Għeżież ħbieb tal-Azzjoni Kattolika, l-għodwa t-tajba!

 

Qed nieħu pjaċir ħafna niltaqa’ magħkom illum, hekk numerużi u fi spirtu ta’ festa għall-150 anniversarju mit-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tagħkom. Insellmilkom kollha minn qalbi, ibda mill-Assistent Ġenerali u mill-President Nazzjonali, li nirringrazzjah tal-kelmiet li bihom introduċa din il-laqgħa. It-twelid tal-Azzjoni Kattolika Taljana kien ħolma, li tnisslet mill-qalb ta’ żewġ żgħażagħ, Mario Fani u Giovanni Acquaderni, li maż-żmien sar mixja ta’ fidi għal ħafna ġenerazzjonijiet, vokazzjoni għall-qdusija għal ħafna u ħafna persuni: adolexxenti, żgħażagħ u adulti li saru dixxipli ta’ Ġesù u, għalhekk, ippruvaw jgħixu bħala xhieda hienja ta’ mħabbtu fid-dinja. Anki għalija hi xi ħaġa ta’ ġewwa: missieri, nannti, kienu fl-Azzjoni Kattolika!

 

Hi storja sabiħa u importanti, li għaliha għandkom ħafna raġunijiet għaliex troddu ħajr lill-Mulej u l-Knisja hi rikonoxxenti. Hi l-istorja ta’ poplu msawwar minn irġiel u nisa ta’ kull età u qagħda, li komplew jibnu fuq ix-xewqa tagħhom li jgħixu flimkien il-laqgħa tagħhom mal-Mulej: żgħar u kbar, lajċi u ragħajja, flimkien, hi x’inhi l-qagħda soċjali, il-preparazzjoni kulturali, il-post mnejn ġejjin. Fidili lajċi li f’kull żmien qasmu ma’ xulxin it-tiftixa tat-toroq li minnhom riedu jgħaddu biex ixandru b’ħajjithom il-ġmiel tal-imħabba ta’ Alla u jikkontribwixxu, bl-impenn u l-kompetenza tagħhom, għall-bini ta’ soċjetà iżjed ġusta, iżjed fraterna, iżjed solidali. Hi storja ta’ passjoni għad-dinja u għall-Knisja – qed niftakar f’meta kellimtkom fuq ktieb miktub l-Arġentina fis-sena 1937 li kien jgħid: “Azzjoni Kattolika u passjoni Kattolika”! – u f’din l-istorja kibru figuri mdawla ta’ rġiel u nisa ta’ fidi, li qdew lill-pajjiż b’ġenerożità u kuraġġ.

 

Imma li jkollok storja sabiħa wara spallejk mhux qiegħed biex timxi b’għajnejk iħarsu lura, mhux qiegħed biex toqgħod tħares lejn il-mera, mhux qiegħed biex toqgħod komdu mxaħxaħ fil-pultruna! Tinsewhx dan: timxux b’għajnejkom iħarsu lura, għax taħbtu ġo xi ħajt! Toqogħdux tħarsu lejn il-mera! Hawn ħafna minna koroh, aħjar ma noqogħdux inħarsu lejna nfusna! U toqogħdux komdi f’pultruna, għax dan iħaxxinkom u ħażin għall-kolesterol! Li niftakru fil-mixja twila ta’ ħajja jgħinna nagħrfu li aħna poplu li jimxi billi jieħu ħsieb ta’ kulħadd, jgħin lil kulħadd u jikber umanament u fil-fidi, billi jaqsam il-ħniena li biha l-Mulej iżiegħel bina. Inħeġġiġkom tibqgħu poplu ta’ dixxipli-missjunarji li tgħixu u tagħtu xhieda tal-ferħ li tafu li l-Mulej iħobbna bi mħabba bla qies, u li flimkien miegħu nħobbu bil-qawwa l-istorja li fiha ngħixu. Hekk għallmuna x-xhieda kbar ta’ qdusija li mxew fit-triq tal-assoċjazzjoni tagħkom, li fosthom nixtieq infakkar lil Giuseppe Toniolo, Armida Barelli, Piergiorgio Frassati, Antonietta Meo, Teresio Olivelli, Vittorio Bachelet. Azzjoni Kattolika, agħmel ġieħ lill-istorja tiegħek! Tagħmilx għajb lil dawn in-nisa u rġiel li ġew qablek.

 

F’dawn il-mija u ħamsin sena l-Azzjoni Kattolika dejjem kienet ikkaratterizzata minn imħabba kbira għal Ġesù u għall-Knisja. Illum ukoll intom imsejħin timxu fil-vokazzjoni partikulari tagħkom billi tkunu ta’ qadi għad-djoċesijiet tagħkom, madwar l-Isqfijiet – dejjem –, u fil-parroċċi – dejjem –, hemm fejn il-Knisja tgħix f’nofs in-nies – dejjem. Il-Poplu kollu ta’ Alla jgawdi mill-frott ta’ din l-għotja tagħkom, li intom tgħixu f’armonija bejn il-Knisja universali u l-Knisja partikulari. Hu fil-vokazzjoni tipikament lajkali għal qdusija li tingħax fil-ħajja ta’ kuljum li tistgħu ssibu l-qawwa u l-kuraġġ biex tgħixu l-fidi billi tibqgħu hemm fejn tinsabu, u tagħmlu mill-akkoljenza u d-djalogu l-istil li bih tersqu qrib ta’ xulxin, idduqu l-ġmiel ta’ responsabbiltà maqsuma. Tehdew qatt timxu toroq li bihom possibbli tkabbru l-istil ta’ sinodalità awtentika, mod kif tkunu Poplu ta’ Alla fejn kull wieħed u waħda jista’ jikkontribwixxi għal qari attent, meditat, u fi spirtu ta’ talb tas-sinjali taż-żminijiet, biex tifhmu u tgħixu r-rieda ta’ Alla, ċerti li l-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu taħdem u ta’ kuljum iġġedded kollox.

 

Nistedinkom tkomplu mexjin bl-esperjenza appostolika tagħkom b’għeruqha fil-parroċċa, li “mhix xi struttura b’jiemha magħduda” – fhimtuha sewwa? Il-parroċċa mhix struttura li waslet biex tispiċċa! –, għax “hi l-preżenza tal-Knisja f’territorju, l-imkien fejn tinstema’ l-Kelma, fejn tikber il-ħajja Nisranija, fejn isiru d-djalogu, it-tħabbira, l-imħabba ġeneruża, l-adorazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 28). Il-parroċċa hi l-ispazju li fih il-persuni jistgħu jħossuhom milqugħa hekk kif inhuma, u jistgħu jsibu min jimxi magħhom f’toroq ta’ maturazzjoni umana u spiritwali biex jikbru fil-fidi u fl-imħabba għall-ħolqien u għall-aħwa. Imma dan iseħħ biss jekk il-parroċċa ma tingħalaqx fiha nfisha, jekk anki l-Azzjoni Kattolika li tgħix fil-parroċċa ma tingħalaqx fiha nfisha, imma tgħin lill-parroċċa biex tibqa’ “f’kuntatt mal-familji u mal-ħajja tal-poplu u ma ssirx struttura li tintilef f’ħafna diskors imma mbagħad hi maqtugħa min-nies, jew grupp ta’ magħżulin li moħħhom biss fihom infushom” (ibid.). Nitlobkom, tagħmlux hekk!

 

Għeżież membri tal-Azzjoni Kattolika, kull inizjattiva tagħkom, kull proposta, kull mixja ħa tkun esperjenza missjunarja, iddestinata għall-evanġelizzazzjoni, u mhux biex taraw kif ħa żżommu lilkom infuskom ħajjin. Intom parti mid-djoċesi u mill-parroċċa, u dan għandu jitlaħħam fit-toroq tal-belt, fil-kwartieri u fl-irħula u l-lokalitajiet. Kif seħħ tul dawn il-mija u ħamsin sena, ħossu tagħfas qawwija fuqkom ir-responsabbiltà li xxerrdu ż-żerriegħa t-tajba tal-Vanġelu fil-ħajja tad-dinja, permezz tal-qadi tal-karità, l-impenn politiku, – idħlu fil-politika, imma nitlobkom, fil-politika l-kbira, fil-Politika bil-p kbira! – permezz ukoll tal-passjoni edukattiva u s-sehem tagħkom fil-konfront kulturali. Wessgħu qalbkom biex twessgħu l-qalb tal-parroċċi tagħkom. Kunu vjaġġaturi tal-fidi fit-toroq, biex tiltaqgħu ma’ kulħadd, tilqgħu lil kulħadd, tisimgħu lil kulħadd, tgħannqu lil kulħadd. Kull ħajja hi ħajja maħbuba mill-Mulej, kull wiċċ jikxfilna l-wiċċ ta’ Kristu, speċjalment dak tal-fqir, ta’ min hu miġruħ mill-ħajja u ta’ min iħossu abbandunat, ta’ min jaħrab mill-mewt u jfittex il-kenn fost id-djar tagħna, fl-ibliet tagħna. “Ħadd m’għandu jħossu meħlus milli jħabrek għall-foqra u għall-ġustizzja soċjali” (ibid., 201).

 

Ibqgħu miftuħa għar-realtà ta’ madwarkom. Fittxu bla biża’ d-djalogu ma’ min jgħix biswitkom, anki ma’ min jaħsibha differenti minnkom imma bħalkom hu mxennaq għall-paċi, għall-ġustizzja, għall-imħabba tal-aħwa. Hu fid-djalogu li tistgħu tippjanaw futur maqsum bejnietkom. Hu permezz tad-djalogu li nibnu l-paċi, billi nieħdu ħsieb ta’ kulħadd u niddjalogaw ma’ kulħadd.

 

Għeżież adolexxenti, żgħażagħ u adulti tal-Azzjoni Kattolika: morru, ilħqu l-periferiji kollha! Morru, u kunu Knisja hemmhekk, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

 

Iweżinkom il-ħarsien ta’ omm tal-Verġni Immakulata; iseħbukom l-inkuraġġiment u l-istima tal-Isqfijiet; kif ukoll il-Barka tiegħi li minn qalbi nagħti lilkom u lill-Assoċjazzjoni kollha. U nitlobkom, tinsewx titolbu għalija!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard