Għeżież ħuti,

Nilqagħkom b’ferħ  ġewwa Ruma għall-ħamsin anniversarju tal-Conférence international catholique du guidisme. Il-girl guides jokkupaw post partikulari fil-movimenti edukattivi  u l-edukazzjoni tagħhom għandha għeruqha fi tradizzjoni pedagoġika twila ta’ ħafna esperjenza. Flimkien magħkom nirringrazzja lill-Mulej għall-ġid li wassalkom biex twettqu fil-qlub. Fl-istess ħin, nawgura li l-Ispirtu s-Santu jmexxi lill-Assoċjazzjonijiet differenti tagħkom biex ikunu jistgħu jilqgħu għall-isfidi tal-ġejjieni. Ma nistgħux ngħaddu mingħajr l-edukazzjoni jekk irridu li t-tfajliet  isiru nisa attivi u responsabbli,  kburin u ferħana  bil-fidi tagħhom fi Kristu mgħixha fil-ħajja ta’ kuljum.  U hekk ikunu jistgħu jagħtu sehemhom fil-bini ta’ dinja mdakkra  bl-Evanġelju.

Napprezza s-suġġett li għażiltu għal-laqgħa tagħkom: Ngħix bħala Girl Guide l-ferħ tal-Evanġelju. Dan hu programm tassew sabiħ:  inħabbru bix-xhieda ta’ ħajjitna li aħna kuntenti għax iltqajna  ma’ Ġesù; li l-laqgħa tagħna ma’ Ġesù teħlisna u tfejjaqna; li l-laqgħa tagħna ma’ Ġesù tiftħilna qalbna għall-oħrajn u tqanqalna biex inħabbruH, b’mod speċjali lill-foqra, lil dawk l-aktar imbiegħda, waħidhom u abbandunati. L-assoċjazzjonijiet tal-girl guides Kattoliċi minn dejjem kellhom it-tradizzjoni li jiltaqgħu  ma’ Kristu u li b’ferħ u b’ġenerożità jkunu miftuħa għall-ħtiġijiet tal-oħrajn. Nistedinkom  tgħożżu u tkomplu tiżviluppaw din l-eredità prezzjuża.

Bħala Kattoliċi responsabbli, intom  għandkom ukoll l-opportunità li twasslu l-bxara ta’ Kristu, li jagħti ferħ u dawl lid-dinja, fl-Association Mondiale des Guides e des Éclaireuses. F’din l-assoċjazzjoni intom tiltaqgħu ma’ mexxejja ta’ guides li jiġu minn kull kultura u reliġjon. Nawguralkom li din tkun għalikom okkażjoni ta’ djalogu sinċier u veru, filwaqt li turu rispett lejn kull twemmin u   tibqgħu sħaħ fil-fidi u l-identità kattoliċi tagħkom.

Fl-Enċiklika riċenti Laudato si’  ktibt  li l-edukazzjoni  dwar l-ekoloġija hi essenzjali għall-bidla tal-mentalitajiet u tad-drawwiet biex jintgħelbu l-isfidi li l-umanita’ qed taffronta dwar l-ambjent.  Naħseb li l-moviment tal-guides, li fil-pedagoġija tiegħu jagħti importanza lill-kuntatt man-natura, hu partikolarment imħejji għal dan. Nawgura li l-guides ikomplu  jilqgħu l-preżenza u t-tjubija tal-Ħallieq fil-ġmiel tad-dinja ta’ madwarhom. Din l-imġiba kontemplattiva twassalhom biex jgħixu f’armonija magħhom infushom, mal-oħrajn u ma’ Alla. Dan hu stil ta’ ħajja ġdid, aktar fi qbil mal-Evanġelju, li mbagħad  jistgħu jittrażmettuh fl-ambjent fejn jgħixu.

Fl-aħħarnett, hu importanti ħafna li llum il-mara tkun mogħtija l-valur adegwat, u li hi tkun tista’ tieħu b’mod sħiħ il-post li  jixirqilha, kemm fil-Knisja kif ukoll fis-soċjetà. Hawnhekk ukoll, ir-rwol ta’ assoċjazzjonijiet edukattivi bħal tagħkom – li jieħdu ħsieb it-tfajliet – hu assolutament determinanti għall-futur, u l-pedagoġija tagħkom għandha tkun ċara dwar dawn il-kwestjonijiet. Ninsabu f’dinja fejn qed jixterdu ideoloġiji li jmorru kontra n-natura  u kontra l-pjan t’Alla għall-familja u għaż-żwieġ.  Għalhekk hemm bżonn li t-tfajliet ikunu edukati mhux biss biex jagħrfu l-ġmiel u l-kobor tal-vokazzjoni tagħhom ta’ nisa, f’rabta ġusta u divrenzjata bejn ir-raġel u l-mara, imma wkoll biex jassumu responsabbilità importanti fil-Knisja u fis-soċjetà. F’xi pajjiżi, fejn il-mara għadha meqjusa bħala inferjuri u  fejn saħansitra hi sfruttata u maltrattata, żgur li intom imsejħin biex twettqu r-rwol importanti ta’ promozzjoni u edukazzjoni. Nitlobkom ukoll ma tinsewx l-apertura neċessarja u espliċita tal-pedagoġija tagħkom li tista’ twassal għal ħajja konsagrata lill-Mulej,  li fl-istorja tal-moviment tal-guides dejjem tat ħafna frott.

Il-Verġni Marija hi l-mudell għall-mara li trid tgħix skont l-Evanġelju u tkun skont il-qalb t’Alla, li l-Knisja u s-soċjetajiet tagħna tant għandhom bżonn. Jalla Hi tkun għalikom għajn ta’ kuraġġ u ta’ ispirazzjoni. Nitlobha tinterċiedi għalkom ilkoll u minn qalbi nagħtikom il-barka tiegħi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard.