Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Nirringrazzjakom li ġejtu daqshekk ħafna fl-għadd!  U grazzi tal-festa li biha tajtuni merħba: il-lum hi l-festa tagħkom, il-festa tagħna!  Nirringrazzja lil Mons. Paglia u lil dawk kollha li ħejjew għaliha.  Nirringrazzja b’mod speċjali lill-Papa Emeritu Benedittu XVI tal-preżenza tiegħu.  Jien għidtha kemm-il darba li nħossni wisq kuntent li hu baqa’ jgħix hawn il-Vatikan, għax dan qisu għandek in-nannu għaref id-dar.  Grazzi!

 

Smajt ix-xhieda ta’ xi wħud minnkom, li jippreżentaw esperjenzi komuni għal tant anzjani u nanniet.  Imma waħda minnhom kienet differenti: dik ta’ ħutna li ġejjin minn Qaraqosh, maħruba minn persekuzzjoni vjolenti.  Lilhom kollha flimkien ngħidulhom “grazzi” speċjali!  Kemm hi ħaġa sabiħa li intom ġejtu hawn il-lum: dan hu don għall-Knisja!  U aħna noffrulkom li nkunu qrib tagħkom, it-talb u l-għajnuna konkreta tagħna.  Il-vjolenza fuq l-anzjani hi diżumana, l-istess kif hi dik fuq it-tfal.  Imma Alla ma jitlaqkomx waħidkom, jinsab magħkom!  Bl-għajnuna tiegħu diġà intom u sa tibqgħu tkunu memorja għall-poplu tagħkom; u anki għalina, għall-familja kbira tal-Knisja.  Grazzi!

 

Dawn ħutna huma xhieda ħajja li anki fl-aktar provi iebsin, l-anzjani li għandhom il-fidi huma bħal siġar li jkomplu jagħmlu l-frott.  U dan jgħodd ukoll għas-sitwazzjonijiet l-iżjed ordinarji, fejn, imma, jista’ jkun hemm tentazzjonijiet oħra, u xejriet oħra ta’ diskriminazzjoni.  Mix-xhieda l-oħrajn smajna liema huma xi wħud minn dawn.

 

Ix-xjuħija, b’mod partikulari, hi żmien ta’ grazzja, fejn il-Mulej iġedded is-sejħa li għamlilna: isejħilna biex inħarsu u ngħaddu l-fidi, isejħilna għat-talb, speċjalment dak ta’ interċessjoni; isejħilna biex inkunu qrib ta’ min hu fil-bżonn…  L-anzjani, in-nanniet għandhom il-ħila li jifhmu s-sitwazzonijiet l-aktar diffiċli: ħila kbira!  U meta jitolbu għal dawn is-sitwazzjonijiet, it-talba tagħhom hi qawwija, hi b’saħħitha!

 

F’idejn in-nanniet, li ġew imbierka bil-grazzja li jaraw lil ulied uliedhom (ara Salm 128:6), hi fdata ħidma kbira: li jgħaddu l-esperjenza tal-ħajja, l-istorja ta’ familja, ta’ komunità, ta’ poplu; jaqsmu b’sempliċità l-għerf tagħhom, u l-istess fidi: l-aktar wirt prezzjuż!  Henjin dawk il-familji li għandhom in-nanniet qrib tagħhom!  In-nannu hu missier għal darbtejn u n-nanna hi omm għal darbtejn.  F’dawk il-pajjiżi fejn il-persekuzzjoni reliġjuża kienet kiefra – qed tiġini f’moħħi, ngħidu aħna, l-Albanija, fejn mort il-Ħadd li għadda – f’dawk il-pajjiżi kienu n-nanniet li bil-moħbi ħadu lit-trabi għall-Magħmudija, u għaddewlhom il-fidi.  Bravi!  Kienu qalbiena fi żmien il-persekuzzjoni u salvaw il-fidi f’dawk il-pajjiżi!

 

Imma l-anzjan, in-nannu, in-nanna, mhux dejjem isibu familja li tista’ tilqagħhom.  U għalhekk tajjeb li jkun hemm id-djar ta’ l-anzjani… sakemm ikunu tassew djar, u mhux ħabsijiet!  U jkunu għall-anzjani, u mhux għall-interessi ta’ xi ħadd ieħor!  M’għandux ikun hemm istituti fejn l-anzjani jgħixu minsijin, qishom moħbija, ittraskurati.  Inħossni qrib ta’ tant anzjani li jgħixu f’dawn l-istituti, u grat lejn dawk kollha li jmorru jżuruhom u jieħdu ħsiebhom.  Id-djar għall-anzjani għandhom ikunu l-“pulmuni” ta’ l-umanità ta’ pajjiż, f’lokalità, f’parroċċa; għandhom ikunu “santwarji” ta’ umanità fejn min hu mdaħħal fiż-żmien u dgħajjef jiġi kkurat u mħares qisu kien l-iben jew il-bint il-kbira fil-familja.  Hu ta’ ġid kbir li mmorru nżuru anzjan!  Ħarsu lejn iż-żgħażagħ tagħna: kultant narawhom mitluqa u mdejqa; imorru jżuru anzjan, u jerġgħu jiksbu l-ferħ!

 

Imma teżisti anki r-realtà ta’ l-anzjani mitluqa: kemm drabi l-anzjani jiġu mormija, b’atteġġjamenti ta’ telqa li huma verament ewtanasja moħbija!  Dan hu l-effett ta’ dik il-kultura ta’ l-iskart li qed tagħmel ħsara kbira lid-dinja tagħna.  Jiġu mormija t-trabi u t-tfal, jiġu mormija ż-żgħażagħ, għax bla xogħol, u jiġu mormija l-anzjani bl-iskuża li rridu nżommu għaddejja sistema ekonomika “ibbilanċjata”, li fiċ-ċentru tagħha m’għandhiex il-persuna umana, imma l-flus.  Aħna lkoll imsejħin neħduha kontra din il-kultura velenuża ta’ l-iskart!

 

Aħna l-Insara, flimkien mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, aħna msejħa nibnu bis-sabar soċjetà differenti, li kapaċi iżjed tilqa’, hi iżjed umana, iżjed inklużiva, li m’għandhiex bżonn tarmi lil min hu dgħajjef fil-ġisem u fil-moħħ, anzi, soċjetà li tkejjel il-“pass” tagħha propju fuq dawn il-persuni.

 

Bħala Nsara u bħala ċittadini, aħna msejħin nistħajlu, b’fantasija u għerf, it-toroq li bihom nistgħu naffrontaw din l-isfida.  Poplu li ma jiħux ħsieb tan-nanniet u ma jittrattahomx tajjeb hu poplu bla futur!  Għaliex bla futur?  Għax qed jitlef il-memorja, u qed jinqata’ mill-istess għeruq tiegħu.  Imma attenti: intom għandkom ir-responsabbiltà li żżommu ħajjin dawn l-għeruq ġo fikom stess!  Bit-talb, bil-qari tal-Vanġelu, l-għemejjel ta’ ħniena.  Hekk nibqgħu bħal siġar ħajjin, li lanqas fix-xjuħija ma jieqfu li jagħmlu l-frott.  Waħda mill-isbaħ affarijiet fil-ħajja tal-familja, fil-ħajja umana tagħna ta’ familja, hi li mmellsu tarbija ċkejkna u li nħallu jmellsuna n-nannu jew in-nanna.  Grazzi!

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard