Sur President,
Għeżież Ħbieb,
Għeżież Ħuti,

Nirringrazzja lis-Sur President Mahmoud Abbas għall-kliem ta’ merħba u nagħti tislima minn qalbi lir-rappreżentanti tal-Gvern u lill-poplu Palestinjan kollu.  Jien grat lejn il-Mulej li llum ninsab hawn magħkom fil-post fejn twieled Ġesù, il-Prinċep tal-Paċi, u nirringrazzjakom għall-merħba entużjasta li tajtuni.

Għal għexieren ta’ snin il-Lvant Nofsani ilu jgħix il-konsegwenzi drammatiċi tal-kunflitt ma jaqta’ xejn li ħalla tant feriti li diffiċli li jagħlqu, u anki meta, fortunatament, ma jkunx hemm vjolenza, is-sitwazzjoni inċerta u n-nuqqas ta’ fehim reċiproku bejn il-partijiet joħolqu insukurezza, ċaħda tad-drittijiet, iżolament, l-eżodu ta’ komunitajiet sħaħ, firdiet, nuqqasijiet u tbatijiet ta’ kull għamla.

Filwaqt li nuri l-qrubija tiegħi lejn dawk li l-aktar qed isofru l-konsegwenzi ta’ dan il-kunflitt, irrid ngħid minn qiegħ qalbi li wasal il-waqt li din is-sitwazzjoni tintemm, għax qed issir dejjem aktar inaċċettabli.  Dan għandu jsir għall-ġid ta’ kulħadd.  Għalhekk jeħtieġ li jirduppjaw l-isforzi u l-inizjattivi mmirati li joħolqu l-kundizzjonijiet għall-paċi stabbli, mibnija fuq il-ġustizzja, l-għarfien reċiproku tad-drittijiet ta’ kull naħa u s-sigurtà reċiproka.  Wasal il-waqt li kulħadd isib il-kuraġġ  tal-ġenerożità u tal-kreattività li jservu l-ġid, il-kuraġġ għall-paċi minbnija fuq l-għarfien min kulħadd tad-dritt ta’ żewġ Stati li jeżistu u jgwadu l-paċi u s-sigurtà fil-limiti ta’ konfini rikonoxxuti internazzjonalment.

Nawgura minn qiegħ qalbi li f’das-sens kulħadd jevita li jieħu inizjattivi u jagħmel atti li jikkuntradixxu r-rieda mistqarra li jintlaħaq ftehim veru u li ma tninx it-tifttxija determinata u koerenti għall-paċi.  Jeħtieġ għalhekk mixja riżoluta lejn il-paċi anki bir-rinunzja ta’ xi ħaġa.

Nawgura lill-poplu Palestinjan u lil dak Iżraeljan flimkien mal-Awtoritajiet rispettivi tagħhom, li jibdew dan l-eżodu hieni lejn il-paċi b’dak il-kuraġġ u b’dik id-determinazzjoni meħtieġa f’kull eżodu.  Il-paċi fis-sigurtà u l-fiduċja reċiproka għandhom isiru l-punt ta’ riferiment stabbli biex jiġu affrontati u solvuti il-problemi l-oħra u b’hekk joffru okkażjoni għal żvilupp ekwilibrat li jsir mudell għall-kriżijiet l-oħra.

Hu għażiż għalija li nagħmel riferiment għall-attività tal-komunità Nisranija, li tagħti l-kontribut sinifikattiv tagħha għall-ġid komuni tas-soċjetà u li tieħu sehem sħiħ fil-ferħ u t-tbatijiet tal-poplu kollu.  L-Insara għandhom il-ħsieb li jkomplu jaqdu dan ir-rwol bħala ċittadini bid-drittijiet sħaħ, flimkien maċ-ċittadini l-oħra li huma jqisuhom bħala ħuthom.

Sur President, int magħruf bħala bniedem ta’ paċi u awtur tal-paċi.  Il-laqgħa reċenti miegħek fil-Vatikan u l-preżenza tiegħi illum fil-Palestina huma turija tar-relazzjonijiet tajbin li hemm bejn is-Santa Sede u l-Istat tal-Palestina, li nawgura li jkomplu jissaħħu għall-ġid ta’ kulħadd.  Rigward dan nixtieq nesprini l-apprezzament tiegħi għal kull impenn li għandu l-għan li jsawwar Ftehim bejn il-Partijiet dwar diversi aspetti tal-ħajja tal-komunità Kattolika tal-pajjiż, b’attenzjoni speċjali lejn il-libertà reliġjuża.  Ir-rispett ta’ dan id-dritt uman fundamentali huwa fil-fatt waħda mill-kundizzjonijiet irrinunzjabbli għall-paċi, għall-fratellanza u l-armonija; jgħid lid-dinja li hu dmir u huwa possibbli li jintlaħaq ftehim tajjeb bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet differenti; jagħti xhieda li dawk l-affarijiet li għandna komuni bejnietna huma tant importanti li hu possibbli nagħrfu t-triq ta’ konvivenza serena, ordnata u paċifika, waqt li nilqgħu d-differenzi u ngħixu bil-ferħ li aħna lkoll aħwa għax ulied Alla wieħed.

Sur President, għeżież ħuti miġburin hawn f’Betlem, Alla li jista’ kollox iberikkom, jipproteġikom u jtikom l-għerf u l-qawwa meħtieġa biex tmexxu ‘l quddiem il-mixja kuraġġuża tal-paċi, b’mod illi x-xwabel jinbidlu f’sikek u din l-Art tkun tista’ teġa tibda’ twarrad fil-prosperità u l-qbil.  Salam!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.