(Diskors li għamel il-Papa Franġisku)

 

Għeżież Ħuti,

 

Ħejjejt diskors għal din l-okkażżjoni dwar il-Ħajja Konsagrata u t-tliet pilastri tagħha;  hemm oħrajn, imma tlieta importanti tal-Ħajja Konsagrata.  L-ewwel huwa l-profezija, l-ieħor li nkunu qrib u t-tielet huwa t-tama.  Profezija, nkunu qrib, tama.  Dan id-diskors tajtu lill-Kardinal Prefett għaliex jekk naqrah ma jkunx daqshekk interessanti u nippreferi nitkellem magħkom minn dak li jiġini minn qalbi.

Naqblu?

  

Reliġjużi, jiġifieri rġiel u nisa kkonsagrati għall-qadi tal-Mulej li tħaddmu fil-Knisja din it-triq ta’ faqar qawwi, ta’ mħabba kasta li twassal għal paternita’ u għal maternita spiritwali għall-Knisja kollha, ubbidjenza... Imma f’din l-ubbidjenza dejjem joinqosna xi ħaġa, għaliex l-ubbidjenza perfetta hija dik tal-Iben t’Alla, li sar xejn, sar bniedem biex jobdi, sal-mewt tas-Salib.  Imma hemm fostkom irġiel u nisa li jgħixu ubbidjenza qawwija, ubbidjenza... - mhux militari, le, din le; dik hija dixxiplina, ħaġ’oħra – ubbidjenza ta’ għotja tal-qalb.  U din hija profezija.  “Imma inti ma tixtieqx tagħmel xi ħaġa, xi ħaġa oħra?...” -  “Iva, imma skont ir-regoli għandi nagħmel din, din u din.  U skont id-dispożizzjonijiet, din, din u din.  U jekk ma narax ħaġa ċara, nitkellem mas-superjur, mas-superjura, u wara d-djalogu, nobdi”.  Din hija l-profezija, kontra ż-żerriegħa ta’ meta nagħmel dak li rrid, li x-xitan jiżra’.  “Inti x’inti tagħmel?” – “Jiena nagħmel dak li jgħoġobni”.  Ir-rieda tiegħi li biha nagħmel dak li rrid hija wild ix-xitan, mhix wild t’Alla.  L-Iben t’Alla ma kienx jagħmel ir-rieda tiegħu; huwa ma sejjaħx id-dixxipli tiegħu biex jirreżistu bil-qawwa kontra l-għedewwa tiegħu;  Hu nnifsu stqarr quddiem Pilatu:  “Li kieku jiena kont sultan ta’ din id-dinja, kont insejjaħ is-suldati tiegħi biex jiddefenduni”.  Imma Hu għamel l-ubbidjenza tal-Missier.  Huwa talab biss: “Missier, jekk jgħoġbok, warrab dan il-kalċi, le...  Imma ħa jsir dak li trid Inti”.  Meta intom twettqu xi ħaġa b’ubbidjenza, li bosta drabi ma tkunx tgħoġobna [Il-Papa hawn għamel ġest ta’ wieħed qed jibla’]... għandu jibla’ dik l-ubbidjenza, imma issir.  Hekku, il-profezija.  Il-profezija hija li tgħid lin-nies li hemm triq ta’ ferħ, kbira, triq li timliena bil-hena, li hija proprju t-triq ta’ Ġesu’.  Hija t-triq li tkun qrib Ġesu’.  Il-profezija hi għotja, hi kariżma u jeħtieġ nitolbuha lill-Ispirtu Qaddis: li nkun nista’ ngħid dik il-kelma, f’dak il-waqt meħtieġ; li nkun naf nagħmel dik il-ħaġa f’dak il-waqt li suppost; li ħajti, ħajti kollha, tkun profezija kollha kemm hi.  Irġiel u nisa profeti.  U dan huwa importanti ħafna.  “Imma, ejjew nagħmlu kif jagħmel kulħadd...”.  Le.  Il-profezija hija li tgħid li hemm xi ħaġa li hija aktar vera, iktar sabiħa, ikbar, itjeb li għaliha lkoll aħna msejħin.

 

Imbagħad il-kelma l-oħra hija li nkunu qrib.  Irġiel u nisa kkonsagrati, mhux biex nitbegħedu min-nies u jkollna l-kumditajiet kollha; le, imma sabiex inkun qrib u nifhem il-ħajja tal-insara, it-tbatijiet, il-problemi, dawk il-ħwejjeġ kollha li nifhmuhom biss jekk raġel jew mara kkonsagrati ikunu qrib: inkunu proxxmu.  “Iżda jien, Padre, jiena soru tal-klawsura, x’għandi nagħmel?”.  Aħsbu f’Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’, patruna tal-missjonijiet, li b’qalbha mħeġġa kienet qrib,  u l-ittri li kienet tirċievi mill-missjunarji għamluha eqreb għan-nies.  Inkunu qrib.  Li nsiru kkonsagrati ma jfissirx li nitilgħu tarġa, tnejn jew tlieta fis-soċjeta’.  Huwa minnu li ħafna drabi nisimgħu ġenituri jgħidu: “Ħares, Padre, jiena għandi tifla soru, jiena għandi t-tifel reliġjuż!”.  U dan jgħiduh għax iħossuhom kburin.  U huwa minnu!  Huwa sodisfazzjon għall-ġenituri ikollhom ulied ikkonsagrati, dan huwa veru.  Imma għall-persuni kkonsagrati mhux xi status ta’ ħajja li tagħmilni nħares lejn l-oħrajn hekk [’il bogħod].  Il-ħajja konsagrata għandha twassalni biex inkun qrib tan-nies: inkun qrib fiżikament u b’mod spiritwali, inkun naf in-nies.  “Hekku tassew, Padre, fil-komunita’ tagħna s-superjura tatna l-permess li noħorġu, immorru fi nħawi fqar man-nies...” – “U fil-komunita’ tiegħek, hemm sorijiet anzjani?” – “Iva, iva... Hemm l-infirmerija, fit-tielet sular” – “U kemm drabi mal-ġurnata tmur iżżurhom lis-sorijiet, l-anzjani, li jistgħu jkunu ommok jew in-nanna?” – “Imma, Padre, jiena għandi ħafna mpenji fix-xogħol u ma jirnexxilix immur...”.  Inkunu qrib!  Min huwa l-ewwel proxxmu ta’ persuna kkonsagrata?  Huwa ħuk jew oħtok tal-komunita’.  Dawn huma l-ewwel proxxmu.  U wkoll għandna nkunu qrib bil-ħerqa, b’mod tajjeb, bi mħabba.  Jiena naf li fil-komunitajiet tagħkom qatt ma tparlaw fuq xulxin, qatt, qatt!...  Mod kif nitbegħedu minn ħutna fil-komunita’ huwa proprju dan:  it-terroriżmu tal-kliem fuq xulxin.  Isimgħuni sewwa: mhux li nitkellmu imma t-terroriżmu tal-kliem fuq xulxin.  Għaliex min jagħmel hekk huwa terrorista.  Huwa jew hija terrorista ġewwa l-komunita’ tiegħu jew tagħha, għaliex iwaddbu, bħal bomba, kelma kontra dan, kontra dak, u mbagħad jitilqu bil-kwiet.  Min jagħmel dan, ikun qed jeqred!  Dan ikun qed ifarrak, bħalma tagħmel bomba, u mbagħad jitlaq.  Din, itenni l-appostlu san Ġakbu, hija l-aktar virtu’ diffiċli, il-virtu’ umana u spiritwali l-aktar iebsa li jkollok, din li trażżan ilsienek.  Jekk jiġik li tgħid xi ħaġa kontra xi wieħed jew waħda minn ħutek, li tixħet bomba bi kliemek, igdem ilsienek!  B’mod qawwi! It-terroriżmu fil-komunitajiet, le!  “Imma, Padre, jekk hemm xi ħaġa, xi difett, xi ħaġa li dwarha trid issir korrezzjoni?”.  Inti mur għidha lill-persuna: inti għandek din l-imġieba li qed tagħtini fastidju, jew li mhix sewwa.  Jew, jekk ma jkunx il-waqt li tagħmel dan – għaliex xi drabi mhux prudenti– , inti mur tkellimha ma’ min jista’ jirmedja, ma’ min jista’ jsovi l-problema, u titkellem ma’ ħadd aktar.  Ftehemna?  It-tlablib ma jservi xejn.  “Imma fil-Kapitlu?”.  Hemm iva! Għid fil-pubbliku dak kollu li tħoss li għandek tgħid; għaliex hemm it-tentazzjoni li ma nitkellmux dawn il-ħwejjeġ fil-Kapitlu, u mbagħad barra: “Rajtha l-prijura?  Rajtha l-badessa?  Rajtu s-superjur?...”.  Għaliex ma qaluhx fil-kapitlu?... Huwa ċar dan?  Dawn huma virtujiet kif inkunu qrib.  U l-Qaddisin kellhom dan, il-Qaddisin ikkonsagrati kellhom dan.  Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’ ma gergret qatt mix-xogħol, mill-fastidju li kienet tagħtiha waħda mis-sorijiet li kien jeħtieġilha twassalha kull fil-għaxija fir-refettorju: mill-kor għar-refettorju.  Qatt!  Għax dik is-soru kienet anzjana ħafna, kważi b’paraliżi, kienet timxi b’ħafna diffikulta’, kienet miġugħa – jiena wkoll nifimha! – kienet ukoll xi ftit nervuża... Qatt, qatt ma marret għand xi soru oħra tgħidilha: “Kemm ittini fastidju din!”.  X’kienet tagħmel?  Kienet tgħinha biex tkun komda, twassalha sal-mejda, iġġibilha s-sarvetta, taqsmilha l-ħobż u tagħmel dan bi tbissima.  Dan hu li nkunu qrib.  Inkunu qrib!  Jekk inti tixħet bomba tat-tlablib fil-komunita’ tiegħek, dan ma jkunx iqegħedek qrib ħutek: dan ikun dikjarar ta’ gwerra!  Dan ikun ibegħedek, ikun qed joħloq bogħod, joħloq mod li kulħadd jagħmel li jrid fil-komunita’.  U jekk f’din is-Sena tal-Ħniena, kull wieħed u waħda minnkom jirnexxilu jew jirnexxilha ma jkun qatt terrorista li jlablab ħafna, ikun suċċess għall-Knisja, suċċess ta’ qdusija kbira!  Agħmlu kuraġġ!  Kunu qrib.

 

U mbagħad it-tama.  U nistqarr magħkom li nħoss ħafna meta nara n-nuqqas ta’ vokazzjonijiet, meta nilqa’ l-isqfijiet u nsaqsihom: “Kemm għandkom seminaristi?” – “4, 5...”.  Meta intom, fil-komunitajiet reliġjużi tagħkom – irġiel u nisa – għandkom novizz, novizza, tnejn... u l-komunitajiet qed jixjieħu, jixjieħu,...  Meta hemm monasteri, monasteri kbar, u l-Kardinal Amigo Vallejo [idur lejh] jista’ jirrakuntalna, fi Spanja, kemm huma dawn, li jmexxu b’4 jew 5 sorijiet li qed jixjieħu, sal-aħħar... U lili tiġini tentazzjoni li tmur kontra t-tama:  “Imma, Mulej, x’qiegħed jiġri?  Għaliex il-ġuf tal-ħajja konsagrata qed isir daqshekk sterili?”.  Xi kongregazzjonijiet għamlu l-esperiment ta’ “l-inseminazzjoni artifiċjali”.  X’qed jagħmlu?  Jilqgħu...: “Imma iva, ejja, ejja, ejja...”.  U mbagħad il-problemi li jkun hemm ġewwa...  Le.  Jeħtieġ li nilqgħu  bis-serjeta’!  Jeħtieġ niddixxernu sewwa jekk din hijiex vokazzjoni tassew u ngħinuha biex tikber.  U nemmen li kontra t-tentazzjoni li nitilfu t-tama, li tagħtina din in-nixfa, jeħtieġilna nitolbu aktar.  U nitolbu bla ma ngħejjew.  Lili jagħmilli ħafna ġid meta naqra dik is-silta tal-Iskrittura, fejn Anna – omm Samwel – talbet li jingħatalha iben.  Talbet u kienet iċċaqlaq xufftejha, u kienet titlob...  U x-xwejjaħ saċerdot, li kien ftit nieqes mid-dawl u ma kienx jara sewwa, ħasibha li kienet fis-sakra.  Imma l-qalb ta’ dik il-mara [kienet qed tgħid lil Alla]: “Irrid iben!”.  Jiena nsaqsi lilkom: il-qalb tagħkom quddiem dan in-nuqqas tal-vokazzjonijiet, titlob b’din l-intensita’?  “Il-Kongregazzjoni tagħna teħtieġ ulied subien, il-Kongregazzjoni teħtieġ ulied bniet...”.  Il-Mulej li kien daqshekk ġeneruż ma jonqosx mill-wegħeda tiegħu.  Imma rridu nitolbuhielu.  Jeħtieġilna nħabbtu l-bieb ta’ qalbu.  Għaliex hemm periklu  - u din hija ħaġa kerha, imma għandi nsemmiha -: meta Kongregazzjoni reliġjuża tara li m’għandhiex ulied jew neputijiet u tibda tkun dejjem iċken, tintrabat mal-flus.  U intom tafu li l-flus huma l-ħmieġ tax-xitan.  Meta ma jkunux jistgħu jkollhom il-grazzja li jkollhom vokazzjonijiet u wlied, jaħsbu li l-flus isalvaw il-ħajja; u jaħsbu għax-xjuħija: dan ma jonqosx, imma ma jonqosx anqas l-ieħor...  U hekk ma jkunx hemm tama!  It-tama hija biss fil-Mulej!  Il-flus ma jagħtuhielna qatt!  Għall-kuntarju: jaqtgħulna qalbna!  Ftehemna?.

 

Dan li ridt ngħidilkom, minn flok naqra il-karti li l-Kardinal Prefett jagħtikom wara...

 

U nroddilkom ħafna ħajr għal dak kollu li tagħmlu.  Il-persuni konsagrati – kulħadd skont il-kariżma tiegħu jew tagħha.  U nixtieq insemmi b’mod speċjali  s-sorijiet.  X’kienet tkun il-Knisja li kieku ma kienx hemm is-sorijiet?  Darb’oħra semmejtu dan:  meta tmur fi sptar, f’kulleġġ, fil-parroċċi, f’postijiet oħra fejn jgħixu n-nies, fil-missjonijiet, irġiel u nisa li taw ħajjithom...  Fl-aħħar vjaġġ fl-Afrika – dan jidhirli semmejtu f’waħda mill-udjenzi – sibt soru ta’ 83 sena, Taljana.  Hija qaltli: “Jien ili hawn mindu kelli – jekk niftakar sewwa - 23 jew 26 sena.  Jiena infermiera fi sptar”.  Aħsbu ftit: bejn 26 u 83 sena! “U ktibt lil familjari l-Italja li mhux ser nerġa lura aktar”.  Meta inti tmur f’ċimiterju u tara kemm hemm missjunarji reliġjużi u kemm sorijiet mejtin ta’ 40 sena għax kienu ttieħdu mardiet, dawk il-mardiet minn dawk il-Pajjiżi, temmew ħajjithom ħesrem...  Inti tgħid dawn qaddisin! Dawn huma żerriegħa!  Jeħtieġilna ngħidu lill-Mulej biex jinżel f’dawn iċ-ċimiterji u jara x’għamlu l-antenati tagħna u nitolbuh jagħtina vokazzjonijiet, għax neħtieġuhom!

 

Inroddilkom ħajr ta’ din iż-żjara, inrodd ħajr lill-Kardinal Prefett u lill-Monsinjur Segretarju, lis-Sottosegretarji għal dak kollu li għamiltu f’din is-Sena tal-Ħajja Konsagrata.  Imma, nitlobkom, tinsewx il-profezija tal-ubbidjenza, li tkunu qrib, u l-proxxmu l-aktar importanti, il-proxxmu l-aktar qrib huwa ħuk jew oħtok tal-komunita’, u mbagħad it-tama.  Nitolbu li l-Mulej iwelled ulied subien u bniet fil-Kongregazzjonijiet tagħkom.  U itolbu għalija.  Grazzi!

 

 

 


 

 

(Id-diskors imħejji mill-Papa li ta miktub lill-Kardinal Prefett)

 

 

Għeżiez ħuti,

 

Ninsab ferħan li niltaqa’ magħkom fi tmiem din is-Sena dedikata lill-ħajja konsagrata.  Darba, Ġesu’, fil-ħniena bla qies tiegħu, dawwar ħarstu lejn kull wieħed u waħda minna u, personalment, talabna: “Ejja!  Imxi warajja!” (Mk 10,21).  Jekk aħna ninsabu hawn, dan huwa għax weġibnieh “iva”.  Xi drabi din kienet tweġiba mimlija entużjażmu u ferħ, xi drabi kienet iktar ta’ tbatija, u forsi mhux ċerta.  Madankollu, aħna mxejna warajh, bil-ġenerożita’, u ħallejna lilna nfusna nkunu mmexxijin minn toroq li qatt ma stajna nimmaġinaw.  Aħna qsamna miegħu mumenti ta’ intimita’: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom ... u strieħu ftit” (Mk 6, 31); mumenti ta’ qadi u ta’ missjoni: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Lq 9, 13); ukoll, fl-aħħar, is-salib tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja... jerfa’ salibu” (Lq 9, 23).  Huwa daħħalna fir-relazzjoni tiegħu nnifsu mal-Missier, tana l-Ispirtu tiegħu, wessgħalna qlubna għall-qies tiegħu, fil-waqt li għallimna nħobbu l-fqar u l-midinbin.  Imxejna warajh flimkien, fil-waqt li tgħallimna minn għandu il-qadi, tgħallimna nilqgħu l-oħrajn, tgħallimna l-maħfra u l-imħabba fraterna.  Ħajjitna konsagrata għandha sens għaliex meta nibqgħu miegħu u mmorru fit-toroq tad-dinja inwasslu Lilu, dan jagħmilna nixbħuH, dan jagħmilna Knisja, rigal lill-umanita’.

 

Is-Sena li qegħdin ngħalqu swiet biex dehru jiddu aktar fil-Knisja s-sbuħija u l-qdusija tal-ħajja konsagrata, fil-waqt li kabbar u saħħaħ fil-persuni konsagrati il-gratitidni għas-sejħa u l-ferħ tat-tweġiba.  Kull persuna konsagrata setagħet ikollha idea aktar ċara tal-identita’ tagħha, u hekk tħares ’il quddiem b’ħeġġa appostolika mġedda biex tikteb paġni ġodda ta’ ġid, fuq l-eżempju tal-kariżmi tal-Fundaturi.  Aħna grati lejn il-Mulej għal dak kollu li tana ngħixu f’din is-Sena daqshekk għanja b’inizjattivi.  U nrodd ħajr lill-Kongregazzjoni għall-Istituti ta’ Ħajja Konsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika, li ħejjiet u wettqet iċ-ċelebrazzjonijiet il-kbar hawn Ruma u fid-dinja.

 

Is-Sena ngħalquha, imma l-impenn tagħna jkompli biex nibqgħu fidili għas-sejħa li rċivejna u biex nikbru fl-imħabba, fil-għotja, fil-kreattivita’.  Għalhekk nixtieq inħallielkom tliet kelmiet.

 

L-ewwel hi profezija.  Din hi dik li tagħmel tkunu dak li intom.  Imma liema profezija jistennew minnkom il-Knisja u d-dinja?  Intom imsejħin qabel kollox biex ixxandru, b’ħajjitkom fuq kollox qabel ma tagħmlu dan bil-kliem, ir-realta’ ta’ Alla: twasslu lil Alla.  Jekk xi drabi Hu jiġi miċħud jew imwarrab jew minsi, jeħtieġilna nsaqsu lilna nfusna forsi aħna ma konniex biż-żejjed qed nuru Wiċċu, urejna aktar wiċċna.  Il-wiċċ t’Alla huwa wieħed ta’ Missier “ħanin u twajjeb, idum ma jgħadab u kollu mgħodrija” (Salm 103, 8).  Sabiex inkunu nistgħu ngħarrfuH, jeħtieġ ikollna relazzjoni personali miegħU; u għal dan il-għan jeħtieġilna l-qawwa biex nadurawH, li nkabbru b’għożża, jum wara l-ieħor, permezz tat-taħdita miegħu, qalb ma’ qalb, fit-talb, l-aktar fl-adorazzjoni fis-skiet.

 

It-tieni kelma li nagħtikom hija li nkunu qrib.  Alla, f’Ġesu’, sar qrib ta’ kull bniedem: huwa qasam il-ferħ tal-għarajjes f’Kana tal-Galilija u l-qsim il-qalb tal-armla ta’ Naim; daħal fid-dar ta’ Ġajru fejn kien hemm il-mewt u fid-dar ta’ Betanja tfewwaħ bin-nard safi; huwa tgħabba bil-mard u t-tbatijiet, sakemm ta ħajtu b’fidwa għal kulħadd.  Li timxi wara Kristu jfisser tmur fejn mar Hu; ifisser terfa’ fuq spallejk, bħas-Samaritan it-tajjeb, il-feriti li niltaqgħu magħhom għal għonq it-triq; tmur tfittex in-ngħaġa l-mitlufa.  Tkun bħal Ġesu’, qrib in-nies; taqsam il-ferħ u t-tbatija tagħhom, nuru, bl-imħabba tagħna, il-wiċċ mimli mħabba ta’ Alla Missier u l-karezza ta’ omm tal-Knisja.  Ma jkun  hemm ħadd li jħoss li intom tkunu mbegħeda minnu, ħadd ma jħoss li intom maqtugħin minnu, mgħaluq, u għalhekk ma jistax jagħmel frott.  Kull wieħed minnkom huwa msejjaħ biex jaqdi lill-aħwa, skont il-kariżma proprja: min bit-talb, min bit-tagħlim tal-katekiżmu, min bit-tagħlim, min jieħu ħsieb il-morda jew il-fqar, min ixandar l-Evanġelju, min iwettaq l-opri diversi tal-ħniena.  L-importanti hu li ma ngħixux għalina nfusna, bħal Ġesu’ li ma għex għalih innifsu, imma għall-Missier u għalina.

 

Hekk naslu għat-tielet kelma: it-tama.  Meta tagħtu xhieda għal Alla u l-imħabba mimlija ħniena tiegħu, bil-grazzja ta’ Kristu tkunu tistgħu tnisslu tama fost il-bnedmin tallum mmarkati minn diversi raġunijiet ta’ tħassib u biża’ u ttentata xi drabi bi qtiegħ il-qalb.  Intom tistgħu tgħinu l-bnedmin iħossu l-qawwa li ġġedded tal-beatitudnijiet, tal-onesta’, inħossu mal-oħrajn; il-valur tat-tjieba, tal-ħajja sempliċi, essenzjali, mimlija b’tifsira.  U tistgħu tgħajjxu t-tama fil-Knisja wkoll.  Niftakar, bħala eżempju, fid-djalogu ekumeniku.  Il-laqgħa tas-sena l-oħra bejn il-persuni konsagrati tad-diversi komunitajiet insara kienet ħaġa ġdida u sabiħa li jeħtieġ tkompli tiżviluppa.  Ix-xhieda kariżmatika u profetika tal-ħajja konsagrata, fil-varjeta’ tal-forom tagħha, tista’ tgħin biex ningħarfu lkoll għax inkunu aktar mgħaqudin u tħeġġeġ il-komunjoni sħiħa.

 

Għeżież ħuti, fl-appostolat tagħkom ta’ kuljum, tħallux li tkunu kkundizzjonati mill-eta’ jew min-numru.  Dak li l-aktar jgħodd hu l-kapaċita’ li ntennu l-“iva”

tal-bidu għas-sejħa ta’ Ġesu’ li jkompli jagħmel lilu nnifsu jinħass, b’manjiera dejjem ġdida, f’kull eta’ tal-ħajja.  Is-sejħa tiegħu u t-tweġiba tagħna iżommu ħajja t-tama tagħna.  Profezija, inkunu qrib, tama.  Meta tgħixu hekk, ikollkom f’qalbkom il-ferħ; dan hu s-sinjal magħruf ta’ dawk li jimxu wara Ġesu’ u f’raġuni akbar tal-ikkonsagrati.  U l-ħajja tagħkom tkun attraenti għal tant oħrajn, ġuvintur u tfajliet, għall-glorja t’Alla u għas-sbuħija tal-Għarusa ta’ Kristu, il-Knisja.

 

Għeżież ħuti, inrodd ħajr lill-Mulej għal dak li intom u dak li tagħmlu fil-Knisja u fid-dinja.  Inberikkom u nafdakom fl-Omm tagħna.  U jekk jgħoġobkom, tinsewx, titolbu għalija.

 

 

 

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru BonaviaOFMcap