Ġentili Sinjuri, il-jum it-tajjeb!

Ilqajt bi pjaċir l-istedina tal-Presidenza tas-Soċjetà Ewropea tal-Kardjoloġija, biex inkun hawn magħkom fl-okkażjoni ta’ dan  il-Kungress dinji li fih hawn miġburin kardjoloġi ġejjin minn bosta pajjiżi.  Irrid irrodd ħajr partikolari lill-Professur Fausto Pinto għall-kliem ta’ merħba.  Fil-persuna tal-President irrid nirringrazzja lilkom ilkoll għall-impenn xjentifiku li kellkom matul dawn il-jiem ta studju u diskussjonijiet – huwa tajjeb ħafna li wieħed jiddiskuti – imma fuq kollox għad-dedikazjoni tagħkom lejn il-morda.  Li wieħed ikollu x’jaqsam ma’ marid hija sfida.

Xogħolkom hu li tikkuraw il-qalb.  Kemm hemm tifsir simboliku moħbi f’dil-kelma u kemm stennija tinbet f’dan l-organu uman!  Iċ-ċentru tat-taħbita fil-ġisem tal-bniedem jgħaddi minn idejkom, għaldaqstant ir-responsabbiltà tagħkom hija kbira!  Jiena ċert li meta ssibu ruħkom quddiem dan il-ktieb kbir tal-ħajja, li jġorr fih tant paġni li għad iridu jinkixfu, intom tersqu bit-tregħid u b’sens ta’ biża’.

Il-maġisteru tal-Knisja minn dejjem afferma l-importanza tar-riċerka xjentifika għall-ħajja u s-saħħa tal-persuni.  Illum ukoll, il-Knisja mhux biss takkumpanjakom f’dil-mixja tant iebsa, imma hi wkoll ispirazzjoni u għandha l-għan li tweżinkom għax tifhem li dak kollu li hu ta’ fejda għall-ġid tal-persuna, dejjem huwa wkoll azzjoni li tkun ġejja minn Alla.  Fil-kumplessità kollha tagħha, in-natura, u moħħ il-bniedem ukoll, huma ħolqien t’Alla.  L-istudjuż jista u għandu jinvestigahom, konxju li l-iżvilupp tax-xjenzi folosofiċi u empiriċi u tal-kompetenzi prattiċi biex jaqdu li min hu dgħajjef u marid, huma servizz importanti fil-proġett divin.  Il-ftuħ għall-grazzja t’Alla, li jsir permezz tal-fidi, ma jferix lill-bniedem, anzi jixprunah biex jibqa’ miexi ‘l quddiem, biex jikseb għarfien aktar wiesa tal-verità li tkun utli għall-umanità.

Madankollu nafu, li anki fl-iskoperti tiegħu, ix-xjenzjat qatt mhu newtrali.  Hu jġorr miegħu –istorja tiegħu, il-mod kif inhu u kif jaħseb.  Jeħtieġ li kulħadd ikollu xi għamla ta’ tisfija li, filwaqt li twarrab it-tossini li javvelenaw ir-raġuni fit-tiftix għall-verità u ċ-ċertezza, iġġiegħel lil dak li jkun iħares b’intensità akbar lejn l-essenza tal-affarijiet.  Infatti, ma nistgħux niċħdu li l-għarfien, anki dak l-aktar preċiż u xjentifiku, jeħtieġ li jimxi ‘l quddiem billi jistaqsi lilu nnifsu u jsib it-weġibiet dwar l-oriġini, is-sens u l-għan tar-realtà, inkluża dik tal-bniedem.  Madankollu, ix-xjenzi naturali u fiżiċi waħedhom mhumiex biżżejjed biex nifhmu l-misteru li kull bniedem iġorr fih.  Jekk inħarsu lejn il-bniedem fit-totalità tiegħu – ippermettuli ninsisti fuq dan – wieħed jara b’intensità partikolari lill-foqra, lil min hu l-aktar fil-bżonn u mwarrab biex il-kura tagħkom tasal lilhom ukoll flimkien mal-assistenza u l-attenzjoni tal-istrutturi tas-saħħa pubbliċi u privati.  Għandna nissieltu biex ma jkunx hemm min jibqa’ “skartat” f’dil- kultura tal-iskart li qed tkun odffruta lilna.

Bl-attività prezzjuża tagħkom intom tagħtu kontribut biex tfejqu l-ġisem marid, u, fl-istess ħin, għandkom il-possibiltà tosserevaw li hemm liġijiet mirfudin mal-istess natura, li ħadd ma jista’ jimmanipulahom, imma biss “ jiskoprihom, jużahom u jorganiżżahom” biex il-ħajja tibqa’ dejjem taqbel mal-intenzjonijiet tal-Ħallieq (cfr Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Gaudium et Spes, 36).  Għaldaqstant hu importanti li l-bniedem tax-xjenza, filwaqt li jkun jaffronta l-misteru kbir tal-eżistenza umana, ma jħallix lilu nnifsu jintrebaħ mit-tentazzjoni li joħnoq il-verità (cfr Rm 1, 18).

Inġedded l-apprezzament tiegħi għax-xogħol tagħkom – jien ukoll sibt ruħi f’idejn xi wħud minnkom – u nitlob lill-Mulej ibierek ir-riċerka u l-kura medika, biex lil kulħadd jittaffielu l-uġigħ, ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar u jiżdied fih is-sens tat-tama flimkien mat-taqbida ta’ kull jum li jgħaddi, ħalli ma jkunx hemm aktar “skartati” fil-ħajja u fil-milja tal-ħajja umana.  Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber