Għeżież ħbieb intikom merħba minn qalbi.  Jien ferħan li qed nitlaqa’ magħkom u rroddilkom ħajr li lqajtu l-istedina biex flimkien nirriflettu dwar il-ħniena.  Kif tafu tajjeb, qed joqrob it-tmiem tas-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena li tulha l-Knisja Kattolika tat ħarsa sewwa lejn il-qalba tal-messaġġ Nisrani fid-dawl tal-ħniena.  Infatti, għalina din turi xinhu l-isem ta’ Alla, hi «l-blata li ġġorr il-piż kollu tal-Knisja» (Misericordiae Vultus, 10), u hi l-muftiħ li jiftħilna l-misteru tal-bniedem innifsu, li llum jeħtieġ tant  maħfra u paċi.

 

Dan hu żmien ta’ fraternità meħlusa mis-sinkretiżmi konċiljanti

 

Madnakollu, il-misteru tal-ħniena ma nistgħux niċċelebrawh biss bil-kliem imma fuq kollox bl-opri, bi stil ta’ ħajja li turi l-ħniena vera mibnija fuq imħabba diżinteressata, qadi fratern, qsim sinċier.  Dan hu l-istil li tixtieq tadotta l-aktar il-Knisja «fid-dmir tagħha li taħdem favur l-għaqda u l-karità bejn il-bnedmin» (Konċilju Vatikan II, Dikjarazzjoni: Nostra Aetate, 1).  Hu l-istil li r-reliġjonijiet kollha għandhom is-sejħa għalih, partikolarment fi żmienna, biex ikunu messaġġiera tal-paċi u bennejja tal-komunjoni;  biex ixandru, bil-maqlub ta’ min jiżra’ l-ġlied, il-firda u l-għeluq, li llum hu żmien il-fraternità.  Għalhekk hu importanti li nfittxu li niltaqgħu bejnietna, laqgħa, li meħlusa mis-sinkretiżmi konċiljanti, «tiftaħna għal djalogu akbar biex insiru nafu lil xulxin aħjar u nifhmu lil xulxin aħjar; li twarrab kull għamla ta’ għeluq u disprezz u tbarri kull għamla ta’ vjolenza u diskriminazzjoni» (Misericordiae Vultus, 23).  Dak li jogħġob lil Alla hu dmir urġenti, bi tweġiba mhux biss għall-ħtiġijiet tal-lum, imma fuq kollox bħala appell għall-imħabba, li hi r-ruħ ta’ kull espressjoni reliġjuża awtentika.

 

Kumpassjoni u non-vjolenza

 

It-tema tal-ħniena hi familjari f’ħafna tradizzjonijiet reliġjużi u kulturali, fejn il-kumpassjoni u n-non-vjolenza huma essenzjali u juru il-veru triq tal-ħajja: «Dak li hu riġidu u iebes hu tal-mewt; dak li hu artab u teneru hu tal-ħajja», tafferma idjoma sapjenzjali antika (Tao-Te-Ching, 76).  Il-kwalità awtentika ta’ qalb verament reliġjuża, li titbiegħed mit-tentazzjoni li tgħawweġ il-fatti bil-forza, li tirrifjuta li l-ħajja umana tagħmilha merkanzija u fl-oħrajn tara biss aħwa, qatt numri, hi li tmil b’tenerezza mimlija kumpassjoni fuq l-umanità dgħajfa u li tinsab fil-bżonn.  Il-qrubija lejn min jinsab f’sitwazzjoniet li jitolbu attenzjoni akbar bħalma hu l-mard, id-diżabbiltà, il-faqar, l-inġusstizzja, il-konsegwenzi tal-kunflitti u l-migrazzjoni, hi sejħa li tiġi mill-qalb ta’ kull tradizzjoni awtentikament reliġjuża.  Hi l-eku tal-leħen divin li jkellem lill-kuxjena ta’ kull bniedem, jistiednu biex ma jibqax jaħseb biss fih innifsu imma jifetaħ:  jinfetaħ għal Dak li hu fuqna lkoll, li jħabbat fuq il-bieb ta’ qlubna; jinfetaħ għal min jinsab qribna, li jħabbat fuq bieb darna jitlobna l-attenzjoni u l-għajnuna.

 

Qalb sensibbli għall-miskin

 

It-tifsira tal-kelma “ħniena” hi sejħa biex ikollna qalb miftuħa, mimlija kumpassjoni.  Fl-oriġini tagħha fil-Latin, il-kelma tfakkarna f’qalb sensibbli għall-miżerji u fuq kollox għall-miżeru, qalb li tegħleb l-indifferenza meta tħalli lilha nfisha titwaħħad mat-tbatijiet tal-oħrajn.  Fil-lingwi semitiċi, bħalma huma l-Għarbi u l-Għebrajk, l-għerq r(a)h(a)m, li jesprimi wkoll il-ħniena divina, jirreferi wkoll għall-ġuf tal-omm, l-akbar intimità ta’ mħabba tal-bniedem, is-sentimenti tal-omm għal wild li se twelled.  Dwar dan il-Profeta Iżaija jtina messaġġ stupend, li fl-istess waqt hu wegħda ta’ mħabba u speċi ta’ sfida min-naħa ta’ Alla lill-bniedem: «Tista' mara tinsa t-tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha?  Imqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt!» (Iż. 49, 15).  Il-bniedem – hu ta’ niket naffermaw dan – spiss jinsa, jiġifieri, kif turi l-kelma, ibiegħed ‘l hinn minn qalbu.  Iżomm bogħod minnu lil Alla, lill-proxxmu u wkoll il-fakra tal-imgħoddi u b’hekkk itenni, anki b’mod faħxi, żbalji traġiċi li saru fi żminijiet oħra.

 

Id-dramm tal-ħażen

 

Hu d-dramm tal-ħażen, tal-abissi mudlama li fihom tista’ togħdos il-libertà tagħna, ittenatata mill-ħażen li hu dejjem għassa fis-satra, biex jolqotna u jgħerriqna.  Imma propju hawn, quddiem l-enigma kbir tal-ħażen, li jolqot lil kull esperjenza reliġjuża, insibu l-aspett l-aktar sorprendenti tal-imħabba mimlija ħniena.  Ma jħallix lill-bniedem taħt il-ħakma tal-ħażen jew tiegħu nnifsu; ma jinsiex, anzi jiftakar, u jmil lejn il-miżerja biex jerfa’.  Propju kif tagħmel omm, li quddiem l-agħar ħażen li jagħmel binha, tagħraf dejjem, ‘l hinn mid-dnub, il-wiċċ li hi ġarret f’ġufha.

 

Dinja mħawda u bi ftit memorja



 

F’dinja mħawda u bi ftit memorja, li għaddejja mgħaġla u tħalli l-art lil ħafna nies mingħajr ma tinduna li qatgħet nifisha, u li tilfet kull għan, illum għandna bżonn, bħalma għandna bżonn l-ossiġinu, ta’ din l-imħabba gratwita li ġġedded il-ħajja.  Il-bniedem huea għatxan għall-ħniena u m’hemm ebda tekonolġija li tista’ taqtagħlu dan l-għatx: ifittex imħabba li tmur ‘l hinn mill-faraġ tal-mument, port żgur fejn jankra l-ansjetà tiegħu, tgħannieqa infinita li taħfer u tirrikonċilja.

 

Il-maħfra

 

Din hi importanti ħafna quddiem il-biża’, illum mifrux ħafna, li mhux possibbli tinkiseb il-maħfra, ir-riabilitazzjoni, il-fidwa mid-dgħufijiet tiegħu.  Għalina l-Kattoliċi, fost ir-riti tal-akbar tifsir tas-Sena tal-Ġublew hemm dak li ngħaddu bl-umiltà u l-fiduċja minn ġo bieb – biex nirrikonċiljaw ruħna għal kollox mal-ħniena divina, li taħfrilna d-dejn.  Imma dan jitlob minna li aħna wkoll naħfru lil min hu midjun magħna (cfr Mattew 6, 12), ħutna li offendewna: nirċievu l-maħfra t’Alla biex inkunu nistgħu naqsmuha mal-oħrajn.  Il-maħfra hi żgur l-akbar rigal li nistgħu nagħtu lill-oħrajn, għax hu l-aktar wieħed li jiswa, imma fl-istess waqt hu dak li l-aktar jagħmilna nixbħu ‘l Alla.

 

Kriżi ekoloġika

 

Il-ħniena tinfirex ukoll fuq id-dinja ta’ madwarna, id-dar komuni tagħna li aħna msejħin biex inħarsuha u nippreservawha mill-isfruttament sfrenat u mill-kilba.  Meħtieġ impenn min-naħa tagħna biex nedukaw għall-qies u r-rispett, għal mod ta’ għajxien aktar sempliċi u ordnat, fejn ir-riżorsi tal-ħolqien jintużaw bil-għaqal u l-moderazzjoni, bi ħsiebna fl-umanità kollha u fil-ġenerazzjonijiet ta’ għada, mhux biss fl-interessi taċ-ċirku tagħna jew għall-vantaġġ taż-żmien li qed ngħixu fih.  Illum, b’mod speċjali «il-qies tal-kriżi ekoloġika jitlob b’saħħa minna li naħsbu fil-ġid komuni u li nimxu ‘l quddiem fit-triq tad-djalogu li titlob paċenzja, rażan u ġenerożità» (Enċiklika Laudto si’, 201).

 

Hu terribbli li l-isem t’Alla jintrabat ma’ atti ta’ terroriżmu

 

Dit-triq għandha tkun it-triq prinċipali tagħna; ħa jkunu mwarrbin it-toroq bla temma tal-kuntrasti u l-għeluq.  Qatt m’għandu jiġri aktar li minħabba l-imġieba ta’ wħud mis-segwaċi tagħhom, ir-reliġjonijiet jgħaddu messaġġ stunat, li jistona mal-messaġġ tal-ħniena.  Sfortunatameent ma tgħaddix ġurnata li ma nisimgħux bil-vjolenza, kunflitti, ħtif tal-persuni, attakki terroristiċi, vittmi u qerda.  U huwa terribbli li biex ikunu ġustifikati dawn l-atti barbari, kultant jingħad li jsiru f’isem xi reliġjon jew f’isem Alla nnifsu.  Ħa jkunu kundannati mingħajr tlaqliq dawn l-imġibiet ta’ ħażen bla qies, li jipprofanaw isem Alla  u jniġġsu t-tfittxija għar-reliġjożità tal-bniedem.  Ħa niffavorixxu minflok, kullimken, il-laqgħa paċifika bejn min għandu t-twemmin u libertà reliġjuża vera.  Ir-responsabbiltà tagħna quddiem Alla, quddiem l-umanità u quddiem il-futur, dwar dan, hi kbira, u titlob minna kull sforz mingħajr ma nuru wiċċ b’ieħor.  Hi sejħa li tinvolvina lkoll, mixja li rridu nagħmlu flimkien għall-ġid ta’ kulħadd, bit-tama.  Jalla r-reliġjonijiet ikunu ġuf li jagħti l-ħajja, jalla jwasslu lill-umanità miġrugħa u fil-bżonn, it-tenerezza mimlija ħniena ta’ Alla; jalla jkunu bibien tat-tama li jgħinu biex inkunu nistgħu ninfdu l-ħitan tas-suppervja u tal-biża’.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber