Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Bi pjaċir nilqgħkom hawn fl-okkażjoni tal-kungress li qed tiċċelebraw bl-għajnuna tal-Kunsill Pontifiċju għall-Lajċi.  Nirringrazzja wkoll lill-Kardinal Rylko għad-dikors tiegħu u lill-Monsinjur Clemens.  Tul dawn il-jumejn l-attenzjoni tagħkom hija ffukata fuq żewġ elementi essenzjali tal-ħajja nisranija: il-konverżjoni u l-missjoni.  Dawn huma marbutin flimkien intimament.  Infatti, mingħajr konverżjoni awtentika tal-qalb u tal-moħħ l-Evanġelju ma jistax jitħabbar, imma jekk ma ninfetħux għall-missjoni, il-konverżjoni mhix possibbli u l-fidi ssir sterili.  Il-Movimenti u l-Komunitajiet il-Ġodda li qed tirrappreżentaw huma ppjanati biex jilħqu fażi ġdida tal-maturità ekkleżjali li teħtieġ atteġġjament ta’ attenzjoni kontinwa ta’ konverżjoni permanenti bl-għan li l-ispinta evanġeliżżatriċi tkun dejjem aktar ħajja u għammiela.  Għalhekk nixtieq noffrilkom ftit suġġerimenti għall-mixja tagħkom ta’ fidi u ta’ ħajja ekkleżjali.

1. Qabelxejn il-ħtieġa li nżommu dejjem il-freskezza tal-kariżma; jalla din il-freskezza ma tirvinax ruħha!  Il-freskezza tal-kariżma! Inġeddu dejjem l-ewwel imħabba (cfr Ap 2,4).  Infatti, maż-żmien, tikber it-tentazzjoni li nikkuntentaw ruħna, li nidħlu fil-morsa ta’ skemi li jserħħu r-ras, imma sterili.  It-tentazzjoni li nagħqlu l-Ispirtu f’gaġġa: din hija tentazzjoni!.  Madankollu, «ir-realtà hija aktar importanti mill-idea» (cfr Eżort. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 231-233): jekk hu meħtieġ li l-kariżma tkun xi ftit istituzzonaliżżata biex tibqa’ ħajja, ma nistgħux nilludu ruħna li l-istrutturi esterni jistgħu jiggarantixxu l-azzjoni tal-ispirtu s-Santu.  In-novità tal-esperjenzi tagħkom mhix fil-metodi u l-forma, fin-novità, li fil-fatt huma importanti, imma tinsab fid-dispożizzjoni tagħkom li twieġbu b’entużjażmu mġedded għas-sejħa tal-Mulej: dan kien il-kuraġġ evanġeliku li wassal għat-twelid tal-movimenti u l-komunitajiet il-ġodda tagħkom.  Jekk niddefendu l-forom u l-metodi fihom infushom, dawn jispiċċaw biex isiru ideoloġiċi, bogħod mir-realtà li hija evoluzzjoni kontinwa; jekk jibqgħu magħluqin għan-novità tal-Ispirtu s-Santu jispiċċaw biex jifgaw l-istess kariżama li ġġenerathom.  Jeħtieġ li nduru dejjem lejn l-għejjun tal-kariżmi u b’hekk insibu l-istimulu biex naffrontaw l-isfidi.  Intom ma’ waqqaftux skola ta’ spiritwalità..... hekk; m’għamiltux istituzzjoni ta’ spiritwalità........ hekk; m’għandkomx xi grupp ċkejken........  Le!  Moviment!  Dejjem mat-triq, dejjem fil-moviment, dejjem miftuħ għas-sorpriżi t’Alla, li huma f’armonija mal-ewwel sejħa tal-moviment, dik il-kariżma fundamentali. 

2. Kwistjoni oħra hi kif nilqgħu u nakkumpanjaw lill-bnedmin ta’ żmienna, partikolarment liż-żgħażagħ (cfr Eżort. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 105-106).  Aħna niffurmaw parti minn umanità feruta – irridu ngħiduh dan! – fejn l-aġenziji edukattivi kollha, speċjalment dik l-aktar importanti, il-familja, jinsabu f’diffikultajiet gravi ftit jew wisq fid-dinja kollha.  Il-bniedem tal-lum għandu problemi serji ta’ identità u jsibha diffiċli jagħmel għażliet indipendenti; għalhekk għandu dispożizzjoni li jiġi kundizzjonat, li jiddelega lil-oħrajn id-deċiżjonijiet importanti tal-ħajja.  Jeħtieġ nirreżistu t-tentazzjoni li nieħdu post il-libertà tal-persuni u mmexxuhom mingħajr ma nistennew li huma jimmaturaw realment.  Kull persuna tieħu ż-żmien tagħha, timxi bil-mod tagħha u aħna rridu nakkumpanjaw din il-mixja.  Progress spiritwali mirbuħ  minħabba l-immaturità tan-nies huwa suċċess apparenti, iddestinat li jgħereq.  Aħjar ftit, imma dejjem f’mixja li ma tfittixx l-ispettaklu!  Minflok, l-edukazzjoni nisranija titlob akkumpanjament paċenzjuż li jaf jistenna ż-żmien ta’ kulħadd, kif jagħmel magħna l-Mulej: il-Mulej għandu ħafna paċenzja magħna!  Il-paċenzja hija l-unika triq biex inħobbu tassew ħalli nressqu l-persuni lejn relazzjoni sinċiera mal-Mulej. 

3. Indikazzjoni oħra hi dik li ma ninsewx li l-ġid l-aktar prezzjuż, is-siġill tal-Ispirtu s-Santu huwa l-komunjoni.  Din hija l-grazzja suprema li Ġesù rebħilna bis-Salib, il-grazzja li għaliha Hu għadu jitlob għalina bla heda, billi juri l-pjagi glorjużi tiegħu lill-Missier: Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni» (Ġwanni 17,21).  Biex id-dinja temmen li Ġesù hu l-Mulej hemm bżonn li tara l-għaqda bejn l-insara, imma jekk tara l-firda, ir-rivalità, it-tqassis malizzjuż, it-terroriżmu tal-għajdut, jekk jogħġobkom....... jekk isiru dawn l-affarijiet, hi x’inhi r-raġuni, kif nistgħu nevanġeliżżaw?  Ftakru wkoll dan il-prinċipju: «L-għaqda hija aqwa mill-prinċipju» (cfr Eżort. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 226-230), għax ħuna jiswa ħafna aktar mill-pożizzjonijiet personali tagħna; għalih Kristu xerred demmu (cfr 1 Pietru, 1, 18-19), għall-ideat tiegħi ma xerred xejn!  Imbagħad, il-veru komunjoni ma tistax teżisti f’moviment jew komunità ġdida, jekk din ma tintegrax ruħha f’komunjoni akbar li hi Ommna l-Knisja Mqaddsa Ġerarkika.  Dak li hu sħiħ jiżboq il-parti (cfr Eżort. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 234-237) u l-parti tagħmel sens f’relazzjoni mal-ħaġa sħiħa.  Minbarra dan, il-komunjoni tfisser ukoll li maqgħudin flimkien naffrontaw il-kwistjonijiet l-aktar importanti bħalma huma l-ħajja, il-familja, il-paċi, il-ġlieda kontra l-faqar fis-suriet kollha tiegħu, il-libertà reliġjuża u l-edukazzjoni.  Il-movimenti u l-komunitajiet huma partikolarment imsejħin biex jikkollaboraw ħalli jfejqu l-feriti tal-mentalità globaliżżata li timmira biss lejn il-konsumiżmu filwaqt li tinsa’ lil Alla u l-valuri essenzjali tal-eżistenza.

Għalhekk, biex tilħqu l-maturità ekkleżjali, intenni mill-ġdid, żommu l-freskezza tal-kariżma, irrispettaw il-libertà tal-persuni u fittxu dejjem il-komunjoni.  Iżda tinsewx li biex dan l-għan jintlaħaq, il-konverżjoni trid tkun missjunarja: il-qawwa li tirbħu t-tentazzjonijiet u l-insuffiċjenzi tiġi mill-ferħ profond tat-tħabbira tal-Evanġelu, li hu l-bażi tal-kariżmi tagħkom kollha.  Infatti «meta l-Knisja sejjaħ għall-impenn tal-evanġeliżżazzjoni, m’hi tagħmel xejn aktar ħlief li turi lill-insara d-dinamiżmu veru tar-realiżżazzjoni personali» (cfr Eżort. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 10), li hi l-vera motivazzjoni għat-tiġdid tal-ħajja personali, għax il-missjoni tfisser parteċipazzjoni fil-missjoni ta’ Kristu li dejjem hu qabilna u jakkumpanjana dejjem fl-evanġeliżżazzjoni.

Għeżież ħuti, intom diġà tajtu ħafna frott lill-Knisja u lid-dinja kollha, imma bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li dejjem iqanqal u jġedded id-doni u l-kariżmi, u bl-interċessjoni ta’ Marija li ma tehda qatt tgħin u takkumpanja ‘l uliedha, għad tridu tagħtu frott aktar u akbar.  Imxu ‘l quddiem: dejjem fil-moviment... Tieqfu qatt!  Dejjem fil-moviment!  Jien niżgurakom mit-talb tiegħi u nistedinkom titolbu għalija – veru għandi bżonnu – filwaqt li nberikkom bil-qalb.

(Applawsi)

Issa nistednikom, flimkien, titolbu lill-Madonna, li għaddiet minn din l-esperjenza li żżomm dejjem il-freskezza tal-ewwel laqgħa ma’ Alla, biex timxu ‘l quddiem bl-umiltà, imma dejjem f’mixja, u bir-rispett lejn ir-ritmu tal-persuni.  Imbagħad, biex qalbkom qatt ma tgħeja tkun missjunarja.

(Ave Maria)

Benedizzjoni

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber