Għeżież ħuti,

Insellmilkom minn qalbi u nirringrazzja lill-Kardinal Müller għad-diskors ta’ introduzzjoni għal din il-laqgħa.

1. Qabel xejn irrid naqsam magħkom riflessjoni dwar it-tema tal-laqgħa tagħkom. “Kumplimentarjetà”: hija kelma prezzjuża li għandha ħafna tifsiriet.  Wieħed jista’ jirreferi għal ħafna sitwazzjonijiet li fihom element jikkumplimenta lill-ieħor jew ipatti għal xi nuqqas li jkollu l-ieħor.  Madankollu, il-kumplimentarjetà tfisser ħafna aktar minn hekk.  L-insara għandhom it-tifsira fl-ewwel ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, fejn l-Appostlu jgħid li l-Ispirtu ta lil kull wieħed u waħda doni diversi li, bħall-membri tal-ġisem tal-bniedem, jikkumplimentaw lil xulxin għall-aħjar tal-organiżmu kollu.  Id-doni ta’ kull bniedem jistgħu jagħtu kontribut li jkun għall-ġid ta’ kulħadd (cfr Kor 12).  Li tirrifletti fuq il-kumplimentarjetà m’hu xejn ħlief li timmedita fuq l-armoniji dinamiċi li huma ċ-ċentru tal-Ħolqien kollu.  Dil-kelma hi l-qofol ta’ kollox: l-armonija.  Dak kollu li l-Ħallieq għamel komplimentari, għamlu biex l-Ispirtu s-Santu, li hu l-awtur tal-armonija, iwettaq din l-armonija.

Hu opportun li ltqajtu għal dan il-kollokwiju internazzjonali biex tidħlu fil-fond dwar it-tema tal-kumplimentarjetà bejn ir-raġel u l-mara.  Fil-fatt din il-kumplimentarjetà hija l-bażi taż-żwieġ u tal-familja, li hija l-ewwel skola fejn aħna nitgħallmu napprezzaw id-doni li għandna u dawk li għandhom l-oħrajn u fejn nibdew niskopru l-arti ta’ kif ngħixu flimkien.  Għall-biċċa l-kbira tagħna, il-familja hija l-imkien prinċipali li fih nibdew “nirrespiraw” valuri u ideali u fejn nibdew inqiegħdu fis-seħħ il-potenzjal tal-virtù u tal-karità tagħna.  Fl-istess ħin, kif nafu, fil-familji jeżistu t-tensjonijiet: bejn l-egoiżmu u l-altruwiżmu, bejn ir-raġuni u l-emozzjonijiet, bejn is-sodisfazzjoni immedjat tax-xewqat u l-miri tal-futur ecc.  Imma l-familji huma wkoll ambjent li fih insolvu t-tensjonijiet: u dan hu importanti ħafna.  Meta, f’dan il-kuntest, nitkellmu dwar il-kumplimentarjetà bejn il-mara u r-raġel ma rridux inwaħħdu dan it-terminu mal-idea sempliċistika li r-rwoli kollha u r-relazzjonijiet taż-żewġ sessi huma magħluqin f’mudell wieħed u statiku.  Il-kumplimentarjetà għandha bosta forom għax dak li kull raġel u mara jikkontribwixxu fiż-żwieġ u fl-edukazzjoni tal-ulied hu l-pakkett tal-personalità individwali tagħhom.  Ir-rikkezza personali, il-kariżma personali u l-kumplimentarjetà għalhekk tinbidel f’rikkezza kbira.  U dan mhux biss hu tajjeb imma wkoll sabiħ.

2. Fi żmienna ż-żwieġ u l-familja qiegħdin fi kriżi.  Qed ngħixu f’kultura tal-proviżorju li minħabba fiha dejjem aktar nies qed jirrifjutaw li ż-żwieġ hu impenn pubbliku.  Din ir-rivoluzzjoni fl-użanzi u fil-morali spiss tinħeba taħt il-bandiera tal-libertà, imma fil-fatt, nisslet devastazzjoni spiritwali u materjali f’bosta bnedmin, speċjalment f’min hu l-aktar vulnerabbli.  Qed jidher dejjem aktar ċar li l-kultura taż-żwieġ qed tiddgħajjef għax hi marbuta maż-żjieda tal-faqar u ma’ għadd kbir ta’ problemi soċjali oħrajn li jolqtu b’mod sproporzjonat lin-nisa, lit-tfal u lill-anzjani.  Huma dejjem dawn il-kategoriji tas-soċjetà li jsforu l-aktar minn din il-kriżi.

Il-kriżi tal-familja tat bidu għall-kriżi ekoloġika umana, għaliex l-ambjenti soċjali, bħall-ambjenti naturali, jeħtieġu l-protezzjoni.  Anki jekk issa l-umanità qed tifhem il-ħtieġa li trid tikkumbatti dak li qed jhedded l-ambjenti naturali tagħna - għadna nkaxkru saqajna, anki fil-kultura Kattolika – irridu nifhmu li l-ambjenti soċjali tagħna wkoll jinsabu f’riskju.  Għalhekk hu indispensabbli li nippromwovu kultura ekoloġika umana ġdida u mmexxuha ‘l quddiem.

3. Jeħtieġ ninsistu fuq il-pilastri fundamentali li jrieġu nazzjon: il-ġid immaterjali.  Il-familja tibqa’ l-pedament tal-konvivenza u l-garanzija kontra t-tifrik soċjali.  It-tfal għandhom id-dritt li jitrabbew fi ħdan familja b’missier u omm li jkollhom ħila joħolqu ambjent addattat għall-iżvilupp ta’ wliedhom u għall-maturazzjoni affettiva tagħhom.  Għal din ir-raġuni, fl-Eżortazzjoni Appostolika “Il-Ferħ tal-Evanġelju” jien għamilt enfasi dwar il-kontribut indispensabbli li ż-żwieġ jagħti lis-soċjetà, kontribut li jmur ‘l hinn mill-emottività u mill-ħtiġijiet kontinġenti tal-koppja (nu. 66).  Minħabba f’hekk jien inħossni grat lejkom talli fil-laqgħa tagħkom qed tagħmlu enfasi fuq il-benefiċċji li jkollu ż-żwieġ fuq it-tfal, fuq l-istess koppja u fuq is-soċjetà.

F’dawn il-jiem, waqt li tkunu tirriflettu fuq il-kumplimentarjetà bejn ir-raġel u l-mara, inħeġġiġkom biex tagħtu ħafna importanza lil verità oħra li għandha x’taqsam maż-żwieġ: li l-impenn definittiv fil-konfront tas-solidarjetà, tal-fedeltà u tal-imħabba għammiela hu tweġiba għax-xewqat l-aktar profondi tal-qalb tal-bniedem.  Naħsbu fuq kollox, fiż-żgħażagħ, li jirrappreżentaw il-futur: importanti li huma ma jħallux il-mentalità tal-proviżorju taħkimhom u jkunu rivoluzzjonarji billi juru l-kuraġġ li jfittxu mħabba sħiħa u dejjiema, jiġifieri li jmorru kontra l-kurrent.  Dwar dan irrid ngħid ħaġa: ma rridux naqgħu fin-nassa li ningħarfu minħabba kunċetti ideoloġiċi.  Il-familja hija fatt antropoloġiku, bil-konsegwenza li hija fatt soċjali, ta’ kultura ecc.  Aħna ma nistgħux niddefinuha b’kunċetti ta’ natura ideoloġika li jkollhom is-saħħa f’mument partikolari tal-storja, imbagħad jispiċċaw.  Ma nistgħux illum nitkellmu dwar familja konservattiva u familja progressiva: il-familja hi familja!  Tħallux li intom tkunu deskritti minn dan jew minn kunċetti oħra, ta’ natura ideoloġika.  Il-familja hi forza fiha nnifisha.

Jalla din il-laqgħa tkun għajn ta’ ispirazzjoni għal dawk kollha li qed jimpenjaw ruħhom biex isaħħu u jsostnu l-għaqda tar-raġel u l-mara fiż-żwieġ bħala ġid uniku, naturali, fundamentali u sabiħ għall-persuni, għall-familji, għall-komunitajiet u għas-soċjetà.

F’dan il-kuntest hu ta’ pjaċir għalija nikkonferma li, jekk Alla jrid, f’Settembru tal-2015 se mmur Philadelphia għat-tmin Laqgħa Dinjija tal-Familji.

Nirringrazzjakom għat-talb li bih intom takkumpanjaw is-servizz tiegħi lill-Knisja.  Jien ukoll nitlob għalikom u nberikkom minn qalbi.  Grazzi ħafna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber