Sinjuri Kardinali, 
Għeżież ħuti Isqfijiet u Saċerdoti  
ħuti,

Nilqagħkom bil-ferħ fi tmiem il-konvenju organiżżat mill-Kongregazzjoni għall-Kleru u rrodd ħajr lill-Kardinal Beniamino Stella għall-kliem ta’ kortesija li ndirizzali f’isimkom ilkoll. 

Nistqarr magħkom li dejjem inħossni xi ftit beżgħan meta nuża ċerti espressjonijiet tal-lingwaġġ ekkleżjali komuni tal-Knisja: “il-pastorali tal-vokazzjonijiet” tista’ tfisser għalina waħda mill-oqsma fost il-bosta tal-azzjoni tal-Knisja, xi uffiċċju tal-kurja jew, forsi it-tiswir ta’ xi proġett.  Ma ngħidx li dan mhux importanti, imma hemm ħafna aktar: il-pastorali vokazzjonali hi laqgħa mal-Mulej!  Meta aħna nilqgħu lil Kristu ngħixu laqgħa deċisiva li ddawwal l-eżistenza tagħna, toħroġna mid-djuq tad-dinja ċkejkna tagħna u tagħmilna dixxipli nnamrati mal-Imgħallem. 

It-tema tal-konvenju li għażiltu ma kinitx maħsuba bl-addoċċ “Miserando atque eligendo”, il-kelma tal-Venerabbli Beda (cfr: Omeliji, 21: CCL 122, 149: Liturġija tas-Siegħat, 21 ta’ Settembru, Uffiċċju tal-lezzjonijiet, it-tieni lezzjoni).  Intom tafu – dan jien għidtu drabi oħra – li għażilt dan il-motto b’tifkira ta’ żmien iż-żgħożija li fih ħassejt qawwija ġo fija s-sejħa tal-Mulej: ma għażiltux fi tmiem ta’ xi konferenza jew minħabba xi teorija sabiħa, imma għax ħassejt fuqi l-ħarsa mimlija ħniena ta’ Ġesù.  Hekk kien, qed ngħid il-verità.  Għalhekk hu sabiħ li ġejtu hawn minn bosta nħawi tad-dinja, biex tirriflettu fuq din it-tema, imma, jekk jogħġobkom, tħallux li kollox jintemm mal-laqgħa sabiħa!  Il-vokazzjoni pastorali tfisser li nitgħallmu l-istil ta’ Ġesù, li jgħaddi mill-imkejjen tal-ħajja ta’ kuljum, jieqaf mingħajr għaġla, u b’ħarsa ta’ ħniena lejn ħutu, imexxiehom lejn il-laqgħa mal-Missier Alla. 

l-Evanġelisti spiss jitfgħu dawl partikolari fuq il-missjoni ta’ Ġesù: Hu joħroġ jimxi madwar it-toroq  (cfr Luqa 9, 51), “iterraq bliet u villaġġi” (cfr Luqa 9,35) u jmur jiltaqa’ mat-tbatija u t-tamiet tal-poplu.  Hu “l-Alla magħna” li jgħammar fost id-djar ta’ uliedu u ma jibżax jitħallat mal-folla tal-ibliet tagħna, ħa jsir ħmira fl-imkejjen fejn in-nies jitqabdu biex isibu ħajja aħjar.  Anki fil-każ tal-vokazzjoni ta’ Mattew insibu dan id-dettall: l-ewwel Ġesù joħroġ mill-ġdid biex jipprietka, imbagħad jara lil Levi bilqiegħda fuq il-bank tat-taxxi u, fl-aħħar isejjaħlu (cfr Luqa 5, 27).  Nistgħu nieqfu fuq dawn it-tliet verbi li juruna d-dinamiżmu ta’ kull pastorali vokazzjonali: ħareġ, ra, sejjaħ. 

Qabel kollox: ħareġ.  Il-pastorali vokazzjonali teħtieġ Knisja li tiċċaqlaq, bil-ħila li twassa’ l-konfini tagħha, ma tkejjilhomx bil-limitazzjonijiet tal-kalkoli umani jew bil-biża li tiżbalja, imma bil-kejl wiesa tal-qalb mimlija ħniena ta’ Alla.  Ma jistax ikun hemm żergħa li tagħti frott vokazzjonali jekk nibqgħu sempliċiment magħluqin «fil-kumdità pastorali ta’ “dejjem hekk sar”», mingħajr ma nkunu kuraġġużi u kreattivi f’dil-ħidma li nfasslu mill-ġdid il-miri, l-istrutturi, l-istil u l-metodi li bihom nevanġeliżżaw lill-komunitajiet tagħna» (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 33).  Jeħtiġilna nitgħallmu noħorġu mir-riġiditajiet li huma ta’ ostaklu għalina aħna u nwasslu l-ferħ tal-Evanġelju, (noħorġu) mill-iskemi standardiżżati li spiss huma anakronistiċi, mill-analiżi preġudizjali tal-iskemi imparzjali li l-ħajja tal-bnedmin jikklassifikawha skond xi garżella.  Irridu noħorġu minn dan kollu. 

Dan nitolbu l-aktar mingħand ir-ragħajja tal-Knisja, mill-isqfijiet u mis-Saċerdoti: ir-reponsabblità tal-vokazzjonijiet Insara u saċerdotali tinsab fuqkom, u dan l-inkarigu ma tistgħux tqisuh qiesu xi uffiċċju burokratiku.  Intom ukoll għextu laqgħa li bidlitilkom ħajjitkom, meta xi saċerdot ieħor – il-kappillan, il-konfessur, id-direttur spiritwali – ġagħalkom tħossu s-sbuħija tal-imħabba t’Alla.  Hekk intom ukoll: toħorġu, tisimgħu liż-żgħażagħ – hemm bżonn il-paċenzja! – tistgħu tgħinuhom jiddixxernu ċ-ċaqliq li jħossu f’qalbhom u torjentawlhom il-passi tagħhom.  Hu ta’ swied il-qalb li saċerdot jgħix għalih innifsu, jingħalaq fil-fortizza kennija tad-dar parrokkjali, tas-sagristija jew tal-grupp ristrett ta’ min hu l-aktar “fidil”.  Bil-maqlub, aħna msejħin biex inkunu ragħajja qalb il-poplu, bil-ħila li nqanqlu pastorali tal-laqgħa u li jkollna ħin nilqgħu u nisimgħu lil kulħadd, speċjalment liż-żgħażagħ. 

It-tieni: ra.  Noħorġu, naraw.  Meta jgħaddi mit-toroq Ġesù jieqaf u jiltaqa’ mal-ħarsa tal-ieħor, mingħajr għaġla.  Dan hu li jagħmel is-sejħa tiegħu attraenti u affaxxinanti.  Bi sfortuna, illum l-għaġla u u l-ħeffa li tiġi mill-bumbardament tal-istimoli li jdawruna, mhux dejjem iħallu lok għas-silenzju interjuri li fih tidwi s-sejħa tal-Mulej.  Kultant jista’ jiġri li ngħaddu minn dar-riskju anki fil-komunitajiet tagħna: ragħajja u operaturi pastorali mgħaġġlin, ippreokkupati żżejjed b’dak li għandhom x’jagħmlu, li jirriskjaw li jaqgħu fl-attiviżmu organiżżattiv vojt mingħajr qatt ma jieqfu biex jiltaqgħu mal-persuni.  Iżda l-Evanġelju jgħidilna li l-vokazzjoni tibda minn ħarsa ta’ ħniena li waqgħet fuqi.  U dik il-kelma miserando, fl-istess waqt, tesprimi t-tgħannieqa tal-għajnejn u tal-qalb.  Din kienet il-ħarsa li Ġesù ta lil Mattew.  Fl-aħħar, dan “il-pubblikan” ma ħassx ġejjin lejh ħars ta’ disprezz jew ta’ ġudizzju, imma ħass li xi ħadd kien qed iħares lejn l-intimità tiegħu, bl-imħabba.  Ġesù sfida l-preġudizzji u t-timbri tan-nies; ħoloq spazju miftuħ li fih Mattew seta’ jibdel ħajtu u jibda mixja ġdida.

Hekk inħobb inħares lejn l-istil tal-pastorali vokazzjonali.  U, ippermettuli, li fl-istess waqt hekk nimmaġina l-ħarsa ta’ kull ragħaj: attenta, mingħajr għaġla, bil-ħila li tieqaf u taqra lil dak li jkun fil-fond, li tidħol fil-ħajja tal-ieħor mingħajr qatt ma ġġiegħel li dak li jkun iħossu mhedded jew iġġudikat.  Dik tar-ragħaj hi ħarsa bil-ħila li tqanqal l-istagħġib għall-Evanġelju, li tqajjem mill-ħedla li fiha tgħaddasna l-kultura tal-konsumiżmu u s-superfiċjalità u li tqanqal mistoqsijiet dwar hena awtentika, speċjalment fiż-żgħażagħ.  Hi ħarsa ta’ dixxerniment li takkumpanja lill-persuni mingħajr qatt ma tiddomina l-kuxjenza tagħhom, u mingħajr ma tippretendi li tista’ tikkontrolla l-grazzja t’Alla.  Fl-aħħar hi ħarsa attenta u għassiesa u għalhekk imsejħa biex tibqa’ dejjem tissaffa.  U meta dan ikollu x’jaqsam mal-vokazzjonijiet saċerdotali u d-dħul fis-seminarju, nitlobkom tiddixxernu fil-verità, li jkollkom għajnejkom miftuħin beraħ u meqjusa, mingħajr traskuraġni u superfiċjalità.

Dan qed ngħidu l-aktar għal ħuti l-Isqfijiet: għassa u prudenza.  Il-Knisja u d-dinja għandhom bżonn saċerdoti maturi u ekwilibrati, ragħajja qalbiena u ġenerużi, bil-ħila li jkunu qrib, jisimgħu u mimlijin ħniena.

 

Ħareġ, ra u t-tielet azzjoni: sejjaħ.  Dan hu l-verb tipiku tal-vokazzjoni Nisranija.  Ġesù ma jagħmilx diskori twal, ma jfassalx programmi biex wieħed jimxi magħhom, ma jagħmilx prożelitiżmu, u lanqas jagħti tweġibiet “ready made”.  Meta jdur lejn Mattew jgħidlu biss: “Ejja warajja!”.  B’hekk iqanqal fih il-ġibda li jfittex għan ġdid, jiftaħ qalbu għal “post” li jmur ‘l hinn mill-bank ċkejken tat-taxxi li kellu quddiemu.  Ix-xewqa ta’ Ġesù hi li jqiegħed lin-nies “fit-triq”, iqajjimhom mill-għażż qerriedi, ikisser l-illużjoni li wieħed jista’ jgħix hieni jekk jibqa’ bilqiegħda komdu flimkien mas-sigurtajiet tiegħu.

Din ix-xewqa ta’ tiftix li spiss tgħammar fost l-aktar żgħażagħ, hi t-teżor li l-Mulej iqiegħed f’idejna u li għandna nieħdu ħsiebu nikkutlivawh u ngħinuh iwarrad.  Inħarsu lejn Ġesù li jgħaddi tul ix-xtut tal-eżistenza, jiġbor ix-xewqat ta’ min ifittex, id-delużjoni ta’ lejl sajd li ma tax frott, l-għatx li jnixxef ta’ mara ħdejn il-bir biex ittella’ l-ilma, jew il-ħtieġa kbira li dak li jkun jibdel ħajtu.  B’hekk, aħna wkoll, minflok nirriduċu l-fidi fi ktieb tar-riċetti jew ta’ ġabra ta’ normi li għandna nħarsu, nistgħu ngħinu liż-żgħażagħ jagħmlu dawn il-mistoqsijiet lilhom infushom, jibdew mixja biex jiskopru l-ferh tal-Evanġelju.

 

Naf tajjeb li dan mhux xogħol faċli u li kultant, minkejja l-impenn kbir, ir-riżultati jkunu foqra u nirriskjaw jew il-frustrazzjoni jew li naqtgħu qalbna.  Imma jekk ma ningħalqux fit-tgemgim u nkomplu “noħorġu” biex inxandru l-Evanġelju, il-Mulej jibqa’ qribna u jtina l-kuraġġ li nitfgħu x-xbieki wkoll meta nkunu għajjenin u delużi għax ma nkunu qbadna xejn. Fuq kollox, lill-isqfijiet u s-saċerdoti nixtieq ngħidilhom: ipperseveraw fil-ħidma tal-qrubija, dik is-synkatabasis tal-Missier u l-Iben magħna -; ipperseveraw fil-ħruġ, fiż-żriegħ tal-Kelma, b’ħars ta’ ħniena.  Il-vokazzjoni pastorali tinsab f’idejn il-ħidma pastorali tagħkom, fid-dixxerniment u t-talb tagħkom.  Ħudu ħsieb li tmexxuha ‘l quddiem, bl-użu tal-metodi possibbli, billi tħaddmu l-arti tad-dixxerniment u billi tagħtu impuls akbar permezz tal-evanġeliżżazzjoni, lit-tema tal-vokazzjoni saċerdotali u l-ħajja konsagrata.

 

Tibżgħux tħabbru l-Evanġelju, tiltaqgħu, li torjentaw il-ħajja taż-żgħażagħ.  U tibżgħux tipproponulhom it-triq tas-saċerdozju, billi, qabel kollox, bix-xhieda ferrieħa tagħkom turuhom kemm hu sabiħ li timxi wara l-Mulej u ttiH ħajtek għal dejjem.  U bħala pedament għal dil-ħidma, ftakru dejjem li għandkom tafdaw ruħkom lill-Mulej u titolbuh bil-ħerqa li jtikom ħaddiema ġodda għall-ħsad tiegħu u ssostnu dawn l-inizjattivi bit-talb għall-vokazzjonijiet.

Jien kunfidenti li dawn il-ġranet – li fihom, anki bis-saħħħa tal-kelliema li ħadu sehem, kienet iġġenerata tant rikkezza – jkunu kontribut biex niftakru li l-pastorali vokazzjonali hi ħidma fundamentali fil-Knisja u tinvolvi l-ministeru tar-ragħajja u tal-lajċi.  Hija missjoni urġenti li l-Mulej qed jitlobna nagħmluha bil-ġenerożità.  Jien niżgurakom li nitlob għalikom: u intom, jekk jgħoġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Grazzi. 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber