħkom.

U liema hi dil-missjoni speċifika?  Hi dik li tkun rivista Kattolika.  Imma li tkun rivista Kattolika ma jfissirx biss li tiddefendi l-idejat Kattoliċi, qiesu l-Kattoliċiżmu hu xi filosofija.  Kif kien kiteb il-fundatur tagħkom Patri Carlo Maria Curci, iċ-Civilità Cattolica «m’għandhiex tidher bħala xi ħaġa tas-sagristija».  Rivista tkun verament «Kattolika» biss, jekk tħaddan il-ħarsa ta’ Ġesù fuq id-dinja, tittrasmettiha u tagħti xhieda tagħha.

Tul il-laqgħa li kelli magħkom tliet snin ilu kont ippreżentajtilkom il-missjoni tagħkom fi tliet kelmiet: djalogu, dixxerniment, fruntiera.  Intennihom illum.  Fil-biljett ta’ awguri li bgħattilkom fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni numru 4000 użajt ix-xbieha tal-pont.  Jien inħobb naħseb li ċ-Civiltà Cattolica hi rivista «pont» u «fruntiera» fl-istess ħin.

Illum nixtieq inżid xi riflessjonijiet biex nidħol aktar fil-fond ta’ dak li l-fundaturi tagħkom, imtennija mbagħad minn Pawlu VI, kienu sejħulha “it-tifsila kostituzzjonali” tar-rivista.  U se ntikom ukoll tliet “patruni”, jiġifieri l-figura ta’ tliet Ġiżwiti biex intom tħarsu lejhom ħalli tibqgħu mexjin ‘il quddiem.

L-ewwel kelma hi “INKWETUDNI”.  Nagħmlilkom mistoqsija: qalbkom baqgħet tgħożż l-inkwetudni tar-riċerka?  Hi biss l-inkwetudni li tagħti l-paċi lill-qalb ta’ Ġiżwita.  Mingħajr inkwetudni nsiru sterili.   Jekk tridu tgħixu fuq il-pontijiet u fuq il-fruntieri jeħtieġ li jkollkom moħħ u qalb inkwieti.  Kultant inħawdu s-sigurtà tad-duttrina mas-suspett li toħloq ir-riċerka. M’għandux ikun hekk għalikom.  Il-valuri u t-tradizzjonijiet Kristjani mhumiex oġġetti rari biex jingħalqu f’xi vertina ta’ mużew.  Minflok, iċ-ċertezza tal-fidi għandha tkun li ssuq il-magna tar-riċerka tagħkom.

Bħala patrun intikom li San Pietro Favre (1506-1546), raġel ta’ xewqat kbar, spirtu inkwiet, qatt sodisfatt, pijunier tal-ekumeniżmu.  Għal Favre kien propju meta kienu jinqalgħu sitwazzjonijiet diffiċli li kien jidher il-veru spirtu li jqanqal għall-azzjoni (cfr Memoriale, 301).  Fidi awtentika timplika dejjem xewqa profonda li tibdel id-dinja.  Din hi l-mistoqsija li għandna nagħmlu lilna nfusna: għandna viżjonijiet kbar u entużjażmu?  Nissugraw?  Jew inkella aħna medjokri u nikkuntentaw bir-riflessjonijiet tal-laboratorju?

Ir-rivista tagħkom għandha tikseb l-għarfien mill-ġrieħi ta’ din id-dinja u ssib it-terapiji addattati.  Għandha tkun kitba li tfittex li tifhem il-ħażen, imma wkoll li tferrgħa ż-żejt fuq il-feriti miftuħa, tfejjaq.  Favre kien imur kullimkien bil-mixi u miet żgħir minħabba l-għeja, ikkunsmat mix-xewqat li kellu biex Alla jkun imfaħħar dejjem aktar.  Intom timxu bl-inteliġenza inkwieta tagħkom li t-tastieri tal-kompjuters tagħkom jittraduċuha f’riflessjonijiet utli biex tinbena dinja aħjar, (biex tinbena) is-Saltna t’Alla.

It-tieni kelma hi INKOMPLETEZZA.  Alla hu dejjem Deus semper maior, Alla li jissorprendina dejjem.  Għaldaqstant intom għandkom tkunu kittieba u ġurnalisti li ħsiebkom qatt m’hu sħiħ, jiġifieri miftuħ, mhux magħluq u riġidu.  Il-fidi tagħkm għandha tiftħilkom ħsiebkom.  Ħallu l-ispirtu tal-Evanġelju jmexxikom biex il-viżjoni tagħkom tkun oriġinali, vitali, dinamika, mhux ovvja.  U dan speċjalment illum f’dinja tant kumplessa u mimlija sfidi li fiha donnha qed tittrijonfa «il-kultura tan-nafraġju» - imżoqqa minn messjaniżmu profan, medjokrità relativista, suspett u riġidità – hija «l-kultura tal-iskip», fejn dak kollu li ma jiffunzjonax kif nixtiquh jew li jitqies inutli, jintrema.

Il-kriżi hi globali u għalhekk meħtieġ li ndawwru ħarsitna lejn il-konvinzjonijiet kulturali dominanti u lejn il-kriterji li bihom il-persuni jiġġudikaw ħaġa hix tajba jew ħażina, mixtieqa jew le.  Hu biss il-ħsieb miftuħ beraħ li jista’ jaffronta l-kriżijiet l-aktar kumplessi u jifhem id-direzzjoni ‘l fejn hi miexja d-dinja, kif għandhom ikunu affronatati l-kriżijiet l-aktar kumplessi u urġenti, il-ġeopolitika, l-isfidi tal-ekonomija u l-kriżi umanitarja gravi marbuta mad-dramm tal-imigrazzjoni, li hi l-veru kobba mħabbla politika ta’ jiemna.

Għalhekk intikom bħala figura biex tħarsu lejha lill-Qaddej t’Alla Patri Matteo Ricci (1522-1610).  Hu kien fassal “atlas Ċiniż” kbir, li juri l-kontinenti u l-gżejjer li kienu magħrufin sa dak iż-żmien.  B’hekk il-maħbub poplu Ċiniż seta jara viżivament taħt għamla ġdida, bosta artijiet imbiegħda li kienu mmarakti b’isimhom, b’deskrizzjoni qasira dwarhom.  Fosthom anki l-Ewropa u l-post fejn kien jgħix il-Papa.  L-“atlas” kien ukoll ta’ għajnuna biex lill-poplu Ċiniż  jintroduċilu ċiviltajiet oħra.  Hekkhu, bl-artikli tagħkom intom ukoll imsejħin biex issawru “atlas”: uru l-iskoperti reċenti, agħtu isem lill-postijiet, wasslu t-tifsira ta’ x’inhi “ċiviltà” Kattolika, imma għarrfu wkoll lill-Kattoliċi li Alla qed jaħdem ukoll ‘il barra mill-konfini tal-Knisja, f’kull “ċivilità” awtentika, bin-nifs tal-Ispirtu s-Santu.

It-tielet kelma hi IMMAĠINAZZJONI.  Għall-Knisja u għad-dinja dan hu żmien ta’ dixxerniment.  Id-dixxerniment isir dejjem fil-preżenza tal-Mulej, bil-ħarsa fuq is-sinjali, bis-smigħ ta’ dak li qed jiġri, billi “nħossu” n-nies li jafu t-triq umli tad-diffikultajiet tal-ħajja ta’ kuljum, u speċjalment tal-foqra.  L-għerf tad-dixxerniment jirhan l-ambigwità inevitabbli tal-ħajja.  Imma jeħtieġ li nirfdu l-ambigwità, jeħtieġ nidħlu fiha kif għamel il-Mulej Ġesù meta ħa l-ġisem bħalna.  Il-fehema riġida mhix divina għax Ġesù ħa l-laħam bħalna, laħam li mhux riġidu ħlief fil-waqt tal-mewt.

Għal dir-raġuni togħġobni ħafna l-poeżija, u kull meta nkun nista’, għandi naqraha.  Il-poeżija hi miżgħuda bil-metafri.  Li nifhmu l-metafri hu ta’ għajnuna biex ħsiebna jsir żvelt, intwittiv, flessibbli, akut.  Min għandu l-immaġinazzjoni, mhuwiex riġidu, għandu s-sens tal-umoriżmu, dejjem mogħni bil-ħlewwa tal-ħniena u tal-libertà interjuri.  Għandu ħila jiftaħ beraħ immaġinazzjoni kbira anki fi spazji limitati kif għamel fl-opri tal-pittura tiegħu Fra Andrea Pozzo (1642-1709), li bl-immaġinazzjoni fetaħ beraħ spazji, koppli u kuriduri, fejn hemm is-soqfa u l-ħitan.  Intikom lilu wkoll bħala figura ta’ riferiment.

Għalhekk, fir-rivista tagħkom ikkultivaw l-ispazju għall-arti, għal-letteratura, iċ-ċinema, it-teatru u l-mużika.  Hekk għamiltu sa mill-bidu, mill-1850.  Ftit jiem ilu kont qed nimmedita l-pittura ta’ Hans Memling, il-pittur Fjamming.  U kont qed naħseb kif il-miraklu tad-delikatezza li hemm fil-pittura tiegħu hu rappreżentazzjoni tajba tan-nies.  Imbagħad ħsibt fil-versi ta’ Baudelaire dwar Rubens, fejn jikteb: «la vie afflue et s’agite sans cesse, / Comme l’air dans le ciel et la mer dans la mer».  Iva. Il-ħajja hi fluwida u titqalleb bla heda kif titqalleb l-arja fis-sema u l-baħar fil-baħar.  Il-ħsieb tal-Knisja jrid jerġa’ jikseb lura mill-ġdid il-ġenjalità u jifhem dejjem aħjar kif il-bniedem illum jifhem lilu nnifsu, ħalli t-tagħlim tagħha jiżviluppa u jkun aktar profond.  U dil-ġenjalità tgħin biex nifhmu li l-ħajja mhix kwadru mpitter bl-abjad u l-iswed.  Hu kwadru bil-kuluri.  Uħud ċari u oħrajn skuri, uħud mitfija u oħrajn vivaċi.  Iżda madankollu l-aktar li jidhru huma l-isfumaturi.  U dan hu l-ispazju tad-dixxerniment, l-ispazju li fih l-Ispirtu jħarrek is-sema bħall-arja u l-baħar bħall-ilma.  Xogħolkom hu  - kif talab il-Beatu Pawlu VI – li tgħixu dan il-konfront «bejn l-esiġenzi immedjati tal-bniedem u l-messaġġ dejjiemi tal-Evanġelju» (Diskors fl-okkażjoni tat-XXXII Kungress Ġenerali tal-Kumpanija ta’ Ġesù, 3 ta’ Diċembru, 1974).  U dawk l-esiġenzi immedjati intom iġġorruhom magħkom, ġewwa fikom u fil-ħajja spiritwali tagħkom.  Lil dal-konfront tuh l-għamliet l-aktar addattati, ġodda wkoll, kif hu mitlub illum mill-mod kif nikkomunikaw, li jinbidel mal-mogħdija taż-żmien.

Nawgura li ċ-Civiltà Cattolica, anki bis-saħħa tal-verżjoni b’lingwi oħra, tilħaq ħafna qarrejja.  Il-Kumpanija ta’ Ġesù għandha ssostni din l-opri tant antika u prezzjuża, anzi unika fis-servizz lejn is-Sede Appostolika.  Ħa tkun ġeneruża bl-għotja ta’ Ġiżwiti ta’ ħila u tinxtered fejn hu l-aktar opportun.  Qed naħseb l-aktar dwar iċ-ċentri tal-formazzjoni edukattiva u l-iskejjel, partikolarment għall-formazzjoni tal-għalliema u l-ġenituri.  Imma wkoll dwar iċ-ċentri ta’ formazzjoni spiritwali.  Nirrikmanda li tinxtered sewwa fis-seminarji u fiċ-ċentri tal-formazzjoni.  L-isqfijiet għandhom jissaportjawha.  Ir-rabta tagħha mas-Sede Appostolika tagħmilha fil-fatt, rivista unika fil-ġeneru tagħha.

Nagħlaq dil-laqgħa billi nirringrazzjakom għax-xhieda li tagħtu.  Nafda lilkom ilkoll hawn preżenti fl-interċessjoni tal-Madonna tat-Triq u ta’ San Ġużepp, filwaqt li ntikom il-Barka Appostolika tiegħi.  Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber