Għeżież ħuti,

Kuntent li qed niltaqa’ magħkom fi tmiem is-Sessjoni Plenarja li ratkom tiddiskutu tema ta’ importanza kbira għall-ħajja tal-Knisja, r-relazzjoni bejn l-evanġeliżżazzjoni u l-katekeżi.  Nilqa’ wkoll bi pjaċir lill-membri tal-Kunsill Internazzjonali għall-Katekeżi, li issa jifforma parti integrali mid-dikasteru tagħkom.  Nirringrazzja lil Mons. Rino Fisichella għat-tislima li tani u flimkien miegħu, nirringrazzja lill-Kunsill għall-Promozzjoni tal-Evanġeliżżazzjoni l-Ġdida kollu li hu impenjat bit-tħejjija tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena, Sena Mqaddsa li afdajtilkom f’idejkom biex ikun jidher aktar ċar li r-rigal tal-ħniena huwa t-tħabbira li l-Knisja hi msejħa twassal bil-ħidma tagħha tal-evanġeliżżazzjoni f’daż-żmien ta’ tibdil kbir.

Propju dan it-tibdil hu provokazzjoni f’waqtha biex aħna nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet li l-Mulej qed joffri lill-Knisja biex ikollha l-ħila – kif dejjem għarfet tagħmel tul elfejn sena – li twassal lil Ġesù Kristu lill-bnedmin ta’ żmienna. Il-missjoni hi dejjem l-istess, imma l-lingwaġġ li bih inħabbru l-Evanġelju jitlob li jkun dejjem aġġornat, b’għaqal pastorali.  Dan hu essenzjali  biex jifhmuna l-kontemporanji tagħna, sabiex it-Tradizzjoni Kattolika tkun tista’ titkellem mal-kulturi tad-dinja tal-lum u biex tgħinhom jinfetħu għall-fekondità li ma , tal-messaġġ ta’ Kristu.  Iż-żmien hu ta’ sfida kbira, imma m’għandniex nibżgħu nagħmluha tagħna.  Infatti, aħna nkunu nistgħu noffru tweġibiet koerenti msejsin fuq id-dawl tal-Evanġelju, daqskemm aħna jkollna ħila nagħmlu tagħna dawn l-isfidi.  Dan hu li jistennew il-bnedmin mill-Knisja llum: li tkun taf timxi magħhom u toffrilhom il-kumpanija tax-xhieda tal-fidi, li tagħmilha solidali ma’ kulħadd, l-aktar ma’ dawk li huma waħedhom u emarġinati.  Kemm foqra – anki foqra fil-fidi – qed jistennew Evanġelju li jeħles!  Kemm irġiel u nisa, fil-periferiji eżistenzjali li toħloq is-soċjetà konsumista, atea, jistennew il-qrubija tagħna u s-soldiarjetà tagħna!  L-Evanġelju huwa t-tħabbira tal-imħabba t’Alla li, f’Ġesù Kristu, isejħilna biex nieħdu sehem minn ħajtu.  Għalhekk l-evanġeliżżazzjoni l-ġdida din hi: li nsiru kuxjenti tal-imħabba ħanina tal-Missier biex aħna nsiru strumenti ta’ salvazzjoni għal ħutna.

Dan l-għarfien li hu miżrugħ fil-qalb ta’ kull Nisrani sa mill-jum tal-Magħmudija tiegħu, jitlob minna li nikbru, flimkien mal-ħajja tal-grazzja, biexinkunu nistgħu nagħmlu ħafna frott.  Hawn tidħol it-tema kbira tal-katekeżi bħala spazju li fih il-ħajja tan-Nisrani timmatura għax mimlija bl-esperjenza tal-ħniena t’Alla.  Mhix idea astratta tal-ħniena imma esperjenza konkreta li biha nifhmu d-dgħufija tagħna u l-qawwa li tiġi minn fuq.  «Hu sabiħ li t-talba ta’  -Knisja tibda’ b’dan il-kliem: “O Alla ejja eħlsini, Mulej fittex għinni” (Salm 70, 2).  L-għajnuna li nitolbu hu l-ewwel pass tal-ħniena t’Alla lejna.  Hu jiġi biex isalvana mill-qagħda ta’ dgħufija li fiha ngħixu.  U l-għajnuna tiegħu tikkonsisti filli aħna nagħrfu l-preżenza u l-qrubija tiegħu.  Jum wara l-ieħor hu jmissna bil-kumpassjoni tiegħu biex min-naħa tagħna jkollna l-kompassjoni lejn l-oħrajn» (Misericordiae Vultus, 14).

L-Ispirtu s-Santu, li hu l-protagonist tal-evanġeliżżazzjoni, hu wkoll l-awtur ta’ kif il-Knisja tikber fl-għarfien tal-verità ta’ Kristu.  Huwa Hu li jiftaħ il-qlub ta’ min jemmen biex il-maħfra li jaqilgħu tinbidel f’esperjenza ta’ mħabba lejn l-aħwa.  Huwa dejjem l-Ispirtu li jiftaħ il-moħħ tad-dixxipli ta’ Kristu biex jifhmu dejjem aktar fil-fond l-impenn meħtieġ u l-metodi li bihom ix-xhieda li jagħtu tkun aktar qawwija u kredibbli.  Għandna tant bżonnu lill-Ispirtu, biex jiftħilna moħħna u qlubna.

Il-mistoqsija dwar kif aħna qed nedukaw għall-fidi, għalhekk, mhix retorika, hija essenzjali.  It-tweġiba teħtieġ kuraġġ, kreattività u deċiżjoni biex infittxu toroq li xi kultant għad mhux imterrqa.  Il-katekeżi, bħala komponent tal-proċess ta’ evanġeliżżazzjoni, jeħtieġ li tmur aktar ‘l hinn mill-isfera sempliċiment skolastika, biex nedukaw lil dawk li jemmnu, sa minn tfal, biex jiltaqgħu ma’ Kristu ħaj u attiv fil-Knisja tiegħu.

Hi l-laqgħa miegħu li tqanqal ix-xewqa li nkunu nafuh aħjar u għalhekk, biex insegwuh ħalli nsiru dixxipli tiegħu.  L-isfida tal-evanġeliżżazzjoni l-ġdida u tal-kateleżi, għaldaqstant, hi msejsa fuq dan il-punt fundamentali: kif niltaqgħu ma’ Kristu, liema hu l-post l-aktar koerenti biex insibuh u nimxu warajh.

Inwegħedkom li żgur inkun qrib tagħkom f’dil-ħidma tant urġenti għall-komunitajiet tagħna.  Nirrikmandakom lill-Marija Verġni Omm il-Ħniena biex tieqaf magħkom u biex bl-interċessjoni tagħha tgħinkom f’dax-xogħol impenjattiv tagħkom.  Inberikkom minn qalbi u, jekk jogħġobkom, nitlobkom titolbu għalija.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber