TIFKIRA TAL-50 ANNIVERSARJU

MIT-TWAQQIF TAS-SINODU TA’ L-ISQFIJIET

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Awla Pawlu VI

Is-Sibt 17 ta’ Ottubru 2015

Beatitudinijiet, Eminenzi, Eċċellenzi, Ħuti,

 

Waqt li bħalissa għaddejja fl-aqwa tagħha l-Assemblea Ġenerali Ordinarja, it-tifkira tal-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet hi għalina lkoll motiv ta’ ferħ, ta’ ġieħ u ta’ radd il-ħajr lill-Mulej.  Mill-Konċilju Vatikan II sa din l-Assemblea, ħassejna b’mod dejjem iżjed intens il-ħtieġa u l-ġmiel li “nimxu flimkien”.

 

F’din l-okkażjoni ta’ ferħ nixtieq insellem minn qalbi lill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Lorenzo Baldisseri, Segretarju Ġenerali, mas-Sotto-Segretarju l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Fabio Fabene, l-Uffiċċjali, il-Konsulturi u l-Kollaboraturi l-oħra tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, dawk moħbija, li jagħmlu x-xogħol ta’ kuljum sa tard fil-għaxija.  Flimkien magħhom, insellem u rrodd ħajr tal-preżenza tagħhom lill-Padri Sinodali u l-Parteċipanti l-oħra ta’ l-Assemblea li qed tiltaqa’ bħalissa, kif ukoll lil dawk kollha preżenti f’din l-Awla.

 

F’dan il-mument nixtiequ niftakru wkoll f’dawk li, matul dawn il-ħamsin sena, ħadmu għas-servizz tas-Sinodu, ibda mis-Segretarji Ġenerali wieħed wara l-ieħor: il-Kardinali Władysław Rubin, Jozef Tomko, Jan Pieter Schotte u l-Arċisqof Nikola Eterović.  Napprofitta minn din l-okkażjoni biex nesprimi minn qalbi l-gratitudni tiegħi lejn dawk, ħajjin u mejtin, li taw sehemhom b’impenn ġeneruż u kompetenti fl-iżvolġiment tal-ħidma sinodali.

 

Sa mill-bidu tal-ministeru tiegħi bħala Isqof ta’ Ruma ridt nagħti iktar valur lis-Sinodu, li hu wirt mill-aktar prezzjuż ta’ l-aħħar ġemgħa Konċiljari.[1]  Għall-Beatu Pawlu VI, is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet kellu jipproponi mill-ġdid ix-xbieha tal-Konċilju ekumeniku u jirrifletti l-ispirtu u l-metodu tiegħu.[2]  L-istess Papa xtaq li l-organiżmu sinodali “mal-medda taż-żmien jiġi pperfezzjonat iktar”.[3]  Kliemu tennieh bħal f’eku, għoxrin sena wara, San Ġwanni Pawlu II, meta afferma li “forsi din l-għodda tista’ tittejjeb iktar.  Forsi r-responsabbiltà pastorali kolleġġjali tista’ tesprimi ruħha fis-Sinodu b’mod iżjed sħiħ”.[4]  Fl-aħħar nett, fl-2006, Benedittu XVI approva xi tibdil żgħir fl-Ordo Synodi Episcoporum, anki fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku u tal-Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali, li kien ġew ippromulgati.[5]

 

Għandna nibqgħu mexjin f’din it-triq.  Id-dinja li fiha qed ngħixu, u li aħna msejħin inħobbu u naqdu anki fil-kontradizzjonijiet tagħha, titlob mill-Knisja li ssaħħaħ is-sinerġiji fl-oqsma kollha tal-missjoni tagħha.  Il-mixja tas-sinodalità hi sewwa sew il-mixja li Alla jistenna mill-Knisja tat-tielet millennju.

 

***

 

Dak li l-Mulej jitlob minna, f’ċertu sens, diġà jinsab kollu miġbur fil-kelma “Sinodu”.  Li nimxu flimkien – Lajċi, Ragħajja, Isqof ta’ Ruma – hu kunċett faċli biex nesprimuh bil-kliem, imma mhux daqshekk faċli biex inqegħduh fil-prattika.

 

Wara li jisħaq li l-Poplu ta’ Alla hu magħmul mill-imgħammdin kollha msejħa biex “ikunu tempju spiritwali u saċerdozju qaddis”,[6] il-Konċilju Vatikan II jipproklama li “il-ġemgħa tal-fidili li għandhom l-unzjoni minn Alla l-Qaddis (1 Ġw 2:20,27) ma tistax tiżbalja fit-twemmin.  Hija turi din in-nota karatteristika permezz tas-sens sopranaturali tal-fidi tal-poplu kollu meta l-fidili kollha mill-isqfijiet sa l-anqas fost il-lajċi jagħtu l-kunsens tagħhom fi ħwejjeġ ta fidi u ta morali”.[7]  Dak il-famuż “in credendo” infallibbli.

 

Fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium sħaqt li “il-Poplu ta’ Alla hu qaddis minħabba f’din id-dilka li tagħmlu infallibbli ‘in credendo’”,[8] waqt li żidt ngħid li “kull mgħammed, hi x’inhi l-funzjoni tiegħu fil-Knisja u l-grad ta’ tagħlim tal-fidi tiegħu, hu suġġett attiv ta’ evanġelizzazzjoni, u ma jkunx f’loku naħsbu fi skema ta’ evanġelizzazzjoni mwettqa minn atturi kwalifikati fejn il-bqija tal-poplu tal-fidili jkun biss qed jirċievi l-azzjoni tagħhom”.[9]  Is-sensus fidei iżommna milli b’mod riġidu nifirdu bejn Ecclesia docens u Ecclesia discens, ladarba anki l-Merħla kapaċi “ixxomm” u tiddixxerni t-toroq ġodda li l-Mulej jiftaħ quddiem il-Knisja.[10]

 

Kienet din il-konvinzjoni li mexxietni meta wrejt ix-xewqa li l-Poplu ta’ Alla jiġi kkonsultat fit-tħejjija għall-appuntament doppju tas-Sinodu fuq il-familja, kif isir u sar is-soltu b’kull “Lineamenta”.  Ċertament, konsultazzjoni bħal din bl-ebda mod ma tista’ tkun biżżejjed biex inħossu s-sensus fidei.  Imma kif stajna nitkellmu fuq il-familja mingħajr ma nistaqsu lill-framilji, nisimgħu x’inhuma l-ferħ u t-tamiet tagħhom, l-uġigħ u t-tbatijiet tagħhom?[11]  Fit-tweġibiet għaż-żewġ kwestjonarji mibgħuta lill-Knejjes partikulari, kellna l-possibbiltà li nisimgħu ta’ l-inqas lil xi wħud minnhom dwar il-kwistjonijiet li jmissuhom mill-qrib u li fuqhom għandhom tant x’jgħidu.

 

Knisja sinodali hi Knisja li tisma’, għax taf li s-smigħ “hu iktar milli sempliċi tisma’ b’widnejk”.[12]  Hu smigħ reċiproku fejn kulħadd għandu x’jitgħallem.  Poplu fidil, Kulleġġ episkopali, Isqof ta’ Ruma: wieħed jisma’ lill-ieħor; u kulħadd jisma’ lill-Ispirtu s-Santu, l-“Ispirtu tal-verità” (Ġw 14:17), biex jagħraf dak li Hu “jgħid lill-Knejjes” (Apok 2:7).

 

Is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet hu fejn jiltaqgħu l-aspetti kollha ta’ dan id-dinamiżmu ta’ smigħ fuq kull livell ta’ ħajjet il-Knisja.  Il-mixja sinodali tibda bis-smigħ tal-Poplu, li “hu wkoll għandu sehem mill-funzjoni profetika ta’ Kristu”,[13] skond prinċipju għażiż għall-Knisja sa mill-ewwel seklu: Quod omnes tangit ab omnibus tractari debet.  Is-Sinodu jkompli l-mixja tiegħu billi nagħtu widen għal dak li jgħidulna r-Ragħajja.  Permezz tal-Padri Sinodali, l-Isqfijiet jaġixxu bħala ħarriesa awtentiċi, interpreti u xhieda tal-fidi tal-Knisja kollha, li għandhom b’attenzjoni jagħrfu jagħżlu ruħhom mill-kurrenti ta’ l-opinjoni pubblika li spiss jinbidlu.  Lejlet is-Sinodu tas-sena l-oħra għidt: “Qabel xejn, lill-Ispirtu s-Santu nitolbuh jagħti lill-Padri Sinodali d-don tas-smigħ: smigħ ta’ Alla, sa ma jaslu biex flimkien miegħU jisimgħu l-karba tal-poplu; smigħ tal-poplu, sa ma jaslu biex jieħdu l-istess nifs tar-rieda li Alla jsejħilna għaliha”.[14]  Fl-aħħar nett, il-mixja sinodali tilħaq il-qofol tagħha fis-smigħ ta’ l-Isqof ta’ Ruma, imsejjaħ jitkellem bħala “Ragħaj u Għalliem ta’ l-Insara kollha”:[15] mhux skond il-konvinzjonijiet personali tiegħu, imma bħala l-ogħla xhud tal-fides totius Ecclesiæ, il-garanti ta’ l-ubbidjenza u tat-twaħħid tal-Knisja mar-rieda ta’ Alla, mal-Vanġelu ta’ Kristu u mat-Tradizzjoni tal-Knisja”.[16]

 

Il-fatt li s-Sinodu jaġixxi dejjem cum Petro et sub Petro – jiġifieri mhux biss cum Petro, imma wkoll sub Petro – m’hux limitazzjoni tal-libertà, imma garanzija ta’ l-għaqda.  Fil-fatt il-Papa hu, b’rieda tal-Mulej, “il-prinċipju perpetwu u viżibbli ta l-unità bejn l-isqfijiet u tal-ġemgħa tal-fidili”.[17]  Ma’ dan jintrabat il-kunċett ta’ ierarchica communio, imħaddem mill-Konċilju Vatikan II: l-Isqfijiet huma magħquda ma’ l-Isqof ta’ Ruma mir-rabta tal-komunjoni episkopali (cum Petro) u huma fl-istess ħin ġerarkikament sottoposti għalih bħala Kap tal-Kulleġġ (sub Petro).[18]

 

***

 

Is-sinodalità, bħala dimensjoni kostituttiva tal-Knisja, toffrilna l-qafas interpretattiv l-iżjed adatt biex nistgħu nifhmu l-istess ministeru ġerarkiku.  Jekk nifhmu li, kif jgħid San Ġwann Griżostmu, “Knisja u Sinodu huma sinonimi”[19] – għax il-Knisja m’hix ħlief il-Merħla ta’ Alla li tul il-mogħdijiet ta’ l-istorja “timxi flimkien” lejn Kristu l-Mulej – nifhmu wkoll li fi ħdanha ħadd ma jista’ jkun “ogħla” minn oħrajn.  Għall-kuntrarju, fil-Knisja hu meħtieġ li xi ħadd “jitbaxxa” biex jaqdi lill-aħwa matul il-mixja.

 

Ġesù waqqaf il-Knisja u qiegħed fil-quċċata tagħha lill-Kulleġġ Appostoliku, fejn l-Appostlu Pietru hu l-“blata” (ara Mt 16:18), dak li għandu “iwettaq” lil ħutu fil-fidi (ara Lq 22:32).  Imma f’din il-Knisja, bħal f’piramida rasha ’l isfel, il-quċċata qiegħda ’l isfel mill-qiegħ.  Għalhekk dawk li jħaddmu l-awtorità jissejħu “ministri”: għax, skond it-tifsira oriġinali tal-kelma, huma l-iżgħar fost kulħadd.  Huwa meta jaqdi lill-Poplu ta’ Alla li kull Isqof isir, għal dik il-parti tal-Merħla fdata f’idejh, vicarius Christi,[20] vigarju ta’ dak Ġesù li fl-Aħħar Ċena tbaxxa jaħsel riġlejn l-Appostli (ara Ġw 13:1-15).  U, fl-istess xefaq, l-istess Suċċessur ta’ Pietru m’hu xejn iżjed minn servus servorum Dei.[21]

 

Ma ninsewh qatt dan!  Għad-dixxipli ta’ Ġesù, il-bieraħ, il-lum u dejjem, l-unika awtorità hi l-awtorità tal-qadi, l-unika setgħa hi s-setgħa tas-salib, skond kliem l-Imgħallem: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa.  Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom” (Mt 20:25-27).  Fostkom ma għandux ikun hekk: f’din l-espressjoni nilħqu l-qalba nfisha tal-misteru tal-Knisja – “fostkom ma għandux ikun hekk” – u nirċievu d-dawl meħtieġ biex nifhmu x’inhu s-servizz ġerarkiku.

 

***

 

Fi Knisja sinodali, is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet hu biss l-iktar wirja ċara ta’ dinamiżmu ta’ komunjoni li jnebbaħ id-deċiżjonijiet ekkleżjali kollha.

 

L-ewwel livell ta’ tħaddim tas-sinodalità jitwettaq fil-Knejjes partikulari.  Wara li jfakkar fl-istituzzjoni nobbli tas-Sinodu djoċesan, fejn Presbiteri u Lajċi huma msejħa jikkollaboraw ma’ l-Isqof għall-ġid tal-komunità ekkleżjali kollha,[22] il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku jiddedika spazju wiesa’ għal dawk li s-soltu nsejħulhom “organiżmi ta’ komunjoni” tal-Knisja partikulari: il-Kunsill presbiterali, il-Kulleġġ tal-Konsulturi, il-Kapitlu tal-Kanonċi u l-Kunsill pastorali.[23]  Skond kemm dawn l-organiżmi jibqgħu jmissu mal-“baxx” u jitilqu minn dak li jħossu n-nies, mill-problemi ta’ kuljum, tista’ tibda tissawwar Knisja sinodali: dawn l-għodod, li xi drabi jidhru għajjenin, għandhom jiġu vvalorizzati bħala okkażjonijiet ta’ smigħ u ta’ qsim bejnietna.

 

It-tieni livell hu dak tal-Provinċji u tar-Reġjuni Ekkleżjastiċi, tal-Konċilji Partikulari u b’mod speċjali tal-Konferenzi Episkopali.[24]  Jeħtieġ nirriflettu biex, permezz ta’ dawn l-organiżmi, inwettqu dejjem iżjed l-okkażjonijiet intermedji tal-kolleġġjalità, forsi wkoll billi nintegraw u naġġornaw xi aspetti ta’ l-ordinament ekkleżjastiku l-antik.  Ix-xewqa tal-Konċilju li dawn l-organiżmi jistgħu jikkontribwixxu biex jikber l-ispirtu tal-kolleġġjalità episkopali għadha ma twettqitx mija fil-mija.  Qegħdin nofs triq, parti mill-mixja.  Fi Knisja sinodali, kif diġà affermajt, “m’hux f’loku li l-Papa jieħu post l-Isqfijiet lokali fid-dixxerniment tal-problematiċi kollha li jinqalgħu fit-territorji tagħhom.  F’dan is-sens, inħoss il-bżonn li nimxu lejn deċentralizzazzjoni sana”.[25]

 

L-aħħar livell hu dak tal-Knisja universali.  Hawn is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, li jirrappreżenta l-episkopat Kattoliku, isir espressjoni tal-kolleġġjalità episkopali fi ħdan Knisja kollha kemm hi sinodali.[26]  Żewġ kelmiet differenti: “kolleġġjalità episkopali” u “Knisja kollha kemm hi sinodali”.  Dan juri l-collegialitas affectiva, li f’xi ċirkustanzi tista’ ssir ukoll “effettiva”, li xxierek lill-Isqfijiet bejniethom u mal-Papa fl-attenzjoni għall-Poplu ta’ Alla.[27]

 

***

 

L-impenn biex nibnu Knisja sinodali – missjoni li għaliha aħna lkoll imsejħa, kull wieħed u waħda fir-rwol li l-Mulej jafdalu – hu mimli b’implikazzjonijiet ekumeniċi.  Għal din ir-raġuni, meta kellimt lil delegazzjoni tal-Patrijarkat ta’ Kostantinopli, m’ilux wisq tennejt il-konvinzjoni li “l-eżami attent ta’ kif jiġu artikulati fil-ħajja tal-Knisja l-prinċipju tas-sinodalità u s-servizz ta’ dak li jmexxi, jista’ joffri kontribut sinifikattiv b’riżq il-progress fir-relazzjonijiet bejn il-Knejjes tagħna”.[28]

 

Jien persważ li, fi Knisja sinodali, anki t-tħaddim tal-primat Petrin jista’ jiddawwal iktar.  Il-Papa m’hux qiegħed, waħdu, ’il fuq mill-Knisja; imma fiha bħala Mgħammed fost l-Imgħammdin u fil-Kulleġġ episkopali bħala Isqof fost l-Isqfijiet, imsejjaħ fl-istess waqt – bħala Suċċessur ta’ l-Appostlu Pietru – biex imexxi lill-Knisja ta’ Ruma li tmexxi fl-imħabba lill-Knejjes kollha.[29]

 

Waqt li nisħaq fuq il-ħtieġa u l-urġenza li naħsbu f’“konverżjoni tal-papat”,[30] intenni mill-qalb kliem il-predeċessur tiegħi l-Papa Ġwanni Pawlu II: “Bħala Isqof ta’ Ruma naf tajjeb… li l-komunjoni sħiħa u viżibbli tal-komunitajiet kollha, li fihom bil-fedeltà ta’ Alla jgħammar l-Ispirtu tiegħu, hi x-xewqa mħeġġa ta’ Kristu.  Jien konvint li f’dan ir-rigward għandi responsabbiltà partikulari xi nġorr, fuq kollox f’li niżgura x-xewqa ekumenika tal-parti l-kbira tal-Komunitajiet Insara u nagħti widen għat-talba li qed issirli biex insib forma ta’ tħaddim tal-primat li, bla ma tiċħad bl-ebda mod l-essenzjal tal-missjoni tiegħu, tinfetaħ għal sitwazzjoni ġdida”.[31]

 

Ħarsitna titwessa’ anki fuq il-bnedmin.  Knisja sinodali hi bħal sinjal għoli fost il-ġnus (ara Is 11:12) f’dinja li – anki jekk trid il-parteċipazzjoni, is-solidarjetà u t-trasparenza fl-amministrazzjoni tal-ħwejjeġ pubbliċi – spiss titlaq id-destin ta’ ġnus sħaħ fl-idejn magħluqa ta’ gruppi ristretti ta’ poter.  Bħala Knisja li “timxi flimkien” mal-bnedmin, li għandha sehem mit-taħbit ta’ l-istorja, ejjew ngħożżu l-ħolma li l-għarfien mill-ġdid tad-dinjità invjolabbli tal-popli u tal-funzjoni tal-qadi ta’ l-awtorità jistgħu jgħinu wkoll lis-soċjetà ċivili biex tinbena fil-ġustizzja u fil-fraternità, u tnissel dinja isbaħ u iżjed denja tal-bniedem għall-ġenerazzjonijiet li għad jiġu warajna.[32]  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


[1] Ara FranġiskuIttra lis-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, l-Em.T. il-Kard. Lorenzo Baldisseri, fl-okkażjoni ta’ l-elevazzjoni għad-dinjità episkopali tas-Sotto-Segretarju, ir-Rev.mu Mons. Fabio Fabene, 1 ta’ April 2014.

[2] Ara Beatu Pawlu VIDiskors għall-bidu tal-ħidma ta’ l-I Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, 30 ta’ Settembru 1967.

[3] Beatu Pawlu VI, Motu propju Apostolica sollicitudo, 15 ta’ Settembru 1965, Proemio.

[4] San Ġwanni Pawlu IIOmelija fl-Għeluq tas-VI Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, 29 ta’ Ottubru 1983.

[5] Ara AAS 98 (2006), 755-779.

[6] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964), 10.

[7] Ibid., 12.

[8] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 24 ta’ Novembru 2013, 119.

[9] Ibid., 120.

[10] Ara FranġiskuDiskors fl-okkażjoni tal-Laqgħa ma’ l-Isqfijiet responsabbli mill-Kunsill Episkopali ta’ l-Amerika Latina (CELAM) fl-okkażjoni tal-Laqgħa ġenerali ta’ Kordinament, Rio de Janeiro, 28 ta’ Lulju 2013; Id.Diskors fl-okkażjoni tal-Laqgħa mal-Kleru, persuni ta’ ħajja kkonsagrata, u membri ta’ kunsilli pastorali, Assisi, 4 ta’ Ottubru 2013.

[11] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 7 ta’ Diċembru 1965, 1.

[12] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 171.

[13] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 12.

[14] FranġiskuDiskors fl-okkażjoni tal-Velja ta’ talb bi tħejjija għas-Sinodu fuq il-familja, 4 ta’ Ottubru 2014.

[15] Konċilju Ekumeniku Vatikan I, Kostituzzjoni dommatika Pastor Æternus, 18 ta’ Lulju 1870, kap. IV: Denz. 3074.  Ara wkoll Codex Iuris Canonici, kan. 749, § 1.

[16] FranġiskuDiskors għall-Għeluq tat-III Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, 18 ta’ Ottubru 2014.

[17] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 23.  Ara wkoll Konċilju Ekumeniku Vatikan I, Kostituzzjoni dommatika Pastor Æternus, Prologu: Denz. 3051.

[18] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 22; Digriet Christus Dominus, 28 ta’ Ottubru 1965, 4.

[19] San Ġwann GriżostmuExplicatio in Ps. 149: PG 55, 493.

[20] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 27.

[21] Ara FranġiskuDiskors għall-Għeluq tat-III Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, 18 ta’ Ottubru 2014.

[22] Ara Codex Iuris Canonicikan. 460-468.

[23] Ara ibid., kan. 495-514.

[24] Ara ibid., kan. 431-459.

[25] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 16.  Ara ibid, 32.

[26] Ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Christus Dominus, 5; Codex Iuris Canonicikan. 342-348.

[27] Ara San Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika postsinodali Pastores gregis, 16 ta’ Ottubru 2003, 8.

[28] FranġiskuDiskors lid-Delegazzjoni Ekumenika tal-Patrijarkat ta’ Kostantinopli, 27 ta’ Ġunju 2015.

[29] Ara Sant’Injazju ta’ AntjokjaEpistula ad Romanos, Proemio: PG 5, 686.

[30] Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 32.

[31] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Ut unum sint, 25 ta’ Mejju 1995, 95.

[32] Ara Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 186-192; Ittra enċiklika Laudato si, 24 ta’ Mejju 2015, 156-162.