Għeżież ħuti fi Kristu,

«Grazzja u sliem lilkom mingħand Alla Missierna u mingħand Sidna Ġesù Kristu, li ta lilu nnifsu għal dnubietna, biex jeħlisna minn din id-dinja ħażina tallum, skont ir-rieda ta' Alla u Missierna» (Galatin 1,3-4).  B’dan il-kliem, l-Appostlu Pawlu jesprimi l-fidi li aħna lkoll nemmnu fiha, it-tama tagħna.  Nixtieq li din it-tislima tiegħi, li tipproklama li Ġesù Kristu hu Mulej u Salvatur, tasal ukoll għand il-membri tal-komunitajiet li intom ġejjin minnhom.

Filwqt li noffru r-rieda kollha tagħna, b’imħabba mġedda, għall-qadi tal-Evanġelju, nkunu qed ngħinu lill-Knisja tkun dejjem aktar fi Kristu u ma’ Kristu, id-dielja għammiela tal-Mulej «sakemm ilkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben t’Alla, insiru raġel magħmul fl-aħjar ta’ żmienu, u hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu» (Efesin 4,13).  Din ir-realtà għandha l-għeruq tagħha fil-Magħmudija li biha aħna nieħdu sehem mill-frott tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.  Il-Magħmudija hija don divin imprezzabbli li hu komuni bejnietna (cfr Galatin 3,27).  Bis-saħħa tiegħu aħna ma ngħixux biss fid-dimensjoni terrena imma fil-qawwa tal-Ispirtu.

Is-Sagrament tal-Magħmudija jfakkarna verità fundamentali ta’ faraġ kbir: li l-Mulej jasal dejjem qabilna b’imħabbtu u l-grazzja tiegħu.  Hu jippreċiedi l-komunitajiet tagħna; jippreċiedi, jantiċipa u u jħejji l-qlub ta’ dawk li jħabbru l-Evanġeljuu ta’ dawk li jilqgħu l-Evanġelju tas-salvazzjoni.  «Meta naqraw l-Evanġelju, jidher ċar li l-proposta tal-Evanġelju mhix biss relazzjoni personali ma’ Alla.  U t-tweġiba ta’ mħabba tagħna m’għandhiex tinftiehem bħala sempliċi għadd ta’ ġesti żgħar ma’ xi ħadd li jkun fil-bżonn... serje ta’ azzjonijiet li jkollhom l-iskop waħdieni li jikkalmaw il-kuxjenza tagħna.  Il-proposta hija s-Saltna t’Alla (cfr Luqa 4,43); li nħobbu ‘l Alla li jsaltan fuq id-dinja (Eżort. App. Il-Ferħ tal-Evanġelju 180).  Is-Saltna t’Alla dejjem tippreċedina bħalma hu preċedenti għalina l-misteru tal-għaqda tal-Knisja.

Sa mill-bidu nett kien hemm il-firdiet fost l-insara, u sfortunatament illum għadhom magħna rivalitajiet u kunflitti bejn il-komunitajiet tagħna.  Din is-sitwazzjoni ddgħajjef il-ħila tagħna li nqiegħdu fis-seħħ il-kmandament tal-Mulej li nipprietkaw l-Evanġelju lin-nazzjonijiet kollha. (cfr Mattew 28, 19-20).  Ir-realtà tal-firdiet bejnietna tisfigura s-sbuħija tal-libsa waħdanija ta’ Kristu, imma ma teqridx għal kollox l-għaqda profonda li tiġġenera l-grazzja f’kull min hu mgħammed (cfr Konċ. Ekum. Vatikan II Unitatis Redintegratio [dwar l-Ekumeniżmu]), 13).  L-effikaċja tat-tħabbira nisranija tkun ċertament akbar jekk l-insara jegħlbu l-firdiet ta’ bejniethom u flimkien ikunu jistgħu jiċċelebraw is-Sagramenti, iħabbru l-Kelma t’Alla u flimkien jagħtu xhieda ta’ karità.

Jien ferħan li sirt naf li, f’numru ta’ pajjiżi fid-dinja, il-Kattoliċi u l-Evanġeliċi waqqfu relazzjonijiet ta’ fratellanza u kollaborazzjoni.  Minbarra dan, l-isforzi konġunti bejn il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda fost l-Insara u l-Kummissjoni Teoloġika tal-Alleanza Evanġelika Dinjija fetħu prospettivi ġodda għax iċċaraw in-nuqqas ta’ ftehim u wrew it-triq minn fejn nistgħu ngħaddu biex negħlbu l-preġudizzji.  Nawgura li dawn il-konsultazzjonijiet iservu ta’ ispirazzjoni akbar biex tiżdied ix-xhieda komuni fl-impenn tagħna flimkien bħala evanġeliżżaturi: «Jekk nemmnu tabilħaqq fl-azzjoni ħielsa u ġeneruża tal-Ispirtu, kemm nistgħu nitgħallmu minn xulxin!  Hawn m’aħniex nitkellmu biss fuq li niksbu tagħrif fuq l-oħrajn biex insiru nafuhom aħjar, imma li nilqgħu dak li żera’ l-Ispirtu s-Santu fihom bħala rigal għalina wkoll» (Eżort. App. Il-Ferħ tal-Evanġelju, 246).  Minbarra hekk, nittama li d-dokument “Ix-Xhieda Nisranija f’Dinja Multi-Reliġjuża - Rakkomandazzjonijiet għall-Imġieba” jservi ta’ ispirazzjoni għat-tħabbir tal-Evanġelju f’kuntesti multi-reliġjużi.

Għeżież ħuti, jien fiduċjuż li l-Ispirtu s-Santu, li bin-nifs qawwi tiegħu iħeġġeġ fil-Knisja l-kuraġġ li tippersevera fit-tfittxija ta’ metodi ġodda ta’ evanġeliżżazzjoni, jkun jista’ jinawgura pass ġdid fir-relazzjonijiet bejn il-Kattoliċi u l-Evanġeliċi.  Pass li jippermetti li sseħħ b’mod aktar sħiħ ir-rieda tal-Mulej li nwasslu l-Evanġelju sat–truf tad-dinja (cfr Atti 1,8).  Għal din jien imwegħedkom it-talb tiegħi filwaqt li nistedinkom biex titolbu għalija u għall-ministeru tiegħi.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber