Ħuti, il-waranofsinhar it-tajjeb!

F’din it-tielet laqgħa tagħna nesprimu l-istess għatx, l-għatx tal-ġustizzja, l-istess għajta: art, dar u xogħol għal kulħadd.

Irrodd ħajr lid-delegati li ġew mill-periferiji tal-ibliet, tal-irħula u l-industrijali tal-ħames kontinenti, aktar minn 60 pajjiż, biex jiddiskutu għal-darb’oħra dwar kif niddefendu dawn id-drittijiet li jgħaqqdu.  Grazzi lill-Isqfijiet li ġew jakkumpanjawkom.  Grazzi lill-eluf ta’ Taljani u Ewropej li llum ingħaqdu flimkien fi tmiem dil-laqgħa.  Grazzi lill-osservaturi u lill-impjegati żgħażagħ impenjati fil-ħajja pubblika li bl-umiltà ġew biex jisimgħu u jitgħallmu.  Kemm għandi tama fiż-żgħażagħ!  Irrodd ħajr lilek ukoll, Kardinal Turkson għax-xogħol li għamiltu fid-dikasteru; u rrid infakkar ukoll il-kontribut li ta l-ex-presideent tal-Urugwaj José Mujica, li jinsab hawn preżenti.

Fl-aħħar laqgħa tagħna fil-Bolivja, fejn il-maġġoranza kienu Latino-Amerikani, konna tkellimna dwar il-ħtieġa ta’ bidla biex il-ħajja tkun aktar denja, dwar tibdil tal-istrutturi; minbarra dan (tkellmina wkoll) dwar kif intom, il-movimenti popolari, tiżirgħu il-bidla u tkunu promoturi ta’ proċess li jiġbor fih miljuni ta’ azzjonijiet żgħar u kbar marbutin katina b’mod kreattiv, bħal f’poeżija; għal din ir-raġuni ridt isejħilkom “poeti soċjali”; u konna għamilna wkoll lista ta’ xi ħidmiet essenzjali biex nimxu lejn alternattiva umana quddiem il-globaliżżazzjoni tal-indifferenza: 1. li l-ekonomija tkun għas-servizz tal-popli; 2. Li nibnu l-paċi u l-ġustizzja; 3. Li niddefendu lil Ommna l-Art.

Dakinhar permezz ta’ “cartonera” (nies li jiġbru u jbiegħu l-kartun biex jaqilgħu xi ħaġa), u ta’ bidwi, fl-aħħar tal-laqgħa nqraw l-għaxar punti ta’ Santa Cruz de la Sierra, fejn il-kelma bidla kienet miżgħuda b’tifsir, kienet marbuta ma’ prinċipji fundamentali li intom titolbu bi dritt: xogħol dinjituż għal min hu mwarrab mis-suq tax-xogħol; art għall-bdiewa u għall-popolazzjonijiet indiġeni; djar għall-familji mingħajr saqaf; integrazzjoni urbana għall-kwartieri popolari; eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni, tal-vjolenza fuq in-nisa u l-għamliet ġodda tal-iskjavitù; it-tmiem tal-gwerrer kollha, tal-kriminalità organiżżata u r-ripressjoni; il-libertà tal-espressjoni u l-komunikazzjoni demokratika; xjenza u teknoloġija bħala servizz għall-popli.  Konna smajna wkoll kif intom impenjajtu ruħkom biex tħaddnu proġett tal-ħajja li jirrifjuta l-konsumiżmu u jikseb lura s-solidarjetà, l-imħabba bejnietna u r-rispett lejn in-natura bħala valuri essenzjali.  Dak li intom qed tipprotestaw dwaru hu l-ferħ “ta’ ħajja xierqa”, il-ħajja tajba” u mhux dik ideali u egoista li b’ingann taqleb il-kliem u toffri “l-bella vita”.

Aħna li ninsabu hawn illum, ġejjin minn oriġini, twemmin u ideat diversi, nistgħu ma naqblu f’xejn, żgur li naħsbuha differenti dwar ħafna affarijiet, imma żgur li naqblu fuq dawn il-punti.

Sirt naf ukoll li saru laqgħat u laboratorji f’diversi pajjiżi, fejn kotru ħafna d-dibattiti fid-dawl tar-realtajiet ta’ kull komunità.  Dan hu importanti ħafna għax is-soluzzjonijiet reali tal-problemi attwali ma joħorġux minn tlieta jew elf konferenza: għandhom ikunu frott tad-dixxerniment kollettiv li jimmatura fit-territorji flimkien mal-aħwa, dixxerniment li jsir azzjoni li tirriforma “skont il-post, iż-żmien u l-persuni”, kif kien jgħid San Injazju.  Inkella nirriskjaw li nkunu astratti, «li noħolqu slogans bi kliem sabiħ imma mingħajr il-ħila li jkunu ta’ fejda vera għall-komunitajiet tagħna» (Ittra lill-President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika-Latina, 19 ta’ Marzu, 2016).  Jibqgħu biss slogans.  Il-kolonjaliżmu ideoloġiku globaliżżat jipprova jiddetta riċetti ‘l hinn mill-kulturi li ma jirrispettawx l-identità tal-popli.  Intom mexjin fi triq oħra li, fl-istess waqt, hi lokali u universali.  Triq li tfakkarni kif Ġesù ordna li tkun imqassma l-folla fi gruppi ta’ ħamsin, biex ikun jista’ jitqassam il-ħobż (cfr Omelija fis-Solennità ta’  Corpus Domini, Buenos Aires, 12 ta’ Ġunju, 2004).

Ftit ħin ilu rajna l-vidjow li ppreżentajtu intom bħala konklużjoni ta’ din it-tielet laqgħa.  Rajna wiċċkom waqt id-diskussjonijiet dwar kif tistgħu taffrontaw “in-nuqqas ta’ ugwaljanza li joħloq il-vjolenza”.  Tant proposti, tant kreattività, tant tama f’leħinkom li forsi aktar kellu għalfejn jipprotesta, jibqa’ priġunier tal-kunflitti, jaqa’ fit-tentazzjoni tan-negattiv.  Madankollu intom tħarsu ‘l quddiem, tiddiskutu, tipproponu u taġixxu.  Nifirħilkom, nakkumpanjakom u nitlobkom tkomplu tiftħu t-toroq u titqabdu.  Dan itini l-forza, dan itina l-forza.  Nemmen li dan id-djalogu tagħna, li jingħaqad mal-isforzi ta’ tant miljuni ta’ persuni oħra li kuljum jaħdmu għall-ġustizzja fid-dinja kollha, qed irabbi l-għeruq.

Nixtieq immiss xi temi aktar speċifiċi, li rċevejthom mingħandkom u li ġagħluni nirrifletti u li issa se ngħaddilkom f’dan il-waqt.

1. It-terrur u l-ħitan

Madankollu, dan it-tnebbit, li jieħu żmienu – dak li kont qed nirreferi għalih qabel – li jieħu ż-żmien tiegħu bħal kull tqala, hu mhedded mill-ġirja sfrenata ta’ mekkaniżmu qerriedi li jaħdem bil-kuntrarju.  Hemm qawwiet setgħana li jistgħu jinnewtraliżżaw dal-proċess ta’ maturazzjoni ta’ kambjament li jista’ jwarrab min-nofs il-primat tal-flus u mill-ġdid iqiegħed fiċ-ċentru lill-bniedem, lir-raġel u lill-mara.  Dik “il-ħajta inviżibbli” li konna tkellimna dwarha fil-Bolivja, dik l-istruttura inġusta li torbot flimkien l-esklużjoni li tbatu minnha intom, tista’ tissaħħaħ u tinbidel fi frosta, frosta eżistenzjali li, bħalma kien jiġri fl-Eġittu tat-Testment l-Antik, toħloq l-ilsiera, tisraq il-libertà, tolqot lil xi wħud bla ħniena u thedded lill-oħrajn bla heda, biex lil kulħadd tbaxxih għal-livell ta’ bhima sal-punt li jrid iwasslu fih l-alla flus.

Allura min jiggverna?  Il-flus.  Kif jiggverna?  Bil-frosta tal-biża’ tad-diżugwaljanza, tal-vjolenza ekonomika, soċjali, kulturali u militari li tiġġenera aktar vjolenza fi spirali dejjem nieżla u li donnha ma tintemm qatt.  Kemm uġigħ u kemm biża’!  Hemm – għidtha ftit ilu – hemm terroriżmu bażiku li jinbet mill-kontroll globali tal-flus fid-dinja u qed jhedded l-umanità kollha kemm hi.  It-terroriżmi bħalma huma t-terroriżmu tad-droga, it-terroriżmu tal-istat u dak li xi wħud b’mod żbaljat isejħulu terroriżmu etniku u reliġjuż, jinbtu minn dan it-terroriżmu bażiku.  Iżda ebda poplu, ebda reliġjon m’huma terroristi!  Minnu li hemm gruppi żgħar fundamentalisti kullimkien.  Iżda t-terroriżmu jibda meta «keċċejt il-meravilja tal-maħluq, ir-raġel u l-mara, u poġġejt minflokhom il-flus» (Konferenza Stampa waqt it-titjira lura mill-Vjaġġ Appostoliku fil-Polonja, 31 ta’ Lulju, 2016).  Din hi sistema terroristika.

Kważi mitt sena ilu, Piju XI kien ippreveda li kienet se tissawwar dittatura ekonomika globali li kien sejħilha «imperjaliżmu internazzjonali tal-flus» (Ittra Eċiklika Quadregesimo anno, 15 ta’ Mejju, 1931, 109). Qed nitkellem dwar is-sena 1931!  Is-sala li ninsabu fiha jisimha “Pawlu VI” u kien Palwu VI li kważi ħamsin sena ilu kien iddenunzja «l-għamla abbusiva ġdida ta’ dominju ekonomiku fuq livell soċjali, kulturali u politku wkoll» (Ittra Appostolika Octogesima adveniens, 14 ta’ Mejju, 1971, 44).  Is-sena 1971.  Hu kliem iebes imma floku tal-predeċessuri tiegħi li kienu qed jaraw fil-bogħod.  Il-Knisja u l-Profeti ilhom eluf ta’ snin jitkellmu dwar dak li jiskandaliżża, tant li qed itennih il-Papa f’dawn iż-żminijiet li fihom dan kollu qed iseħħ b’mod li qatt ma rajna bħalu.  Id-duttrina soċjali kollha tal-Knisja u l-maġisteru tal-predeċessuri tiegħi qed jirribellaw kontra l-idolu flus li qed isaltan minflok iservi, (il-flus) li huma tiranni u qed jitterroriżżaw l-umanità.

Ebda tirannija ma ssostni lilha nfisha jekk mhux billi tisfrutta l-biżgħat tagħna.  Dan hu l-muftih!  Min hawn jiġi li kull tirannija hija terroristika.  U meta dan it-terrur, li jkun inżera’ fil-periferiji bil-massakri, bis-serq, bl-oppressjoni u l-inġustizzja, jisplodi wkoll fiċ-ċentri b’għamliet ta’ vjolenza differenti, saħansitra b’attentati mistkerrħa u vili, iċ-ċittadini li jkun għad fadlilhom xi drittijiet jibdew jiġu mixtrija bis-sigurtà falza ta’ ħitan fiżiċi u soċjali.  Ħitan li jgħalqu lil xi wħud u jeżiljaw oħrajn.  Ċittadini magħluqin bejn il-ħitan u terroriżżati min-naħa; esklużi, eżiljati, dejjem aktar terroriżżati, fuq in-naħa l-oħra.  Din hi l-ħajja li jrid Alla Missierna għal uliedu?

Il-biża’ tkun mgħalfa, manipulata...Għax minbarra li hi biċċa negozju tajjeb għall-merkanti tal-armi u tal-mewt, il-biża’ jdgħajjifna, jiddestabiliżżana, jeqred id-difiżi psikoloġiċi u spiritwali tagħna, jilluppjana quddiem it-tbatijiet tal-oħrajn u fl-aħħar jagħmilna wkoll krudili. Meta nisimgħu li qed issir festa minħabba l-mewt ta’ xi żgħażugħ li forsi kien żbalja t-triq, meta naraw li nippreferu l-gwerra milli l-paċi, meta naraw ix-xenofobija tinxtered, meta naraw li qed jaqbdu art il-proposti intolleranti; wara dil-krudeltà li donnha tidher tieħu sura ta’ blata samma, hemm il-fewġa kiesħa tal-biża’.  Nitlobkom titolbu għal kull min hu beżgħan, nitolbu ‘l Alla jtihom il-kuraġġ u biex f’dis-sena tal-ħniena jrattbilna qlubna.  Il-ħniena mhix faċli, mhix faċli... teħtieġ il-kuraġġ.  Hu għalhekk li Ġesù jgħidilna: «Tibżgħux» (Matt. 14,27), għax il-ħniena hi l-aħjar antidotu kontra l-biża’.  Hi ferm aħjar mill-pilloli kontra d-dipressjoni jew l-ansjetà.  Aktar effikaċi mill-ħitan, mill-barrieri tal-ħadid, mill- allarmiżmi u mill-armi.  U hija b’xejn: hija rigal ta’ Alla.

Għeżież ħuti, il-ħitan kollha jaqgħu.  Kollha.  Ma ningannawx ruħna.  Kif għidtu intkom: «Inkomplu naħdmu biex nibnu l-pontijiet bejn il-popli, pontijiet li jkissru l-ħitan tal-esklużjoni u tal-isfruttament» (Dokument aħħari tat-tieni laqgħa dinjija tal-movimenti popolari, 11 ta’ Lulju, 2015, Santa Cruz de la Sierra, Bolivja).  Naffrontaw it-terrur bl-imħabba.

It-tieni punt li nixtieq immiss huwa:L-Imħabba u l-pontijiet.

F’ġurnata bħal tal-lum, is-Sibt, Ġesù kien għamel żewġ affarijiet, jgħidilna l-Evanġelju, li ħaffew il-kumplott biex joqtluh.  Kien għaddej flimkien mad-dixxipli qrib għalqa tal-qamħ.  Id-dixxipli kienu bil-ġuħ u bdew jaqtgħu u jieklu l-qamħ.  Ma nafu xejn dwar sid dik l-għalqa... b’dan nifhmu li d-destinazzjoni tal-ġid hi għal kulħadd.  Li hu żgur hu li quddiem il-ġuħ il-prijorità ta’ Ġesù kienet id-dinjità ta’ wlied Alla aktar milli dwar interpretazzjoni formalistika, akkomodanti u moħħa biss fir-regola.  Meta d-dutturi tal-liġi lmentaw b’għadab ipokritu, Ġesù fakkarhom li Alla jrid imħabba mhux sagrifiċċji, u spjega li s-Sibt hu magħmul għall-bniedem mhux il-bniedem għas-Sibt (cfr Mark 2,27).  Ikkonfronta l-ħsieb ipokrita u prużuntuż bl-inteliġenza umli tal-qalb (cfr Omelija, l-I Kungress tal-Evanġeliżżazzjoni tal-Kultura, Buenos Aires, 3 ta’ Novembru, 2006), li dejjem tagħti l-prijorità lill-biedem u ma taċċettax li ċertu loġika ta’ preċiżjoni tostakola l-libertà tiegħu li jgħix, iħobb u jservi lill-proxxmu.

U wara dak, fl-istess jum, Ġesù għamel xi ħaġa “agħar”, ħaġa li irritat ferm aktar lill-ipokriti u s-suppervi li kienu qegħdin josservawh biex ifittxu skuża ħalli jaqbudh.  Fejjaq id niexfa ta’ raġel.  L-id, dan is-sinjal tant qawwi tax-xogħol, tal-ħidma. Lil dak ir-raġel Ġesù raddlu lura d-dinjità.  Kemm idejn niexfa, kemm persuni neqsin mid-dinjità tax-xogħol!  Għaliex biex jiddefendu s-sitemi inġusti, l-ipokriti jeħduha kontra min jitfejjaq.  Kultant naħseb li meta intom, imsejkna organiżżaturi, toħolqu x-xogħol, billi twaqqfu koperattiva, tirkuparw fabbika li tkun falliet, tirriċiklaw l-iskart tas-soċjetà tal-konsumiżmu, taffrontaw it-temp ħażin biex tbiegħu fil-pjazzez, tippretendu bi dritt roqgħa art biex tikkultivawha ħalli titimgħu lil min hu bil-ġuħ, meta tagħmlu dan tkunu qed timitaw lil Ġesù, għax tkunu qed tfittxu l-fejqan, anki jekk ikun fejqan ħafif, anki jekk ikun prekarju, ta’ din in-nixfa fis-sistema soċjo-ekonomika dominanti li tissejjaħ “nuqqas ta’ xogħol”.  Ma niskantax li ximindaqqiet intom ukoll tkunu mgħassa u persegwitati, u lanqas niskanta li dak li tgħidu intom, lis-suppervi ma jinteressahomx.

Ġesù, li f’dak is-Sibt irriskja ħajtu, għax wara li fejjaq dik l-id, il-fariżej u l-erodjani (cfr Matt.3,6), żewġ partiti opposti għal xulxin li kienu jibżgħu mill-poplu u anki mill-imperu, għamlu l-kalkoli tagħhom u faqqsu kumplott biex joqtluh.  Naf li ħafna minnkom jirriskjaw ħajjithom.  Naf – u rrid infakkar – u rrid infakkarha din – li wħud minnkom mhux qegħdin hawn illum għax lagħbu ħajjithom...  Għal dan m’hemmx imħabba akbar minn dik li tagħti ħajtek.  Dan jgħallimna Ġesù.

It-tliet “T”, l-għajta tagħkom, li nagħmilha tiegħi, fiha xi ftit minn dik l-inteliġenza umli imma fl-istess waqt qawwija u li tfejjaq.  Proġett-pont tal-popli quddiem il-proġett-ħajt tal-flus.  Proġett li jimmira lejn żvilupp uman sħiħ.  Uħud jafu li l-ħabib tagħna l-Kardinal Turkson issa hu president tad-Dikasteru li jġib dan l-isem: Żvilupp Uman Sħiħ.  Il-maqlub tal-iżvilupp, nistgħu ngħidu, huwa n-nixfa, il-paraliżi.  Irridu ngħinu d-dinja biex tfiq minn nixfa morali tagħha.  Dis-sistema niexfa forsi tista’ tagħti ftit “protesi” kożmetiċi li m’humiex żvilupp veru: tkabbir ekonomiku, progress teknoloġoku, aktar effiċjenza biex isiru prodotti li jinbiegħu, jintużaw u jintremew li bihom qed jigglobaliżżawna fid-dinamika bla rażan tal-iskart...  Imma dinja bħal din ma tippermettix (ma tridx) li l-bniedem jiżviluppa integralment, ma tridx żvilupp li ma jispiċċax f’konsum, li ma jkunx biss il-ġid tal-ftit, li jinkludi l-popli kollha u l-persuni fil-milja tad-dinjità tagħhom biex fil-fraternità jgawdu l-meravilji tal-ħolqien.  Dan hu l-iżvilupp li neħtieġu: uman, integrali, li jirrispetta l-ħolqien, ta’ did-dar komuni.

Punt ieħor hu: Falliment u salvataġġ.

Għeżież ħuti, nixtieq naqsam magħkom xi riflessjonijiet dwar temi oħrajn li, flimkien mat-“3-T” u flimkien mal-ekoloġija integrali, kienu fiċ-ċentru tad-dibattiti tagħkom dawn l-aħħar jiem u huma ċentrali f’dal-perjodu storiku.

Naf li ddedikajtu ġurnata sħiħa għall-problema tal-migranti, ir-refuġjati u l-itturufnati.  X’għandu jsir quddiem traġedja bħal din?  Fid-Dikasteru li hu responsabbli tiegħu il-Kardinal Turkson hemm sezzjoni ddedikata għal dawn is-sitwazzjonijiet.  Iddeċdejt li, għallanqas għal ċertu żmien, dik is-sezzjoni tkun direttament taħt il-Papa, għax din hi sitwazzjoni ta’ għajb kbir li nista’ niddeskriviha biss b’kelma waħda li ħarġitli spontanja f’Lampedusa: mistħija.

Hemmhekk, bħal f’Lesbo, smajt b’widnejja t-tbatija ta’ tant familji mkeċċijin minn artijiethom minn madwar id-dinja kollha – minħabba sistema soċjo-ekonomika inġusta u l-gwerrer li ma fittxewhomx huma, li ma ħolquhomx dawk li llum qed ibatu mhux biss minħabba n-niket li tqaċċtu mill-patrija tagħhom, imma pjuttost minħabba l-bosta li qed jirrifjutaw li jilqgħuhom. 

Nagħmel tiegħi kliem ħija l-Arċisqof Hieronymos tal-Greċja: «Min iħares lejn għajnejn it-tfal li nitlaqgħu magħhom fil-kampijiet tar-rifuġjati jista’ jifhem mill-ewwel, fis-sħuħija kollha tiegħu “il-falliment tal-umanità» (Diskors fil-kamp tar-rifuġjati ta’ Moira, Lesbos, 16 ta’ April, 2016).  X’jiġri fid-dinja tal-lum li meta jfalli bank?  Mill-ewwel jinstabu sommom skandalużi biex isalvawh.  Imma meta jsir dal-falliment tal-umanità, kważi l-anqas milleżmu m’hemm biex isalva lil dawn ħutna li qed isofru tant?  U hekk il-Mediterran sar ċimiterju, u mhux il-Mediterran biss... ħafna ċimiterji qrib il-ħitan, ħitan imtebbgħin b’demm innoċenti.  Tul il-jiem ta’ dawn il-laqgħat – tgħiduh fil-vidjow – kemm nies mietu fil-Mediterran?

Il-biża’ jwebbes il-qalb li tinbidel fi krudeltà għamja li tirrifjuta li tara d-demm, l-uġigħ, il-wiċċ tal-ieħor.  Dan qalu ħija l-Patrijarka Bartilmew: «Min jibża’ minnkom ma ħarisx dritt f’għajnejkom.  Min jibża’ minnkom ma rax wiċċkom.  Min jibża’ mhux qed jara ‘l uliedkom.  Jinsa li d-dinjità u l-libertà jmorru ‘l hinn mill-biża’, jmorru ‘l hinn mill-firda.  Jinsa li l-migrazzjoni mhix problema tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika tan-Nofsinhar, tal-Ewropa u tal-Greċja.  Hija problema tad-dinja» (Diskors fil-kamp tar-rifuġjati ta’ Moira, Lesbos, 16 ta’ April, 2016.

Hi verament problema tad-dinja.  Ħadd m’għandu jsib ruħu mġiegħel jaħrab mill-patrija tiegħu.  Imma l-ħażin hu doppju meta, quddiem dawn iċ-ċirkustanzi terribbli, il-migrant isib ruħu mitfugħ taħt dwiefer it-traffikanti tal-persuni biex ikun jista’ jaqsam il-fruntieri, u jsir tripplu jekk meta jasal fl-art li jkun jaħseb li se jsib fiha futur aħjar, jisfa’ disprezzat, sfruttat, jew saħansitra lsir.  Dawn nistgħu narawhom f’kull rokna ta’ mijiet ta’ bliet.  Jew inkella sempliċiment ma jitħalliex jidħol.

Nitlob lilkom biex tagħmlu dak kollu li hu possibbli; li ma tinsew qatt li Ġesù, Marija u Ġużeppi wkoll għaddew minn dil-kundizzjoni drammatika tar-rifuġajti.  Nitlobkom biex tużaw dik is-solidarjetà tant speċjali li teżisti fost dawk li għaddew nit-tbatija.  Intom tafu tirkupraw fabbiki falluti, tirriċiklaw dak li jarmu l-oħrajn, toħolqu postijiet tax-xogħol, tikkultivaw l-art, tibnu djar, tintegraw kwartieri segregati u tipprotestaw bħall-armla tal-Evanġelju li titlob il-ġustizzja b’insistenza (cfr Luqa 18,1-8).  Forsi bl-eżempju tagħkom u bl-insistenza tagħkom, xi Stati u Organiżżazzjonijiet Internazzjonali jiftħu għajnejhom u jaddottaw miżuri xierqa biex jilqgħu u jintegraw sħiħ lil dawk kollha li, għal xi raġuni jew oħra, qed ifittxu kenn bogħod minn djarhom.  U wkoll biex (dawn l-organiżżazzjonijiet) jaffrontaw il-kawżi l-aktar profondi l-għala ta’ kuljum, dawn l-eluf ta’ rġiel nisa u tfal qed jitkeċċew mill-artijiet fejn twieldu.

Li tagħti l-eżempju u li tipprotesta hu mod kif issir il-politika, u dan iwassalni għat-tieni tema li intom iddiskutejtu dwaru waqt il-laqgħa tagħkom: ir-relazzjoni bejn poplu u demokrazija.  Relazzjoni li suppost għandha tkun naturali u fluwida iżda li hi fil-periklu li tittappan sa ma tispiċċa biex ma tintgħarafx aktar.  Id-differenza bejn il-popli u l-għamliet attwali tad-demokrazija qegħda tikber dejjem bħala konsegwena tal-poter ekonomiku u medjatiku enormi li donnhom qed jiddominawha.  Naf li l-movimenti popolari m’humiex gruppi politiċi u ħalluni ngħidilkom li, fil-biċċa l-kbira, hawn tinsab ir-rikezza tagħkom, għax intom tesprimu għamla differenti, dinamka u vitali ta’ parteċipazzjoni soċjali fil-ħajja pubblika.  Imma tibżgħux tieħdu sehem fid-diskussjonijiet il-kbar, fil-Politika bil “P” majuskola, u, nikkowota mill-ġdid lill-Papa Pawlu VI: «Il-politika hi manjiera esiġenti – imma mhux waħedha – li biha jingħex l-impenn Nisrani għas-servizz tal-oħrajn» (Ittra Appostolika Octogesima adveniens, 14 ta’ Mejju, 1971, 46)). Jew dil-frażi li ntenni tant drabi, u li dejjem nitfixkel jekk hix ta’ Pawlu VI jew ta’ Piju XII: «Il-politika hi waħda mill-aktar għamliet għolja ta’ karità, ta’ mħabba”.

Irrid niġbed l-attenzjoni fuq żewġ riskji li jolqtu r-relazzjoni bejn il-movimenti popolari u l-politika: ir-riskju li tispiċċaw magħluqin kaxxa u r-riskju li taqgħu għall-korruzzjoni.

Tħallux min irażżankom għax xi wħud jgħidu: il-koperattiva, il-kċina li  tqassam l-ikel, il-ġnejna agroekoloġika, l-impriżi żgħar, il-proġetti tal-pjanijiet ta’ assistenza.... s’hawn kollox sew.  Sakemm intom tibqgħu fil-kaxxa tal-“politka soċjali”, sakemm ma tibdewx tmeru l-politika ekonomika jew il-politika bil-majuskola, jittolerawkom.  Dik l-idea tal-politika soċjali konċepita bħala politika lejn il-foqra, imma qatt mal-foqra, qatt tal-foqra u dejjem anqas parti mill-proġett li jgħaqqad il-popli, kultant kont nistħajjilha qiesha karru bil-maskra biex fih jintefa’ l-iskart tas-sistema.  Meta intom, minħabba r-rabta li għandkom mat-territorju, minħabba r-realtà tagħkom ta’ kuljum, ibda mill-organiżżazzjoni tax-xogħol komunitarju, ir-relazzjonijiet bejn persuna u oħra, tażżardaw tikkritikaw “ir-relazzjonijiet il-kbar”, meta tgħollu leħinkom, meta tinsistu li turu lis-setgħanin kif tfasslu integrazzjoni akbar, allura ma tibqgħux aktar tollerati għax tkunu qed toħorġu mill-“kaxxa tagħkom”, tkunu qed tirfsu l-art tad-deċiżjonijiet il-kbar li wħud jippretendu li għandhom jimmonopoliżżawhom fi klikkek żgħar.  B’hekk id-demokrazija tinxef, issir normaliżmu, formalità, titlef is-saħħa li tkun rappreżentattiva, tibda’ tinża’ laħamha għax tbarri l-poplu mit-taqbida tal-ħajja ta’ kuljum għad-dinjità, mit-tiswir tad-destin tiegħu.

Intkom, organiżżazzjonijiet tal-imwarrbin u tant organiżżazzjonijiet ta’ setturi oħra tas-soċjetà, imsejħin biex terġgħu tagħtu l-ħajja, iġġeddu mill-pedament id-demokraziji li għaddejjin minn kriżi ta’ veru. Taqgħux fit-tentazzjoni li tispiċċaw kaxxa magħluqa li tagħmilkom atturi sekondarji jew, agħar, bħala sempliċi amministraturi tal-miżerija li teżisti.  F’daż-żmien ta’ paraliżi, diżorjentament u proposti qerrieda, il-parteċipazzjoni tagħkom bħala protagonisti tal-popli li tfittxu l-ġid komuni jista’ jirbaħ, bl-għajnuna t’Alla, fuq il-profeti foloz li jisfruttaw il-biża’ u d-disperazzjoni, li jbiegħu formuli maġiċi ta’ mibgħeda u krudeltà jew ta’ kumdità egoistika u sigurtà illużorja.

Nafu li sakemm ma jissolvewx radiklament il-problemi tal-foqra, billi tkun miċħuda b’mod assolut l-awtonomija tas-swieq u tal-ispekulazzjoni finanzjarja flimkien ma’ gwerra kontra l-kawżi strutturali tal-inugwaljanza, qatt m’huma se jissolvew il-problemi tad-dinja u fil-fatt ebda problema oħra.  In-nuqqas ta’ ugwaljanza huwa l-għerq tal-mard soċjali (Il-Ferħ tal-Vanġelu, 202).  Għaldaqstant, għidtha u ntenniha «il-frott tal-umanità ma jinsabx biss f’idejn il-mexxejja l-kbar, f’idejn is-setgħat il-kbar u l-éliteJinsab fuq kollox f’idejn il-popli; fil-ħila tagħhom li jorganiżżaw ruħhom u anki f’idejhom hekk kif huma jsaqqu, bl-umiltà u l-konvinzjoni, dan il-proċess ta’ tibdil» (Diskors fit-II laqgħa dinjija tal-movimenti popolari, Santa Cruz de la Sierra, 9 ta’ Lulju, 2015).  Il-Knisja wkoll tista’ u għandha, mingħajr pretensjoni li għandha l-monopolju tal-verità, issemma’ leħinha u taġixxi quddiem «sitwazzjonijiet li fihom jintmissu l-pjagi u s-soffernzi drammatiċi, u li jolqtu l-valuri, l-etika, ix-xjenzi soċjali u l-fidi» (Intervent fis-summit tal-imħallfin u l-maġistrati kontra t-traffikar tal-persuni u l-kriminalità organiżżata, il-Vatikan, 3 ta’ Ġunju, 2016).  Dan hu l-ewwel riskju: ir-riskju li ninqabdu f’kaxxa u l-istedina li nidħlu fil-politika li tgħodd.

It-tieni riskju, kont qed ngħidilkom, hu li tħallu min jikkorrompikom.  Daqskemm il-politika mhix kwistjoni tal-politiċi, il-korruzzjoni mhix vizzju esklussiv tal-politika. Hemm il-korruzzjoni fil-politika, hemm il-korruzzjoni fl-impriżi, hemm il-korruzzjoni fil-mezzi tal-komunikazzjoni, hemm il-korruzzjoni fil-knejjes, u hemm il-korruzzjoni wkoll fl-organiżżazzjonijiet soċjali u fil-movimenti popolari.  Hu ġust li tgħid li l-korruzzjoni għandha l-għeruq f’xi ambjenti tal-ħajja ekonomika, partikolarment fl-attivtajiet finanzjarji, u din tagħmel anqas ħoss mill-korruzzjoni marbuta direttament mal-qasam politiku u soċjali.  Hu ġust li tgħid li f’xi okkażjonijiet, il-każi ta’ korruzzjoni jiġu użati b’għanijiet ħżiena.  Imma huwa wkoll ġust niċċaraw illi min għażel li jgħix ħajtu għas-servizz għandu dmir akbar li jintrabat mal-onestà li biha kwalunkwe persuna għandha ġġib ruħha fil-ħajja.  Il-livell hu għoli ħafna: jeħtieġ li l-vokazzjoni tas-servizz tingħex b’sens qawwi ta’ awsterità u ta’ umiltà.  Dan jgħodd għall-politiċi imma jgħodd ukoll għal-mexxejja soċjali u għalina r-rgħajja.  Semmejt l-awsterità u rrid niċċara dwar xiex qed ntkellem bil-kelma awsterità, għax tista’ tkun kelma ekwivoka.  Qed nifhem awsterità morali, awsterità fil-mod tal-għejxien, awsterità fil-mod kif jien immexi ħajti, il-familja tiegħi.  Awsterità morali u umana.  Għaliex fil-qasam l-aktar xjentifiku, xjentifiku/ekonomiku, jekk tridu, jew tax-xjenzi tas-suq, awsterità tfisser li nirranġa........  Mhux għal dan qed ngħid, mhux dwar dan qed nitkellem.

Lil kull persuna li hi wisq marbuta mal-affarijiet materjali jew mal-mera, lil min iħobb il-flus, l-ikliet esaġerti, id-djar qieshom palazzi, l-ilbies fin, il-karozzi lussużi, nagħtihom parir li jifhmu x’qed jiġri fi qlubhom u biex jitolbu ‘l Alla jeħlishom minn dawn in-nasses.  Imma, jien u nikkwota dak li qal l-ex president latinoamerikan, li jinsab hawn, kull min intrabat sfiq ma’ dawn l-affarijiet, jekk jogħoġbu, ma jidħolx fil-politika, ma jidħolx f’xi organiżżazzjoni soċjali jew f’xi moviment popolari, għax jagħmel ħafna ħsara lilu nnifsu, lill-proxxmu u jħammeġ il-kawża nobbli li jkun issieħeb fiha.  U lanqas għandu jidħol is-seminarju!

Quddiem it-tentazzjoni tal-korruzzjoni, m’hemmx rimedju aħjar mill-awsterità, din l-awsterità morali, personali; u, aktar minn hekk, li tipprattika l-awsterità jfisser li tipprietka bl-eżempju.  Nitlobkom ma tnaqqsux il-valur tal-eżempju għax il-qawwa tiegħu tiswa aktar minn elf kelma, minn elf poster, minn elf “like” minn elf “retweet”, minn elf vidjow fuq il-youtube.  L-eżempju ta’ ħajja awstera għas-servizz tal-proxxmu hu l-aħjar mod biex nippromwovu l-ġid komuni u l-proġett-pont tat-tliet “T”. (Referenza għal diskors li l-Papa għamel bl-Ispanjol fil-Bolivia, tierra l-art, tiecho d-dar u trabajo x-xogħol.)   Nitlob lilkom diriġenti, biex ma tehdewx tipprattikaw din l-awsterità morali, personali, u nitlob lil kulħadd li jesiġi din l-awsterità mid-diriġenti – wara kollox – din tagħmilhom ferħanin ħafna.

Għeżież ħuti,

Il-korruzzjoni, is-suppervja, l-esibizzjoniżmu tad-diriġenti jżid il-ħsara lir-reputazzjoni tal-kollettiv, is-sensazzjoni tal-abbandun u jżoqqu l-mekkaniżmu tal-biża’ li hu l-qofol ta’ din is-sistema inġusta għall-aħħar.

Biex nispiċċa nixtieq nitlobkom tkomplu tiġġieldu l-biża’ b’ħajja ta’ servizz, solidarjetà u umiltà favur il-popli u speċjalment dawk li qed ibatu.  Tistgħu tiżbaljaw bosta drabi, ilkoll niżbaljaw, imma jekk nipperseveraw f’dil-mixja, illum jew għada, naraw il-fortt.  U ninsisti: kontra l-biża’ l-aħjar rimedju hu l-imħabba.  L-imħabba tfejjaq kollox.  Xi wħud jafu li wara s-Sinodu dwar il-familja ktibt dokument li jismu “Amoris Letitia” – il-Ferħ tal-Imħabba – dokument dwar l-imħabba fi ħdan il-familja individwali imma wkoll il-familja l-oħra tal-kwartier, tal-komunità, tal-popli, tal-umanità.  Xi ħadd minnkom talabni nqassam fuljett b’silta mill-kapitlu erba’ ta’ dan id-dokument.  Naħseb li se jtuhulkom intom u ħerġin.  U għalhekk, bil-barka tiegħi.  Hemmhekk hemm xi pariri siewja biex inqiegħdu fis-seħħ l-aktar Kmandament importanti ta’ Ġesù.

Fl-Amoris Letitia nikkwota mexxeja mibki afroamerikan, Martin Luther King, li għaraf jagħżel dejjem l-imħabba fraterna saħansitra fost l-agħar persekuzzjonijiet u umiljazzjonijiet.  Irrid infakkru flimkien magħkom; kien jgħid: «Meta inti tgħola għal-livell tal-imħabba, tas-sbuħija tagħha u tas-setgħa tagħha, l-unika ħaġa li tfittex tegħleb huma s-sistemi malizzjużi.  Il-persuni li jinsabu fin-nassa ta’ dis-sistema ħobbhom, imma għamel ħiltek biex tegħleb dik is-sistema (....).  Il-mibgħeda mpattija bil-mibgħeda ssaħħaħ l-eżistenza tal-mibgħeda u tal-ħażen fl-univers.  Jekk jien insawtek u int issawwatni lura, u jien intik id-daqqa lura u inti terġa’ ttihieli, u tibqa’ sejra hekk, hu ċar li l-ħaġa ma tintemm qatt.  Sempliċiment tkun ifinita.  Minn xi naħa, xi ħadd irid ikollu s-sens li jkisser il-katina tal-mibgħeda, il-katina tal-ħażen» (n. 118; Priteka fil-knisja Battista ta’ Dexter Avenue, Montgomery, Alabama, 17 ta’ Novembru, 1957).  Dan kien qalu fl-1957.

Irroddilkom ħajr mill-ġdid għax-xogħol tagħkom u għall-preżenza tagħkom.  Nixtieq nitlob lil Alla Missierna biex jakkumpanjakom u jberikkom, biex jimliekom b’imħabbtu u jiddefendikom fil-mixja billi jtikom bl-abbundanza l-qawwa, li żżommna fuq saqajna u ttina l-kuraġġ biex inkissru l-katina tal-mibgħeda: dik il-qawwa hi tama.  Nitlobkom, jekk jogħġobkom biex titolbu għalija u dawk li ma jistgħux jitlobu, tafu, aħsbu t-tajjeb fija u ibagħtuli mewġa tajba.  Grazzi

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber