Għeżież ħuti,

Qed niltaqa’ magħkom fi tmiem il-ħidmiet tas-Sessjoni Plenarja tagħkom; insellmilkom ilkoll minn qalbi, u nirringrazzja lil Mons. Müller għall-kliem tiegħu.

Ix-xogħol tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi hu marbut mal-missjoni tas-Suċċessur ta’ Pietru li jwettaq lil ħutu fil-fidi (ara Lq 22:32).  F’dan is-sens, ir-rwol tagħkom li “tippromovu u tħarsu d-duttrina fuq il-fidi u d-drawwiet fid-dinja Kattolika kollha” (Kostituzzjoni Appostolika Pastor bonus, 48) hu tabilħaqq servizz offrut lill-Maġisteru tal-Papa u lill-Knisja kollha.  Għalhekk, id-Dikasteru jħabrek biex fil-kliem u fil-prassi tal-Knisja jidhru dejjem il-kriterji tal-fidi.  Meta l-fidi tilma fis-sempliċità u s-safa oriġinali tagħha, il-ħajja tal-Knisja wkoll issir il-post li fiha l-ħajja ta’ Alla tidher fil-ġmiel kollu tagħha u ġġib il-frott.  Il-fidi f’Ġesù Kristu, fil-fatt, tiftaħ beraħ il-qalb ta’ Alla, tiftaħ l-ispazji ta’ l-eżistenza umana għall-Verità, għat-Tajjeb u għall-Ġmiel li jiġu minnU.

Sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja teżisti t-tentazzjoni li nħarsu lejn id-duttrina f’sens ideoloġiku jew li nirriduċuha għal ġabra ta’ teoriji astratti u ċari (ara Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, 39-42).  Fir-realtà, l-uniku skop tad-duttrina hu li tkun qaddejja tal-Poplu ta’ Alla u trid tiżgura li l-fidi tagħna jkollha pedament sod.  Fil-fatt hi kbira t-tentazzjoni li napproprjaw ruħna mid-doni tas-salvazzjoni li tiġi minn Alla, biex inġibuhom jaqblu – forsi anki b’intenzjoni tajba – mal-veduti u l-ispirtu tad-dinja.  U din hi tentazzjoni li qed tirripeti ruħhom kontinwament.

Li nieħdu ħsieb l-integrità tal-fidi hi ħidma delikata ħafna li qed tiġi fdata f’idejkom, dejjem f’kollaborazzjoni mar-Rgħajja lokali u mal-Kummissjonijiet Duttrinali tal-Konferenzi Episkopali.  Dan iservi biex inħarsu d-dritt tal-Poplu kollu ta’ Alla li jirċievi d-depożitu tal-fidi safi u sħiħ.  Xogħolkom hu li żżommu wkoll dejjem quddiem għajnejkom il-bżonn ta’ djalogu kostruttiv, ta’ rispett u paċenzja mal-partijiet konċernati.  Jekk il-verità titlob fedeltà, din tikber dejjem fl-imħabba u fl-għajnuna fraterna lil min hu msejjaħ jimmatura jew jiċċara l-konvinzjonijiet tiegħu.

Imbagħad, dwar il-metodu tal-ħidma tagħkom, naf li d-Dikasteru tagħkom hu magħruf sew għall-prassi tal-kolleġġjalità u tad-djalogu.  Fil-fatt, il-Knisja hi l-post tal-komunjoni u, f’kull livell, ilkoll aħna msejħin nikkultivaw u nippromovu l-komunjoni, kull wieħed u waħda fir-responsabbiltà li l-Mulej tah.  Jiena ċert li iżjed ma l-kolleġġjalità tkun il-mod effettiv ta’ kif naħdmu, iżjed ħa jiddi quddiem id-dinja d-dawl tal-fidi tagħna (ara Mt 5:16).

Fis-servizz tagħkom kollu, jalla jkollkom dejjem sens qawwi ta’ ferħ, il-ferħ tal-fidi, li għandu l-għajn tiegħu li qatt ma taqta’ fil-Mulej Ġesù.  Il-grazzja li nkunu dixxipli tiegħu, li nieħdu sehem fil-missjoni tal-Knisja li tevanġelizza, timliena b’ferħ qaddis.

Fis-Sessjoni Plenarja li għadha kemm ingħalqet intom ittrattajtu wkoll ir-rabta bejn il-fidi u s-Sagrament taż-Żwieġ.  Din hi riflessjoni rilevanti ħafna.  Taqbel sew ma’ l-istedina li diġà kien għamel Benedittu XVI dwar il-ħtieġa li nistaqsu lilna nfusna iktar fil-fond dwar ir-relazzjoni bejn il-fidi personali u ċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament taż-Żwieġ, fuq kollox fil-kuntest kulturali li dejjem qed jinbidel (ara Diskors lit-Tribunal tar-Rota Rumana, 26 ta’ Jannar 2013).

F’din l-okkażjoni rrid nirringrazzjakom ukoll għall-impenn li turu intom u tittrattaw problematiċi delikati dwar l-hekk imsejħa delitti l-iżjed gravi, b’mod partikulari l-każi ta’ abbuż sesswali tal-minorenni minn membri tal-kleru.  Aħsbu fil-ġid tat-tfal u taż-żgħażagħ, li fil-komunità Nisranija għandhom ikunu dejjem imħarsa u mwieżna huma u jikbru umanament u spiritwalment.  F’dan is-sens wieħed jistudja l-possibbiltà li norbtu mad-Dikasteru tagħkom il-Kummissjoni speċifika għall-ħarsien tat-tfal, li waqqaft u li rrid li tkun eżempju għal dawk kollha li jixtiequ jippromovu l-ġid tat-tfal.

Għeżież ħuti, niżgurakom li niftakar fikom fit-talb tiegħi u nafda ruħi u l-ministeru tiegħi f’talbkom.  Il-Mulej iberikkom u l-Verġni Mbierka tħariskom.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard