Għeżież ħbieb,

Inħossni ferħan li ninsab magħkom f’dil-edizzjoni ġdida tar-“Round Table” ta’ Ruma tal-Fundazzjoni “Global”, li tiltaqgħu fiha ispirati mill-motto tal-istess Fundazzjoni – “Flimkien impenjati għall-ġid komuni globali” - biex tfittxu toroq tajba li jaslu jnisslu globaliżżazzjoni “koperattiva”, jiġifieri pożittiva, opposta għall-globaliżżazzjoni tal-indifferenza.  L-għan hu biex il-komunità globali, iffurmata minn istituzzjonijiet, ażjendi u mir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, tkun tista’ tilħaq effettivament l-iskopijiet u l-obbligi internazzjonali meħuda u dikjarati solennement, bħal, per eżempju, dawk tal-Agenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli u l-Objettivi ta’ Żvilupp sostenibbli.

Qabel xejn nixtieq intenni li mhux aċċettabbli, għax diżuman, sistema ekonomiku dinji li jarmi lill-bnedmin, irġiel, nisa u tfal, għas-sempliċi raġuni li dawk donnhom mhux aktar utli skont il-kriterji tal-qligħ tal-ażjendi jew ta’ organiżżazzjonijiet oħra.  Propju l-fatt li dawn il-persuni jkunu mwarrbin juri r-rigress u d-diżumaniżżazzjoni ta’ kwalunkwe sistema politika u ekonomika: dawk li jikkawżaw jew jippermettu li oħrajn jiġu mwarrbin – isiru huma stess jixbħu magni mingħajr ruħ, għax jaċċettaw impliċitament il-prinċipju li huma wkoll, xi darba jew oħra se jisfaw skartati – dan hu “boomerang”!  Imma hi l-verità: xi darba jew oħra huma se jisfaw imwarrbin – meta ma jibqgħux aktar utli għas-soċjetà li fiċ-ċentru qiegħdet l-alla flus.

Fl-1991, quddiem il-waqa’ tas-sistemi politiċi oppressivi u l-integrazzjoni progressiva tas-swieq li llum drajna nsejħulha globaliżżazzjoni, San Ġwanni Pawlu II kien wissa dwar ir-riskju li l-ideoloġija kapitalista setgħet tinfirex ma’ kullimkien.  Din aktarx kellha  twassal biex il-fenomeni tal-emarġinazzjoni, tal-isfruttament u t-twarrib tal-bnedmin, ftit li xejn jingħataw attenzjoni, u biex ma tingħata ebda kunsiderazzjoni lill-ħafna li jgħixu fil-miżerja materjali u morali, waqt li b’fiduċja għamja, is-soluzzjoni waħdanija tkun tinsab biss fl-iżvilupp liberu tal-forzi tas-suq.  Meta l-predeċessur tiegħi staqsa jekk dan kienx il-mudell li wieħed jista’ jipproponi lil dawk li kienu qed ifittxu t-triq tal-veru progress ekonomiku u soċjali, wasal għal tweġiba negattiva għall-aħħar.  Din mhix it-triq (cfr Centesimus annus, 42).

 

Bi sfortuna, ir-riskji li kienu ħassbu lil San Ġwanni Pawlu II seħħew bil-kbir. Madankollu, fl-itess ħin żviluppaw u ddaħħlu fis-seħħ tant inizjattivi minn indvidwi u istituzzjonijiet biex jitfejjqu l-ħsarat li ġabet il-globaliżżazzjoni irresponsabbli.  Madre Tereża ta’ Kalkutta, li jien kelli x-xorti niddkjaraha qaddisa ftit xhur ilu, li hi simbolu u ikona taż żmienna, b’xi mod tirrappreżenta u tiġbor fiha din il-ħidma.  Hi mielet fuq il-persuni mifluġa u bla saħħa, mitluqin imutu fil-ġenb tat-triq, li fihom għarfet id-dinjità mogħtija minn Alla.  Laqgħet kull ħajja umana, dik mhix imwielda u dik abbandunata u skartata, u semmgħet leħinha mas-setgħana tad-dinja biex jammettu l-krimini tal-faqar maħluqin minnhom stess (cfr Omelija tal-kanoniżżazjoni ta’ Madre Teresa ta’ Kalkutta, 4 ta’ Settembru, 2016).

 

Dan hu l-ewwel atteġġjament li jista’ jwassal għall-globaliżżazzjoni solidali u koperattiva.  Qabel kollox jeħtieġ li kulħadd, personalment ma jibqax indifferenti għall-ġrieħi tal-foqra, imma jitgħallem ibati ma’ dawk li jsofru l-persekuzzjonijiet, is-solitudni, li kellhom jaħarbu għax ma setgħux jagħmlu mod ieħor, jew minħabba li huma mifrudin mill-familji tagħhom;  ma’ dawk li m’għandhomx aċċess għall-kura tas-saħħa; ma’ dawk li jbatu l-ġuħ, il-kesħa u s-sħana.

 

Dil-kumpassjoni ġġiegħel lill-operaturi ekonimiċi u politiċi jużaw l-intelliġenza tagħhom u r-riżorsi tagħhom mhux biss biex jikkontrollaw u jiċċekkjaw l-effetti tal-globaliżżazzjoni, imma wkoll biex jgħinu lil min hu responsabbli fl-ambjenti politiċi – reġjonali, nazjonali u internazzjonali -  ħalli jikkoreġi d-direzzjoni kull darba li jkun meħtieġ. Infatti, il-politika u l-ekonomija suppost għandhom ikunu jħaddnu fihom it-tħaddim tal-virtù tal-prudenza.

 

Il-Knisja dejjem tibqa’ mimlija bil-fiduċja, għax taf il-potenzjalitajiet kbar li għandha l-intelliġenza umana li tħalli lil Alla jmexxiha u tagħraf ukoll ir-rieda tajba taż-żgħir u tal-kbir, tal-foqra jew għonja, tal-imprendituri u l-ħaddiema.  Għaldaqstant nikoraġġikom biex tibqgħu għaddejjin bl-impenn tagħkom, immexxijin dejjem mid-Duttrina Soċjali tal-Knisja flimkien ma kull min għandu x’jaqsam – soċjetajiet ċivili, gvernijiet, organiżmi internazzjonali, komunitajiet akkademiċi u xjentifiċi u oħrajn – u nawguralkom kull suċċess fil-ħidma tagħkom.

Irrodilkom ħajr tal-attenzjoni tagħkom u niżgurakom mit-talb tiegħi; u nitlobkom twasslu t-tislima personali tiegħi, flimkien mal-barka tiegħi, lill-familji tagħkom u lill-kollaboraturi tagħkom.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber