Għeżież ħuti,

Kuntent li qed niltaqa’ magħkom f’din l-ewwel udjenza wara l-Ġublew tal-Ħniena, fl-okkażjoni tal-kors li jsir kull sena għall-forum intern. Insellem minn qalbi lill-Kardinal Penitenzier Maġġuri u nirringrazzjah għall-espressjonijiet ġentili tiegħu. Insellem lir-Reġġent, lill-Prelati, lill-Uffiċjali u lil dawk li qed jagħtu sehemhom fil-Penitenzerija, lill-Kulleġġi tal-penitenzieri ordinarji u straordinarji tal-Bażiliċi Papali in Urbe, u lilkom ilkoll li qed tieħdu sehem f’dan il-kors.

Nistqarr magħkom li din il-Penitenzerija hu tip ta’ Tribunal li tassew jogħġobni! Għax hu “tribunal tal-ħniena”, li wieħed idur lejh biex jikseb dik il-mediċina li r-ruħ tagħna ma tistax tgħaddi mingħajrha, li hi l-Ħniena divina!

Il-kors tal-forum intern, li jikkontribwixxi għall-formazzjoni ta’ konfessuri tajbin, hu tassew ta’ siwi, anzi ngħid li għal żmenijietna hu neċessarju. Żgur  li wieħed ma jsirx konfessur tajjeb grazzi għal kors, le: dik tal-konfessjunarju hi “skola fit-tul”; iddum ħajtek kollha. Min hu l-“konfessur tajjeb”?  Kif tkun konfessur tajjeb?

Dwar dan, nixtieq nindika tliet aspetti.

“Konfessur tajjeb” hu, qabel kollox, ħabib veru ta’ Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb. Mingħajr din il-ħbiberija jkun diffiċli timmatura dik il-paternità, hekk meħtieġa fil-ministeru tar-Rikonċiljazzjoni. Inkunu ħbieb ta’ Ġesù jfisser, qabel kollox, li nikkultivaw it-talb;  kemm it-talb persunali tagħna biex ma niefqux nitolbu lill-Mulej  id-don tal-karità pastorali, kif ukoll it-talb speċifiku għall-eżerċizzju tal-kompitu ta’ konfessuri u għall-fidili aħwa li jersqu lejna jfittxu l-ħniena t’Alla.

Ministeru tar-Rikonċiljazzjoni “infaxxat bit-talb” juri b’mod kredibbli l-ħniena t’Alla u jevita dik il-qrusa u dawk l-inkomprensjonijiet, li xi drabi jistgħu jinħolqu anki fil-laqgħa sagramentali. Konfessur li jitlob jagħraf sew li hu stess hu l-ewwel midneb u  l-ewwel wieħed li għandu bżonn il-maħfra. Ma tistax taħfer fis-Sagrament jekk ma tagħrafx li kont int l-ewwel li rċevejt il-maħfra. U għalhekk it-talb huwa l-ewwel garanzija biex wieħed jevita attaġġament ta’ ebusija, li jiġġudika l-midneb u mhux id-dnub.

Fit-talb jeħtieġ nitolbu għad-don ta’ qalb miġruħa, li kapaċi tifhem il-ġrieħi tal-oħrajn u tidlikom biż-żejt tal-ħniena, kif is-samaritan it-tajjeb  dilek il-ġrieħi  ta’ dak l-imsejken, li ħadd ma ġietu ħniena minnu. (ara Lk 10,34)

Fit-talb jeħtieġ nistaqsu għad-don prezzjuż tal-umiltà, biex jidher b’mod dejjem aktar ċar li l-maħfra hi don sopranaturali mogħti b’mod gratwit minn Alla, u li aħna sempllċi amministraturi li nwasslu dan id-don kif irid Ġesù stess. Ġesù żgur ikun kuntent  li aħna nwasslu l-ħniena tiegħu b’idejna miftuħa. 

Imbagħad, fit-talb irridu dejjem ninvokaw lill-Ispirtu s-Santu, li hu spirtu ta’ dixxerniment u kumpassjoni. L-Ispirtu jwassalna biex insiru ħaġa waħda mat-tbatijiet ta’ ħutna li jersqu lejna fil-konfessjonarju, u biex nakkumpanjawhom bi prudenza u dixxerniment matur filwaqt li nuruhom kumpassjoni vera  fit-tbatija li jġarrbu minħabba l-faqar tad-dnub.

2. It-tieni ħaġa hi din: il-konfessur tajjeb hu bniedem tal-Ispirtu, bniedem ta’ dixxerniment. Kemm ħsara ssir lill-Knisja minħabba n-nuqqas ta’ dixxerniment! Kemm ħsara ssir lill-erwieħ minħabba mġiba li għeruqha ma jkunux imħawlin fis-smigħ umli tal-Ispirtu s-Santu u fir-rieda t’Alla. Il-konfessur ma jagħmilx dak li jrid hu u ma jgħallimx duttrina li hi tiegħu. Hu msejjaħ biex jagħmel biss u dejjem ir-rieda t’Alla, f’komunjoni sħiħa mal-Knisja, li tagħha hu ministru, jiġifieri qaddej.

Id-dixxerniment jwasslek biex dejjem tkun taf tiddistingwi, biex ma tħawwadx ħaġa ma’ oħra, u biex “ma tpoġġix lil kulħadd f’qoffa waħda”. Id-dixxerniment jeduka l-ħarsa u l-qalb filwaqt li jwassal għal dik id-delikatezza tar-ruħ li tant hi meħtieġa quddiem min jiftaħ is-sagrarju tal-kuxjenza tiegħu biex jirċievi dawl, paċi u ħniena.

Id-dixxerniment hu meħtieġ ukoll biex min jersaq lejn il-konfessjonarju jkun jista’ joħroġ minn sitwazzjonijiet l-aktar diversi; jista’ jkun hemm ukoll disturbi spiritwali, li  n-natura tagħhom titlob  dixxerniment b’attenzjoni filwaqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh iċ-ċirkustanzi eżistenzjali, ekkleżjali, naturali u sopranaturali kollha. Meta l-konfessur jinduna li  hemm disturbi spiritwali – li jistgħu jkunu psikiċi, u dan jeħtieġ li jiġi vverifikat b’ kollaborazzjoni sana max-xjenzi umani – m’għandux  joqgħod jaħsibha biex jirreferi għal dawk li fid-djoċesi huma nkarigati minn dan il-ministeru delikat u meħtieġ, jiġifieri l-eżorċisti. L-għażla tal-eżorċista trid issir b’ħafna kura u prudenza.

3.Fl-aħħarnett, il-konfessjonarju hu wkoll veru post ta’ evanġelizzazzjoni. Fil-fatt, m’hemmx evanġelizzazzjoni aktar awtentika mil-laqgħa ma’ Alla tal-ħniena, ma’ Alla li hu Ħniena. Tiltaqa’ mal-ħniena jfisser li tiltaqa’ mal-veru wiċċ ta’ Alla kif  urihulna Sidna Ġesù.

Il-konfessjonarju hu post ta’ evanġelizzazzjoni u allura ta’ formazzjoni. Fid-djalogu qasir li l-konfessur jinseġ mal-penitent, hu msejjaħ biex jiddixxerni xinhi l-aktar ħaġa siewja, anzi xinhi l-aktar ħaġa neċessarja fil-mixja ta’ ħuh jew oħtu. Xi drabi jkun meħtieġ li tħabbar mill-ġdid il-veritajiet l-aktar elementari tal-fidi, li twassal dak dawl, il-kerigma li mingħajrha l-istess esperjenza tal-imħabba t’Alla u tal-ħniena tiegħu tibqa’ bħal muta. Xi drabi jkun meħtieġ li tindika s-sisien tal-ħajja morali, dejjem f’rabta mal-verità, mat-tajjeb u mar-rieda tal-Mulej. Hawnhekk qed nitkellmu dwar opra ta’ dixxerniment pront u intelliġenti li jista’ jagħmel ħafna ġid lill-fidili.

Fil-fatt, il-konfessur hu msejjaħ biex kuljum isib ruħu “fil-periferiji tal-ħażen u tad-dnub” – din hi periferija kerha! U ħidmitu tirrappreżenta prijorità awtentika pastorali.  Li tqarar hi prijorità pastorali. Jekk jogħġobkom, tħallux li jkun hemm dawk l-avviżi: “Il-qrar isir biss nhar ta’ tnejn, nhar ta’ erbgħa minn dal-ħin sa dal-ħin”. Qarar kull darba li tkun mitlub. U jekk tkun qiegħed hemm (fil-konfessjonarju) titlob, ħalli l-konfessjonarju miftuħ, għax hu l-qalb miftuħa t’Alla.   

Għeżież ħuti, inberikkom u nawguralkom li tkunu konfessuri tajbin: f’rabta sħiħa ma’ Kristu, kapaċi ta’ dixxerniment fl-Ispirtu s-Santu u lesti li tilqgħu l-okkażjoni biex tevanġelizzaw.

Itolbu dejjem għall-aħwa li jersqu lejn is-Sagrament tal-maħfra. U jekk jogħġobkom itolbu għalija.

Ma rridx nagħlaq qabel ma ngħid xi ħaġa li ġietni f’moħħi meta tkellem il-Kardinal Prefett. Hu tkellem dwar iċ-ċwievet u l-Madonna, u għoġobni dak li qal.... Nixtieq ngħidilkom xi ħaġa... żewġ affarijiet.  Meta kont għadni żagħżugħ, għamilli ħafna ġid meta qrajt il-ktieb ta’ San Alfons Maria de’ Liguori dwar il-Madonna: Il-glorji ta’ Marija. Fl-aħħar ta’ kull kapitlu  hemm miraklu tal-Madonna, li permezz tiegħu hi daħlet fil-ħajja ta’ dak li jkun u ssistemat l-affarijiet.

It-tieni ħaġa: hemm leġġenda dwar il-Madonna, il-Madonna tal-mandolin, tradizzjoni li qaluli  tinsab fl-Italja t’Isfel, art fejn hemm ħafna mandolin, veru? Jingħad li hi l-patruna tal-ħallelin. (Jidħak, jidħku). Jgħidu li l-ħallelin imorru għandha biex jitolbuha.  Il-leġġenda tirrakkonta li meta dawn il-ħallelin imutu jkunu mal-oħrajn wieħed wara l-ieħor jistennew lil  Pietru li għandu ċ-ċwievet jiftaħ il-bieb tal-ġenna. Hu jiftaħ u jħalli wieħed jidħol, imbagħad jerġa’ jiftaħ u jħalli ieħor jidħol; u meta l-Madonna tara lil xi wieħed minn dawn il-ħallelin, tagħmillu s-sinjal biex jistaħba; imbagħad meta jkun daħal kulħadd u Pietru jagħlaq il-bieb għax ikun wasal il-lejl, il-Madonna tgħajjatlu u ddaħħlu mit-tieqa. Huwa rakkont popolari, imma sabiħ ħafna: nagħtu l-maħfra  bl-Omm ma’ ġenbna,  flimkien magħha. Għax dik il-mara, dak ir-raġel li jiġi fil-konfessjonarju, għandu Omm fis-Sema li tiftaħlu l-bieb u tgħinu meta jasal il-waqt li jidħol fis-sema. Inżommu dejjem lill-Madonna magħna biex tgħin lilna wkoll fl-eżerċizzju tal-ħniena. Nirringrazzja lill-Kardinal għal dawn iż-żewġ sinjali: iċ-ċwievet u l-Madonna. Grazzi ħafna!

U issa wasal il-ħin tal-Angelus; għalhekk nistedinkom biex nitobuh flimkien: “Angelus Domini...

( Barka)

Tgħidux li l-ħallelin imorru l-ġenna! Tgħiduhiex din il-ħaġa ( jidħak, jidħku). 

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard