Niżżikom ħajr għal din il-laqgħa.  Napprezza l-impenn tagħkom favur it-tfal: hija espressjoni konkreta u attwali tal-ġibda speċjali li l-Mulej Ġesù kellu lejhom.  Jien inħobb ngħid li fi ħdan soċjetà mibnija tajjeb għandu jkollhom il-privileġġi it-tfal u l-anzjani biss.  Għax il-futur ta' poplu jinsab f'idejhom!  It-tfal, żgur, għax fihom hemm il-forza li jmexxu l-istorja 'l quddiem u l-anzjani għax fihom jinsab l-għerf ta' poplu u huma għandhom jittrażmettu dan l-għerf.

Nistgħu ngħidu li l-BICE twieled mill-maternità tal-Knisja.  Infatti kien inbeda wara l-intervent tal-Papa Piju XII favur it-tfal hekk kif intemmet it-Tieni Gwerra Dinjija.  Minn dak iż-żmien 'l hawn, din l-organiżżazzjoni baqgħet dejjem impenjata biex tmexxi 'l quddiem il-ħarsien tad-drittijiet tal-minuri, u tat kontribut anki għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1989.  B'dan ix-xogħol tagħha tikkollabora 'l ħin kollu mal-uffiċċji tas-Santa Sede fi New York, fi Strasburgu, u, fuq kollox, f'Ġinevra.

Bid-delikatezza, int tkellimt dwar it-trattament tajjeb.  Nirringrazzjak għal din l-espressjoni delikata.  Imma nħoss li għandi nitgħabba bil-ħażen kollu li xi saċerdoti – f'numru mhux ħażin, imma limitat meta mqabbel man-numru totali – li nieħu r-reponsabbiltà u nitlob maħfra għall-ħsara li għamlu, għall-abbużi sesswali fuq it-tfal.  Il-Knisja hi konxja minn din il-ħsara.  Hija ħsara personali u morali tagħhom, imma ta' nies tal-Knisja.   U aħna ma rridux nagħmlu mqar pass lura fit-tmexxija ta' kif nittrattaw din il-problema u l-kastigi li għandhom jingħataw.  Bil-maqlub jien nemmen li għandna nkunu sodi ħafna.  Mat-tfal memmx ċajt!

Fiż-żmien li qed ngħixu, importanti li nimplimentaw proġetti kontra x-xogħol taħt skjavitù, kontra r-reklutament ta' tfal bħala suldati u kontra kull tip ta' vjolenza fuq il-minuri.

Mil-lat pożittiv irridu nisħqu dwar id-dritt li t-tfal jitrabbew fil-familja flimkien ma' missier u omm li jkollhom ħila joħoqlu ambjent ideali għall-iżvilupp u l-maturazzjoni affettiva.  U li jkomplu jimmaturaw fir-relazzjonijiet ma' dak li huma maskolinità u l-femminilità ta' missier u ta' omm biex b'hekk iħejju ruħhom għall-maturità affettiva.

Fl-istess ħin dan ifisser li rridu nsostnu d-dritt tal-ġenituri li jagħtu edukazzjoni morali u reliġjuża lil uliedhom.  Għal dan il-għan irrid nuri li jien nirrifjuta kull tip ta' sperimentazzjoni edukattiva fuq it-tfal.  Mat-tfal u maż-żgħażagħ ma tistax tesperimenta.  Dawn mhumiex oġġett ta' sperimentazzjoni f'laboratorju!  L-orrur tal-manipolazzjoni edukattiva li għexna fid-dittatorjati l-kbar u qattiela tas-seklu XX għadhom ma għebux: għadhom attwali taħt forom diversi u moħbijin taħt proposti bl-iskuża tal-modernità, u jimbuttaw lit-tfal  u liż-żgħażagħ biex jimxu fit-triq dittatorjali tal-”ħsieb uniku”.  Ftit aktar minn ġimgħa ilu, edukatur kbir qalli: “Xi kultant lanqas nafu jekk b'dawn il-proġetti (kien qed jirreferi għal proġetti konkreti tal-edukazzjoni) aħniex nibgħatu t-tfal l-iskola jew f'xi kamp ta' ri-edukazzjoni”.

Il-ħidma għad-drittijiet umani titlob li nżommu dejjem ħajja l-formazzjoni antropoloġika, li nkunu mħejjijin tajjeb dwar ir-realtà tal-persuna umana, u nkunu nafu nwieġbu għall-problemi u l-isfidi li qed jagħmlulna l-kulturi kontemporanji u l-mentalità mxerrda mill-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa.  Ovvjamnet dan ms jfissirx li nitkennu f'xi ambjenti protetti, ninħbew wara xi kulturi li llum il-ġurnata mhumiex kapaċi jgħatu l-ħajja, li huma kulturi li għaddha żmienhom....... Le u le, dan mhux tajjeb.  Imma naffrontaw l-isfidi l-ġodda li qed tqiegħed quddiemna l-kultura l-ġdida, bil-valuri pożittivi.  Għalikom dan ifisser li toffru lid-diriġenti u lill-operaturi tagħkom formazzjoni kontinwa dwar l-antropoloġija tat-tfal, għax id-drittijiet u d-dmirijiet huma mibnijin fuq dan il-pedament.  Minnha tiddependi l-impostazzjoni tal-proġetti edukattivi li, ovvjament, jeħtieġ li jkomplu jimxu 'l quddiem, jimmaturaw u jadattaw ruħhom għas-sinjali taż-żmien dejjem bir-rispett lejn l-identità umana u l-libertà tal-kuxjenza.

Grazzi mill-ġdid u nawguralkom il-ħidma t-tajba.

Qed jiġi f'moħħi l-”logo” li kellha l-Kummissjoni għall-Protezzjoni tat-Tfulija u l-Adoloxxenza ta' Buenos Aires u li Norberto jaf tajjeb.  Il-”logo” huwa s-Sagra Familja fuq ħmar li qed jaħrab lejn l-Eġittu biex jiddefendi lit-Tfajjel Ġesù.  Kultant, biex niddefendu, ikun jeħtieġ li naħarbu; kultant ikun meħtieġ li nieqfu biex nipproteġu; kultant ikun meħtieġ nitqabdu.  Imma dejjem hi meħtieġa t-tenerezza.

Grazzi ta' dak kollu li tagħmlu!

 Miġjub ghall-Malti minn Joe Huber.