Għeżież ħbieb tal-Azzjoni Kattolika,

Nagħtikom merħba lilkom ilkoll, li tirrappreżentaw din ir-realtà ekkleżżjali sabiħa! Insellem lill-parteċipanti fl-Assemblea Nazzjonali, il-Presidenti Parrokkjali, l-Assistenti u l-ħbieb tal-Azzjoni Kattolika minn pajjiżi oħra. Insellem lill-President Franco Miano u nirringrazzjah tal-preżentazzjoni li għamel u lill-Assistent Ġenerali l-ġdid, Mons. Mansueto Bianchi  u nawguralu kull ġid fil-missjoni ġdida tiegħu u lill-predeċussur tiegħu Mons. Domenico Sigalini, li tant ħadem. Nirringrazzjah għad-dedikazzjoni li biha serva lill-Azzjoni Kattolika għal tant snin. Tislima speċjali tmur għall-Kardinal Angelo Bagnasco, President tal-Konferenza Episkopali Taljana u għas-Segretarju Ġenerali Mons. Nunzio Galantino.

It-tema tal-Assemblea tagħkom, “Persuni ġodda fi Kristu Ġesù, korresponsabbli tal-ferħ li tgħix”, tinkwadra tajjeb f’dan iż-żmien tal-Għid, li huwa żmien ta’ ferħ. Huwa l-ferħ tad-dixxipli fil-laqgħa tagħhom ma’ Kristu Rxoxt, li għandu jkun interjorizzat fi stil li kapaċi jevanġelizza u li kapaċi jimmarka ħajjitna. Fil-kuntest soċjali u ekkleżjali attwali , intom, lajċi tal-Azzjoni Kattolika, imsejħin biex iġġeddu l-għażla missjunarja, miftuħin għall-orizzonti li l-Ispirtu Santu jindika lill-Knisja u li tesprimu żgħożija ġdida ta’ apostolate lajkali. Din hi l-għażla missjunarja: kollox minn perspettiva missjunarja, kollox.Hija l-paradigma tal-Azzjoni Kattolika: il-paradigma missjunarja. Din hija l-għażla li l-Azzjoni Kattolika qed tagħmel illum. Dan jgħodd fuq kollox għall-parroċċi, speċjalment dawk li qed juru li huma għajjenin u magħluqin – u hemm ħafna minn dawn. Parroċċi għajjenin, parroċċi magħluqa... u hemm ħafna minn dawn! Meta nsellem lis-Segretarji Parrokkjali, nistaqsihom: “Imma int segretarja minn dawk li jiftħu l-bibien jew minn dawk li jagħlqu l-bibien? Dawn il-parroċċi għandhom bżonn l-entużjażmu appostoliku tagħkom, tad-disponibiltà sħiħa tagħkom u tas-servizz kreattiv tagħkom. Dan ifisser li jrid ikollna d-dinamiżmu missjunarju biex nilħqu lil kulħadd, b’attenzjoni speċjali għal dawk li jħossuhom ‘il bogħod u dawk li huma l-iktar bla saħħa u minsija fil-popolazzjoni. Ifisser li niftħu l-bibien u nħallu lil Ġesù joħroġ. Ħafna drabi għandna lil Ġesù magħluq magħna fil-parroċċi, u ma noħorġux  u ma nħallux l-anqas Lilu joħroġ! Iftħu l-bibien biex almenu joħroġ Hu!  Qed nitkellmu dwar Knisja “Ħierġa”: Knisja dejjem ħierġa.

Dan l-istil ta’ evanġelizzazzjoni, animat minn passjoni qawwijja lejn il-ħajja tan-nies, huwa partikolarment addattat għall-Azzjoni Kattolika, magħmula minn lajċi li fuq livell djoċesan huma korresponsabbli u jaħdmu f’għaqda sħiħa mar-Rgħajja tagħhom. F’dan l-aspett, tgħin ħafna l-popolarità tal-Għaqda tagħkom, li fil-ħidma intraekklezzjali taf tgħaqqad dawn l-elementi biex tbiddel is-soċjetà u tindirizzaha lejn dak li hu tajjeb.Ħsibt li ngħaddilkom tliet verbi li jistgħu jindikawlkom it-triq fil-mixja tagħkom.  

L-ewwel wieħed hu: ibqgħu. Mhux tibqgħu magħluqin, le. F’liema sens tibqgħu? Tibqgħu ma’  Ġesù, tibqgħu biex tgawdu l-kumpanija tiegħu. Biex tkunu ħabbara u xhieda ta’ Kristu hemm bżonn li qabel xejn tibqgħu viċin Tiegħu. Huwa mil-laqgħa tagħna Miegħu li l-ħajja tagħna u l-ferħ tagħna, li x-xhieda tagħna tieħu kuljum tifsira ġdida u qawwa ġdida. Nibqgħu f’ Ġesù, nibqgħu  ma’  Ġesù.

It-tieni verb: morru. Qatt Azzjoni Kattolika wieqfa, jekk jogħġobkom! Tiqfux: morru! Morru fit-toroq tal-ibliet tagħkom u tal-Pajjiżi tagħkom, u ħabbru li Alla hu Missier u li Ġesù Kristu għarrafulkom  u minħabba dan ħajjitkom tbiddlet: tistgħu tgħixu ta’ aħwa, ġewwa fikom għandkom tama li ma tqarraqx bikom. Hemm fikom ix-xewqa li twasslu l-Kelma t’Alla sa l-aktar truf imbegħda, u b’hekk intom qed iġġeddu l-impenn tagħkom li tiltaqgħu mal-bniedem hemm fejn jinsab, hemm fejn ibati, hemm fejn jittama, hemm fejn iħobb u jemmen, hemm fejn jinsab il-ħolm l-aktar profound tiegħu, il-mistoqsijiet veri tiegħu, ix-xewqat ta’ qalbu.Hemm jistenniekom Ġesù. Dan tfisser: oħorġu. Dan tfisser: toħroġ, tmur ‘l barra.

U fl-aħħarnett,ifirħu. Ifirħu u thennew dejjem fil-Mulej! Kunu persuni li jkantaw il-ħajja, li jkantaw il-fidi. Dan huwa important: mhux biss ngħidu l-Kredu, nistqarru l-fidi, nafu l-fidi imma inkantaw il-fidi! Hekk hu. “Tkanta l-fidi” jfisser tistqarr il-fidi, tgħix il-fidi bil-ferħ. U dan mhux jien qed ngħidu! Dan qalu Santu Wistin 1600 sena ilu: “tkanta l-fidi”! Persuni li kapaċi  jagħrfu t-talenti tagħhom u l-limitazzjonijiet tagħhom, li jafu jaraw, jum wara jum, anki f’dawk mudlama, is-sinjali tal-preżenza tal-Mulej. Ifirħu għax il-Mulej sejħilkom biex tkunu korresponsabbli fil-missjoni tal-Knisja tiegħu. Ifirħu għax f’din il-mixja m’intomx waħedkom: hemm il-Mulej jakkumpanjakom, hemm l-Isqfijiet u s-saċerdoti li jsostnukom, hemm il-komunitajiet parrokjali tagħkom, il-komunitajiet djoċesani li magħhom timxu l-mixja tagħkom. M’intomx waħedkom!

B’dawn it-tliet atteġġjamenti , li tibqgħu fi Kristu, li tmorru sal-konfini u li tgħixu l-ferħ tal-fatt li intom kristjani, tistgħu tgħixu l-vokazzjoni tagħkom u tevitaw it-tentazzjoni tas-“skiet”, li m’għandha xejn x’taqsam ma’ li nibqgħu fi Kristu; tevitaw it-tentazzjoni tal-għeluq u tal-intimiżmu (l-attitudni ta' min jieħu gost jingħalaq fil-kwiet ta' daru bla ma jħabbtu ħadd), li hi tant mifhuma ħażin u diżgustanti daqskemm hi ħelwa, dik tal-intimiżmu … U jekk intom tmorru, ma taqgħux f’din it-tentazzjoni  U anki evitaw it-tentazzjoni ta’ serjetà formali. Meta tibqgħu fi Kristu, tmorru sat-truf imbegħda, tgħixu l-ferħ u tevitaw dawn it-tentazzjonijiet tevitaw li ħajjitkom issir tixbaħ iktar lil statwi f’mużew milli ħajja ta’ persuni imsejħa minn Ġesù biex tgħixu u xxerrdu l-ferħ tal-Vanġelu. Jekk tridu tisimgħu mill-parir tal-Assistent Ġenerali tagħkom – tant hu manswet, għaliex ismu stess huwa manswet, jismu Mansueto! – jekk tixtiequ tieħdu l-parir teigħu, kunu ħmir żgħar imma qatt statwi ta’ mużew, qatt!

Nitolbu l-Mulej, li jagħti lil kull wieħed u waħda minna, għajnejn li jkunu jafu jaraw  lill-hinn mill-apparenzi; widnejn li jafu jisimgħu twerżiq, tpespis u anki silenzji; idejn li jafu jwieżnu, jgħannqu, jindokraw. Fuq kollox nitolbu qalb kbira u ħanina, li tixtieq il-ġid u s-salvazzjoni ta’ kulħadd. Marija Immakulata u anki l-barka tiegħi jakkompanjawkom tul il-mixja tagħkom. U nirringrazzjakom għax naf li titolbu għalija!

Issa nistedinkom titolbu lill-Madonna, li hi l-Omm tagħna, biex takkompanjana f’din il-mixja. Il-Madonna dejjem marret wara Ġesù, sal-aħħar, baqgħet takkompanjah. Nitolbuha  takkompanjana dejjem fil-mixja tagħna, din il-mixja ta’ ferħ, din il-mixja biex noħorġu, din il-mixja biex nibqgħu ma’ Ġesù.

Sliema għalik, …

 

Miġjub għqall-Malti minn Ninette Borg Grech.