Għadna kemma smajna l-innu lill-imħabba li l-Appostlu Pawlu kiteb għall-komunità ta’ Korintu, u li jsawwar waħda mill-isbaħ u l-iktar paġni impenjattivi għax-xhieda tal-fidi tagħna (ara 1 Kor 13:1-13). Kemm-il darba fil-kitbiet tiegħu San Pawl tkellem fuq l-imħabba u fuq il-fidi; imma f’din is-silta għandna xi ħaġa tassew kbira u oriġinali. Hu jafferma li, b’differenza mill-fidi u mit-tama, l-imħabba “ma tintemm qatt” (v. 8): hi għal dejjem. Dan it-tagħlim għandu jkun għalina ċertezza li ma tiġġarrafx; l-imħabba ta’ Alla qatt mhi ħa tonqos f’ħajjitna u fl-istorja tad-dinja. Hi mħabba li tibqa’ dejjem żagħżugħa, ħabrieka, dinamika u tiġbed oħrajn lejha b’mod li ma jitqabbilx. Hi mħabba fidila li ma tittradixxi qatt, minkejja l-l-imġiba żbaljata tagħna. Hi mħabba għammiela li tnissel u tmur lil hemm minn kull telqa tagħna. Aħna lkoll xhieda ta’ din l-imħabba. Fil-fatt, l-imħabba ta’ Alla tiġi tiltaqa’ magħna; hi bħal xmara qawwija li taqlibna imma ma ttajjarniex; anzi, għall-kuntrarju, hi kundizzjoni għal ħajjitna: “Li ma kellix l-imħabba, ma kont inkun xejn” – jgħid San Pawl (v. 2). Iktar ma nħallu din l-imħabba tinvolvina, iżjed tiġġedded ħajjitna. Jeħtieġ tassew ngħidu bil-qawwa kollha tagħna: jiena maħbub, għalhekk neżisti! L-imħabba li dwarha jkellimna l-Appostlu mhix xi ħaġa astratta jew fl-arja; bil-maqlub, hi mħabba li nistgħu narawha, immissuha u nduquha aħna stess. L-ikbar u l-iktar għamla espressiva ta’ din l-imħabba hi Ġesù. Il-persuna sħiħa tiegħu u ħajtu mhix għajr il-wirja konkreta tal-imħabba tal-Missier, sa dak il-mument tal-quċċata: “Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin” (Rum 5:8). Din hi l-imħabba! Mhux tpaċpiċ, imma mħabba! Mill-Kalvarju, fejn it-tbatija tal-Iben ta’ Alla tilħaq il-quċċata tagħha, tnixxi l-għajn tal-imħabba li tneħħi kull dnub u kollox toħloq mill-ġdid f’ħajja ġdida. Ejjew inġorru dejjem magħna, b’mod li ma jitħassarx, din iċ-ċertezza tal-fidi tagħna: Kristu “ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:20). Din hi l-akbar ċertezza: Kristu ħabbni, u ta lilu nnifsu għalija, għalik, għalik, għalik, għal kulħadd, għal kull wieħed u waħda minna! Ħadd u xejn ma jista’ qatt jifridna mill-imħabba ta’ Alla (ara Rum 8:35-39). Għalhekk l-imħabba hi l-ogħla espressjoni tal-ħajja kollha u biha nistgħu neżistu!

 

Quddiem dan il-kontenut hekk essenzjali tal-fidi, il-Knisja ma tista’ qatt tħalli lil min iġib ruħu bħal dak il-qassis u l-Levita quddiem ir-raġel mixħut nofsu mejjet mat-triq (ara Lq 10:25-36). Ma nistgħux nagħtu daharna u nħarsu n-naħa l-oħra biex ma narawx it-tant xejriet ta’ faqar li qed jitolbuna ħniena. Meta ndawru ħarsitna band’oħra biex ma narawx il-ġuħ, il-mard, il-persuni sfruttati…, dan hu dnub gravi! U wkoll dnub modern, hu dnub ta’ żmienna! Aħna l-Insara ma nistgħux nittolleraw dan. Ma jkunx denn tal-Knisja u lanqas ta’ Nisrani li “nibqgħu għaddejjin” u naħsbu li għandna l-kuxjenza f’postha sempliċement għax tlabna jew għax morna l-Quddiesa l-Ħadd. Le. Il-Kalvarju hu dejjem attwali; ma spiċċax u lanqas baqa’ f’xi kwadru sabiħ fil-knejjes tagħna. Dik il-quċċata tal-kompassjoni, li minnha tgelgel l-imħabba ta’ Alla għall-miżerja umana, għadha titkellem fi żmienna u tridna nagħtu sinjali ġodda ta’ ħniena. Qatt ma nista’ negħja ngħid li l-ħniena ta’ Alla mhijiex xi idea sabiħa, imma għemil konkret. M’hemmx ħniena bla konkretezza. Il-ħniena mhix li tagħmel il-ġid “int u għaddej”, imma li ċċappas idejk hemm fejn hemm il-ħażen, fejn hemm il-mard, fejn hemm il-ġuħ, fejn hemm l-isfruttamenti umani. U lanqas il-ħniena umana ma tista’ ssir hekk – jiġifieri umana u ħniena – sakemm ma tkunx laħqet il-konkretezza tal-għemil fil-ħajja ta’ kuljum. It-twiddiba tal-Appostlu Ġwanni tibqa’ tgħodd dejjem: “Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa” (1 Ġw 3:18). Fil-fatt, il-verità tal-ħniena tidher fil-ġesti tagħna fil-ħajja ta’ kuljum li jagħmlu jidher l-aġir ta’ Alla fostna.

 

Ħuti, intom hawn qed tirrappreżentaw id-dinja kbira u mifruxa tal-volontarjat. Fost l-aktar realtajiet prezzjużi tal-Knisja hemm propju intom li ta’ kuljum, spiss fis-skiet u fis-satra, tagħġnu u tagħmlu l-ħniena viżibbli. Intom taħdmu b’sengħa l-ħniena: b’idejkom, b’għajnejkom, bis-smigħ tagħkom, bil-qrubija tagħkom, biż-żegħil tagħkom… nies tas-sengħa! Intom tesprimu waħda mill-isbaħ xewqat li hemm f’qalb il-bniedem, dik li lil persuna li qed tbati tgħinuha tħossha maħbuba. Fid-diversi kundizzjonijiet tal-bżonn u tal-ħtieġa ta’ tant nies, il-preżenza tagħkom hi d-driegħ miftuħ ta’ Kristu li jilħaq lil kulħadd. Intom l-id miftuħa ta’ Kristu: qatt ħsibtuha din? Il-kredibbiltà tal-Knisja tgħaddi b’mod konvinċenti anki mis-servizz tagħkom lit-tfal mitluqa, lill-morda, lill-foqra bla ikel u xogħol, lill-anzjani, lil min m’għandux saqaf fuq rasu, lill-ħabsin, lir-rifuġjati u l-immigranti, lil dawk milquta mid-diżastri naturali… Insomma, kull fejn issir talba għall-għajnuna, hemm tilħaq il-ħidma ħabrieka u x-xhieda diżinteressata tagħkom. Intom tagħmlu tidher dik il-liġi ta’ Kristu, li terfgħu t-tagħbija ta’ xulxin (ara Gal 6:2; Ġw 13:34). Għeżież ħuti, intom tmissu b’idejkom il-laħam ta’ ġisem Kristu: tinsewhx dan. Intom tmissu l-ġisem ta’ Kristu b’idejkom. Kunu dejjem disponibbli fis-solidarjetà, qawwija fil-qrubija, lesti biex ixxerrdu l-ferħ u konvinċenti fil-faraġ. Id-dinja għandha bżonn ta’ sinjali konkreti ta’ solidarjetà, fuq kollox quddiem it-tentazzjoni tal-indifferenza, u trid persuni li bil-ħajja tagħhom jafu jeħduha kontra l-individwaliżmu, ta’ min jaħseb biss għalih innifsu u ftit li xejn jinteressah minn ħutu fil-bżonn. Kunu dejjem kuntenti u mimlija ferħ għas-servizz li tagħtu, imma qatt tagħmlu minnu motiv ta’ preżunzjoni li ġġagħalkom tħossukom aħjar minn ħaddieħor. Imma l-ħidma tagħkom ta’ ħniena għandha tkun estensjoni umli u elokwenti ta’ Ġesù Kristu li jkompli jmil u jieħu ħsieb ta’ min qed ibati. Fil-fatt, l-imħabba “tibnina” (1 Kor 8:1) u jum wara l-ieħor tagħmel li l-komunitajiet tagħna jsiru sinjal tal-komunjoni bejn l-aħwa.

 

U lill-Mulej kellmuh dwar dan. Sejħulu. Għamlu kif għamlet Swor Preyma, kif irrakkuntatilna s-soru: ħabbtet fuq il-bieb tat-tabernaklu. Hekk kuraġġjuża! Il-Mulej qed jismagħna: sejħulu! Mulej, ara waħda… Ara x’faqar, kemm indifferenza, kemm nies idawru wiċċhom band’oħra: “Dan lili ma jmissnix, ma jimpurtanix”. Tkellmu dwar dan mal-Mulej: “Mulej, għaliex? Mulej, għaliex? Għaliex lili li tant jien dgħajjef int sejjaħtli biex nagħti dan is-servizz? Għinni, u qawwini, u agħtini l-umiltà”. Il-qalba tal-ħniena hi dan id-djalogu mal-qalb ħanina ta’ Ġesù.

 

Għada, bil-ferħ kollu se naraw lil Madre Tereża pproklamata qaddisa. Jixirqilha! Din ix-xhieda ta’ ħniena fi żminijietna tingħaqad ma’ sħaba bla qies ta’ rġiel u nisa li bil-qdusija tagħhom għamlu tidher l-imħabba ta’ Kristu. Ejjew anki aħna nimxu fuq l-eżempju tagħhom, u nitolbu li nsiru għodda umli f’idejn Alla biex intaffu t-tbatija tad-dinja u nxerrdu l-ferħ u t-tama tal-Qawmien. Grazzi.

 

U qabel inberikkom, nistedinkom ilkoll biex fis-skiet titolbu għal ħafna, ħafna persuni li qed ibatu; għal tant tbatija, għal tant li qed jgħixu mormija mis-soċjetà. Nitolbu wkoll għal tant voluntiera bħalkom, li qed ifittxu l-laħam ta’ ġisem Kristu biex imissuh, idewwuh, ikunu qrib tiegħu. U nitolbu wkoll għal ħafna nies li quddiem daqshekk miżerja jdawru wiċċhom in-naħa l-oħra u fil-qalb tagħhom jisimgħu leħen jgħidilhom: “Dan lili ma jmissnix, ma jimpurtanix”. Nitolbu fis-skiet.

 

[skiet]

 

U dan nagħmluh ukoll mal-Madonna: Sliema għalik, Marija…

 

[Barka]

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard