Sinjuri Ambaxxaturi,

għandi pjaċir nilqagħkom fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni tal-Ittri li bihom intom ġejtu akkreditati bħala Ambaxxaturi straordinarji u plenipotenzjarji tal-Pajjiżi rispettivi tagħkom għas-Santa Sede: l-Isvizzera, il-Liberija, l-Ejtopja, is-Sudan, il-Ġamajka, l-Afrika t’Isfel u l-Indja.  Inħossni rikonoxxenti lejkom għad-disponibbiltà tagħkom biex tibdew din il-missjoni u nitlobkom twasslu l-gratitudni u r-rispett tiegħi lill-Kapijiet tal-Istati tal-pajjiżi tagħkom.  Lilhom u lil kull wieħed minnkom niżgurakom li nitfakar fikom fit-talb tiegħi u għan-Nazzjonijiet tagħkom nitlob ‘l Alla li jista’ kollox biex itikom bl-abbundanza l-prosperità u l-paċi.

Il-paċi.  Din il-kelma tiġbor fiha il-tajjeb kollu li taspira għalih kull persuna kif ukoll is-soċjetajiet umani kollha.  Fl-aħħar mill-aħħar, anki l-impenn tagħna li nsaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi m’għandu ebda skop ieħor ħlief dan: li nkattru fil-familja umana il-paċi fl-iżvilupp u l-ġustizzja.  Dan hu għan li qatt ma naslu għall-milja sħiħa tiegħu, u jitlob li kull ġenerazzjoni tibqa’ dejjem tiġġedded u tfittex li tilħqu billi taffronta l-isfidi li tqiegħed quddiemha kull epoka.

Meta nħares lejn l-isfidi li ż-żmien tagħna jurina li hemm urġenza li naffrontawhom biex nibnu dinja aktar paċifika, irrid niġbed l-attenzjoni fuq tnejn: it-traffikar tal-armi u l-migrazzjoni sfurzata.

Kulħadd jitkellem dwar il-paċi, kulħadd jiddikjara li jridha, imma sfortunatament, it-tixrid tal-armamenti ta’ kull xorta qed imexxina lejn il-maqlub ta’ dan.  Il-kummerċ tal-armi qiegħed jikkomplika u jbiegħed is-soluzzjoni tal-kunflitti, l-aktar għaliex dan iseħħ u jitkattar fil-biċċa l-kbira tal-każi, il barra mill-qafas legali.

Għaldaqstant insostni li, waqt li aħna miġburin f’din is-Sede Appsotolika, li min-natura tagħha hi responsabbli għal servizz speċjali lejn il-kawża tal-paċi, nistgħu ngħaqqdu leħinna flimkien biex nawguraw li l-komunità internazzjonali tiftaħ staġun ġdid ta’ mpenn maqbul u kuraġġuż kontra t-tkattir tal-armamenti u biex dawn jitnaqqsu.

Sfida oħra għall-paċi li tinsab taħt għajnejna, u, sfortunatament, f’ċerti reġjuni u f’ċerti waqtiet qed issir verament traġedja umana, hija dik tal-migrazzjoni sfurzata.  Dan hu fenomenu kumplikat ħafna u jeħtieġ nirrikonoxxu li min-naħa ta’ Organiżżazzjonijiet internazzjonali, Stati, għaqdiet soċjali kif ukoll komunitajiet reliġjużi u tal-volontarjat, qed isiru sforzi kbar biex iwieġbu b’mod ċivili u organiżżat għall-aspetti l-aktar kritiċi, għall-emerġenzi, għas-sitwazzjonijiet fejn l-għajnuna hi l-aktar meħtieġa.   Imma anki hawn nindunaw li ma nistgħux nillimitaw ruħna li nibqgħu niġru biss wara l-emerġenzi.  Issa, il-fenomenu qed jidher fil-firxa kollha tiegħu u fil-karattru tiegħu, biex ngħidu hekk, epokali.  Wasal il-waqt li rridu naffrontawh b’politika serja u responsabbli li tinvolvi lil kulħadd: globalment, fuq livell ta’ kontineti, macro-reġjuni, relazzjonijiet bejn in-Nazzjonijiet, sal-livell nazzjonali u lokali.

F’dal qasam aħna nistgħu nosservaw esperjenzi li huma opposti għal xulxin.  Min-naħa, stejjer ta’ umanità stupendi, stejjer ta’ laqgħat, akkoljenza; persuni u familji li rnexxilhom joħorġu minn realtajiet diżumani u sabu d-dinjità, il-libertà, il-ħarsien.  Min-naħa l-oħra, sfortunatament, hemm stejjer li jbikkuna u jġegħluna nistħu: bnedmin ħutna, ulied Alla, li, mbuttati mix-xewqa li jgħixu u jaħdmu fil-paċi, jaffrontaw vjaġġi massakranti imma jisfaw vittmi ta’ rikatti, torturi, inġustizzji ta’ kull xorta, biex imbagħad jispiċċaw mejta jew fid-deżert jew f’qiegħ il-baħar.

Il-fenomenu tal-migrazzjoni sfurzata hu marbut bil-kbir ma’ sitwazzjonijiet ta’ kunflitti u gwerrer, u għalhekk anki mal-problema tal-proliferazzjoni tal-armi li tkellimt dwarha qabel.  Dawn huma ġrieħi ta’ dinja li hi d-dinja tagħna, li fiha qiegħdna Alla biex ngħixu llum u li fiha jsejħilna biex inkunu responsabbli ta’ ħutna ħalli ebda persuna umana ma jkollha d-dinjità tagħha ipprofanata.  Tkun kontradizzjoni assurda li nitkellmu dwar il-paċi, ninnegozjaw il-paċi u fl-istess waqt, nippromwovu u nħallu għaddej il-kummerċ tal-armi.  Nistgħu ngħidu ukoll li jkun atteġġjament ċiniku f’ċertu sens, li nipproklamaw id-drittijiet umani u fl-istess ħin ninjoraw jew ma nieħdux responsabbiltà ta’ rġiel u nisa li, wara li jsibu ruħhom imġegħlin jitilqu minn djarhom u artijiethom, jitilfu ħajjithom fil-vjaġġ jew ma jsibux akkoljenza fis-solidarjetà internazzjonali.

Sinjuri Ambaxxaturi, illum is-Santa Sede tiddikjara lilkom u lill-gvernijiet tal-pajjiżi rispettivi tagħkom, ir-rieda sħiħa li tkompli tikkollabora, sabiex isiru passi ‘l quddiem f’dawn is-setturi u fit-toroq kollha li jwasslu għall-ġustizzja u għall-paċi, kollox mibni fuq id-drittijiet umani li jgawdu l-għarfien universali.

Fil-ħin li intom qiegħdin tinawguraw il-missjoni tagħkom, nagħtikom l-awguri minn qiegħ qalbi u niżgurakom li ssibu l-kollaborazzjoni tal-Kurja Rumana biex intom taqdu l-funzjonijiet tagħkom.  U filwaqt li nesprimi mill-ġdid ir-rikonoxxenza tiegħi lejkom, minn qalbi nsejjaħ fuqkom, fuq il-kollaboraturi tagħkom u fuq il-familji tagħkom, Barkiet Divini abbundanti.  Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber