Nirringrazzja lid-Direttriċi Eżekuttiva, is-Sinjura Ertharin Cousin, li stednitni ninawgura s-Sessjoni Annwali 2016 tal-Ġunta Eżekuttiva tal-Programm Alimentari Dinji, kif ukoll tal-kelmtejn ta’ merħba. Barra minn hekk, insellem lill-Ambaxxatriċi, is-Sinjura Stephanie Hochstetter Skinner-Klée, President ta’ din l-assemblea importanti, li qed tiġbor flimkien ir-Rappreżentanti mid-diversi gvernijiet imsejħa biex jieħdu inizjattivi konkreti fil-ġlieda kontra l-ġuħ. U waqt li nsellem lilkom ilkoll hawn miġbura, nirringrazzjakom tal-ħafna sforzi u l-impenn tagħkom f’kawża li ma tistax ma tpoġġix quddiemna sfida importanti: il-ġlieda kontra l-ġuħ li qed ibatu ħafna minn ħutna.

 

Ftit ilu tlabt quddiem il-“Ħajt tat-tifkira”, xhieda tas-sagrifiċċju li għamlu l-membri ta’ din l-Organizzazzjoni, meta offrew ħajjithom biex, anki qalb tant taħbit, min hu bil-ġuħ ma jibqax imċaħħad mill-ħobż. Tifkira li rridu ngħożżu biex nibqgħu nissieltu, bl-istess ħerqa, għall-għan hekk mixtieq tal-“ġuħ żero”. Dawn l-ismijiet imnaqqxa fid-daħla ta’ din id-Dar huma sinjal elokwenti tal-fatt li l-PAM, mhux biss m’hux struttura anonima u formali, imma hu għodda valida f’idejn il-komunità internazzjonali biex twettaq ħidma dejjem iżjed ħerqana u effikaċi. Il-kredibbiltà ta’ istituzzjoni ma tissejjisx fuq id-dikjarazzjonijiet tagħha, imma fuq l-azzjonijiet imwettqa mill-membri tagħha. Tissejjes fuq ix-xhieda tagħha.

 

Fid-dinja li fiha ngħixu, fejn kollox hu marbut ma’ xulxin speċjalment bil-mezzi tal-komunikazzjoni, id-distanzi ġeografiċi donnhom qed jiqsaru. Għandna l-possibbiltà li jkollna kuntatt kważi fl-istess ħin ma’ dak li jkun qed iseħħ fil-parti l-oħra tal-pjaneta. Permezz tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni, inħossuna qrib ta’ tant sitwazzjonijiet ta’ tbatija u dawn il-mezzi jistgħu jgħinu (u għenu) biex iqanqlu ġesti ta’ kompassjoni u ta’ solidarjetà. Imqar jekk, paradossalment, din li minn barra tidher qrubija maħluqa mill-informatika qed tixxaqqaq dejjem iżjed. L-informazzjoni żejda li għandna donnha ftit ftit qed toħloq – aħfruli għal dan in-neoloġiżmu – in-“naturalizzazzjoni” tal-miżerja. Irrid ngħid li naqra naqra qed insiru immuni għat-traġedji ta’ l-oħrajn u nqisuhom qishom kienu xi ħaġa “naturali”. Tant huma fil-għadd l-immaġni li jaslu għandna, li aħna sirna naraw l-uġigħ u t-tbatija imma ma mmissuhomx b’idejna, nisimgħu l-biki imma ma nfarrġux, naraw l-għatx imma ma naqtgħuhx. Hekk, ħafna ħajjiet isiru parti minn aħbar li ftit ħin ieħor teħdilha postha oħra. U, waqt li l-aħbarijiet jinbidlu l-ħin kollu, it-tbatija, il-ġuħ u l-għatx ma jinbidlux, jibqgħu hemm. Din it-tendenza – jew tentazzjoni – qed titlob minna li nagħmlu pass ieħor ’il quddiem u min-naħa tagħha turina r-rwol fundamentali li istituzzjonijiet bħal din tagħkom għandhom fix-xenarju globali. Il-lum ma nistgħux inqisuna sodisfatti biss għax nafu x’inhuma s-sitwazzjonijiet ta’ ħafna minn ħutna. L-istatistiċi mhux sa jaqtgħu l-għatx tagħhom. Mhux biżżejjed nelaboraw riflessjonijiet fit-tul jew nintefgħu f’diskussjonijiet bla waqfien fuqhom, billi kontinwament nirrepetu argumenti li diġà kulħadd jafhom. Hemm bżonn “niddenaturalizzaw” il-miżerja u nieqfu nqisuha qisha kienet fatt tar-realtà fost ħafna oħrajn. Għaliex? Għax il-miżerja għandha wiċċ. Għandha l-wiċċ ta’ tarbija, għandha l-wiċċ ta’ familja, għandha l-wiċċ ta’ żgħażagħ u anzjani. Għandha l-wiċċ ta’ nuqqas ta’ opportunitajiet u ta’ xogħol ta’ tant persuni, għandha l-wiċċ ta’ l-immigranti mġiegħla jħallu pajjiżhom, tad-djar abbandunati jew meqruda. Ma nistgħux “ninnaturalizzaw” il-ġuħ ta’ tant persuni; ma nistgħux ngħidu li s-sitwazzjoni tagħhom hi frott ta’ destin agħma li quddiemu ma nistgħu nagħmlu xejn. U meta l-miżerja ma jibqgħalhiex wiċċ, nistgħu naqgħu għat-tentazzjoni li nibdew nitkellmu u niddiskutu fuq “il-ġuħ”, “l-alimentazzjoni”, “il-vjolenza”, u nħallu għall-ġenb is-suġġett konkret, reali, li l-lum mill-ġdid qed iħabbat fuq il-bibien tagħna. Meta jonqsu l-uċuħ u l-istejjer, il-ħajjiet jibdew isiru ċifri u hekk ftit ftit inkunu nirriskjaw li nibburokratizzaw l-uġigħ u t-tbatija ta’ l-oħrajn. Il-burokraziji ħsiebhom fil-prattika; mill-banda l-oħra, il-kompassjoni – mhux li wieħed jitħassar u daqshekk, imma l-kompassjoni, li wieħed ibati ma’ – tirriskja għall-persuni. U naħseb li hawn għandna ħafna x’nagħmlu. Flimkien mal-ħidmiet kollha li diġà qed isiru, hemm bżonn naħdmu biex “niddenaturalizzaw” u niddeburokratizzaw il-miżerja u l-ġuħ ta’ ħutna. Dan jitlob minna interventi fuq skali u livelli differenti fejn inqiegħdu bħala mira ta’ l-isforzi tagħna l-persuna konkreta li qed tbati u hi bil-ġuħ, imma li fih ukoll għana immens ta’ enerġiji u potenzjalitajiet li rridu ngħinu jesprimu ruħhom konkretement.

 

1. “Niddenaturalizzawil-miżerja

Meta kellimt lill-FAO, fl-okkażjoni tat-II Konferenza Internazzjonali fuq in-nutrizzjoni, għidt li waħda mill-ikbar koerenzi li konna ġejna mistiedna nikkunsidraw kienet il-fatt li jeżisti biżżejjed ikel għal kulħadd, “imma mhux kulħadd jista’ jiekol, waqt li l-ħela, ir-rimi, il-konsum żejjed u l-użu ta’ nutrijenti għal skopijiet oħra jinsabu taħt għajnejna” (Diskors lill-Plenarja tal-Konferenza [20 ta’ Novembru 2014], 3).

 

Ħa nagħmilha ċara: in-nuqqas ta’ ikel għal kulħadd m’huwiex xi ħaġa naturali, m’hux fatt la ovvju u lanqas ċar. Li l-lum, fis-seklu wieħed u għoxrin, ħafna persuni qed ibatu minn dan il-flaġell, ġej minn tqassim egoist u ħażin tar-riżorsi, “merkantilizzazzjoni” ta’ l-ikel. L-art, ittrattata ħażin u abbużata, f’ħafna partijiet tad-dinja qed tissokta tagħtina l-frott tagħha, tkompli toffrilna l-aħjar tagħha; l-uċuħ imġewħa jfakkruna li aħna qlibna l-fini tagħha rashom ’l isfel. Don, li għandu finalità universali, ġibnieh privileġġ tal-ftit. Għamilna mill-frott ta’ l-art – don għall-umanità – il-kumdità jew lussu tal-ftit, u hekk ħloqna iżjed esklużjoni. Il-konsumiżmu – li ħakem lis-soċjetà tagħna – wassalna biex drajna b’dak li m’għandniex bżonn u bil-ħela ta’ ikel ta’ kuljum, li kull tant lanqas għadna kapaċi nagħtuh il-valur li jixraqlu, li jmur lil hemm mis-sempliċi parametri ekonomiċi. Madankollu, nagħmlu sew niftakru li l-ikel li jinħela jkun qed jinsteraq minn ħalq il-fqir, minn min hu bil-ġuħ. Din ir-realtà titlobna nirriflettu fuq il-problema tat-telf u tal-ħela ta’ l-ikel, biex nistgħu nsibu toroq u modi kif, waqt li jaffrontaw serjament din il-problematika, ikunu mezzi ta’ solidarjetà u ta’ qsim ma’ dawk l-iżjed fil-bżonn (ara Katekeżi tal-5 ta’ Ġunju 2013: Insegnamenti I, 1 [2013], 280).

 

2. Niddeburokaratizzaw il-ġuħ

Jeħtieġ nistqarru b’sinċerità: hemm kwistjonijiet li ġew ibburokratizzati. Hemm azzjonijiet li bħal “ingħalqu fi fliexken”. L-instabbiltà dinjija li qed ngħixu fiha kulħadd hu konxju tagħha. Fl-aħħar żminijiet huma l-gwerer u t-theddid ta’ kunflitti li qed jieħdu l-ewwel post fl-interessi u d-dibattiti tagħna. U hekk, quddiem il-firxa wiesgħa ta’ kunflitti eżistenzi, donnhom l-armi kisbu predominanza mhux tas-soltu, hekk li warrabna fil-ġenb għal kollox modi oħra ta’ kif insolvu l-kwistjonijiet li huma oġġett ta’ kuntrast. Din il-preferenza l-lum tant niżżlet għeruqha u ġiet aċċettata li qed iżżomm lura t-tqassim ta’ l-ikel fiz-zoni tal-gwerra, biex wasalna saħansitra għall-vjolazzjoni tal-prinċipji u tad-direttivi l-iżjed bażilari tal-liġi internazzjonali, li ilhom japplikaw bosta sekli. Hekk sibna ruħna quddiem fenomenu stramb u paradossali: waqt li l-għajnuniet u l-pjani ta’ żvilupp huma mxekkla minn deċiżjonijiet politiċi kkumplikati u li ma tistax tifhimhom, minn viżjonijiet ideoloġiċi li jbegħduna iżjed mill-miri tagħna, jew minn ħitan tad-dwana li qajla jingħelbu, l-armamenti le; ma jimpurtax mnejn ġejjin, huma jiċċirkolaw b’libetà arroganti u kważi assoluta f’tant partijiet tad-dinja; u hekk, nitimgħu l-gwerer flok il-persuni. F’xi każi, l-istess problema tal-ġuħ tintuża bħala arma tal-gwerra. U l-vittmi joktru dejjem iżjed, għax l-għadd tal-persuni li qed imutu bil-ġuħ u l-għeja rridu nżiduh ma’ dak tas-suldati li jmutu fuq il-kamp tal-battalja u ma’ dak tal-ħafna ċivili li jmutu fil-ġlied u fl-attentati. Aħna nafu sew b’dan, imma nħallu l-kuxjenza tagħna torqod, u hekk inġibuha insensibbli, forsi bi kliem li jipprova jiġġustifikaha: “Ma nistgħu nagħmlu xejn kontra traġedja hekk kbira”. Hi l-anestesija l-iżjed komuni. Hekk il-forza ssir l-uniku mod ta’ kif naġixxu, u l-poter il-mira despotika li rridu nilħqu. Il-popli l-iżjed dgħajfa mhux biss ibatu minħabba l-gwerer, imma fl-istess ħin, jaraw imxekkla kull tip ta’ għajnuna. Għalhekk jeħtieġ li niddeburokratizzaw dak kollu li qed iżomm il-pjani ta’ għajnuna umanitarja milli jwettqu l-għanijiet tagħhom. F’dan intom għandkom rwol fundamentali, għax għandna bżonn ta’ veri eroj kapaċi jiftħu toroq, jibnu pontijiet, jissimplifikaw proċeduri li jagħtu iktar importanza lill-wiċċ ta’ min qed ibati. Lejn din il-mira għandhom ikunu orjentati l-inizjattivi tal-komunità internazzjonali.

 

M’aħniex ngħidu li għandna narmonizzaw interessi li jibqgħu ankrati f’viżjonijiet nazzjonali ċċentrati jew egoiżmi li ħadd ma jrid jammetti. Pjuttost irridu li l-Istati membri jsaħħu b’mod deċiżiv ir-rieda vera tagħhom li jikkoperaw għal dan il-għan. Għalhekk, hu importanti li r-rieda politika tal-pajjiżi kollha membri tgħin u tkabbar deċiżivament ir-rieda effettiva li tikkopera mal-Programm Alimentari Dinji, biex dan mhux biss iwieġeb għall-urġenzi, imma jwettaq proġetti b’saħħithom u konsistenti u jippromovi programmi ta’ żvilupp fit-tul, skond it-talbiet ta’ kull gvern u fi qbil mal-ħtiġijiet tal-popli.

 

Il-Programm Alimentari Dinji bil-mixja u l-ħidma tiegħu juri li possibbli tikkordina konoxxenzi xjentifiċi, deċiżjonijiet tekniċi u azzjonijiet prattiċi bl-isforzi ddestinati li jiġbru riżorsi u jqassmuhom b’mod ekwu, billi jirrispettaw l-esiġenzi ta’ dawk li jirċevuhom u r-rieda ta’ min jagħtihom. Dan il-metodu, fiz-zoni l-iżjed magħkusa u foqra, jista’ u għandu jiggarantixxi l-iżilupp xieraq tal-kapaċitajiet lokali biex ftit ftit titneħħa kull dipendenza esterna, waqt li ma jibqax jintilef ikel, hekk li xejn ma jinħela. F’kelma wada, il-PAM hu eżempju validu ta’ kif fid-dinja kollha jista’ jkun hemm ħidma biex jinqered il-ġuħ bit-tqassim aħjar tar-riżorsi umani u materjali, waqt li tissaħħaħ il-komunità lokali. Dwar dan, ninkuraġġikom tibqgħu mexjin. Tħallux tirbaħkom l-għeja – li m’hix żgħira –, lanqas li d-diffikultajiet jaqtgħulkom qalbkom. Emmnu f’dak li tagħmlu u komplu agħmluh bil-ħeġġa, għax dan hu l-mod kif iż-żerriegħa tal-ġenerożità tista’ tnibbet bil-qawwa. Ippermettu lilkom infuskom il-lussu li toħolmu. Għandna bżonn ta’ ħalliema li jmexxu ’l quddiem dawn il-proġetti.

 

Il-Knisja Kattolika, fidila lejn il-missjoni tagħhom, tixtieq taħdem id f’id ma’ l-inizjattivi kollha li qed jissieltu għall-ħarsien tad-dinjità tal-persuni, speċjalment ta’ dawk li huma miġruħa fid-drittijiet tagħhom. Biex issir realtà din il-prijorità urġenti ta’ “ġuħ żero”, niżgurakom ilkoll mill-għajnuna u l-appoġġ tagħna b’riżq l-isforzi kollha li qed isiru.

 

“Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni”. F’dawn il-kelmiet hemm waħda mill-massimi tal-Kristjaneżmu. Espressjoni li, lil hinn mill-istqarrijiet reliġjużi u mill-konvinzjonijiet kollha, tista’ tkun offruta bħala rigal tad-deheb għall-popli tagħna. Il-futur ta’ poplu jiddependi minn kemm kapaċi jħossu responsabbli għall-ġuħ u l-għatx ta’ ħutu. U dak li jgħodd għal poplu, jgħodd ukoll għall-bnedmn kollha: il-futur ta’ l-umanità jiddipendi fuq kemm kapaċi tħossha responsabbli mill-ġuħ u l-għatx ta’ l-aħwa. F’din il-ħila li taqbeż għal min hu bil-ġuħ u bil-għatx nistgħu nkejlu l-polz ta’ l-umanità tagħna. Għalhekk, nawgura li t-taqbida biex jinqerdu l-ġuħ u l-għatx ta’ ħutna, flimkien ma’ ħutna, tissokta tisfidana; ma tħalliniex norqdu u tgħinna noħolmu: it-tnejn flimkien; tisfidana sakemm infittxu kreattivament soluzzjonijiet ta’ bidla u ta’ trasformazzjoni.

 

U Alla li jista’ kollox iwieżen bil-barka tiegħu l-ħidma ta’ jdejkom. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard