Għeżież ħbieb, il-jum it-tajjeb!

Inħoss ferħ jien u nilqgħakom ilkoll fil-Vatikan, u nittama li ż-żjara tagħkom f’Ruma biex tieħdu sehem fil-“Harvard World Model United Nations 2016”  tħalli l-frott fikom.  Irrodd ħajr lis-Sur Joseph Hall, is-Segretarju Ġenerali tal-laqgħa, għall-kliem li ndirizzali f’isimkom.  Jien inħossni partikolarment ħieni għax naf li intom tirrappreżentaw ħafna nazzjonijiet u kulturi, mera tal-għana tad-diversità fi ħdan il-familja umana.

Bħala studenti universitarji intom iddedikati b’mod partikolari għat-tiftix tal-verità u l-fehim, biex isseddqu l-għerf mhux biss biex ikun ta’ fejda għalikom, imma biex iservi ta’ ġid għall-komunitajiet lokali tagħkom u għas-soċjetà kollha.   Nittama li din l-esperjenza li qed tagħmlu tgħinkom tapprezzaw il-ħtieġa u l-importanza tal-istrutturi tal-koperazzjoni u s-solidarjetà magħġuna flimkien mill-komunità internazzjonali tul il-medda ta’ ħafna snin.  Dawn l-istrutturi huma effikaċi partikolarment meta jimmiraw li jkunu ta’ servizz għal min fid-dinja hu l-aktar dgħajjef u mwarrab.  Jiena nitlob biex il-Ġnus Magħquda u kull Stat membru, jkunu dejjem lesti li joffru dan is-servizz u din l-attenzjoni.

Madankollu, l-akbar frott miksub mill-fatt li intom tinsabu flimkien hawn f’Ruma mhux tant li titgħallmu aktar dwar id-diplomazija, dwar is-sistemi istituzzjonali u l-organiżżazzjonijiet, li dejjem huma importanti u jimmeritaw li intom tistudjawhom.  L-akbar frott hu li intom tqattgħu żmien flimkien, tiltaqgħu ma’ persuni minn inħawi oħra tad-dinja li jirrappreżentaw mhux biss il-ħafna sfidi tal-lum, imma fuq kollox il-varjetà għanja tat-talenti u l-potenzjalitajiet tal-familja umana.

L-argumenti u l-problemi li intom titkellmu dwarhom mhumiex mingħajr wiċċ.  Infatti, kull wieħed u waħda minnkom tistgħu tiddeskrivu t-tamiet u l-ħolm, l-isfidi u t-tbatijiet karatteristiċi tan-nies ta’ pajjiżkom.  Matul dawn il-jiem se titgħallmu ħafna minn xulxin u tfakkru lil xulxin li wara kull diffikultà li tiffaċċja d-dinja, hemm irġiel u nisa, żgħażagħ u xjuħ, persuni bħalkom.  Hemm familji li ta’ kuljum jgħixu jitqabdu, jagħmlu ħilithom biex jieħdu ħsieb uliedhom u jipprovdulhom mhux biss il-futur imma wkoll il-ħtiġijiet elementari tal-ġurnata.  Bl-istess mod, ħafna minn dawk milqutin mill-problemi l-aktar gravi fid-dinja tal-lum, mill-vjolenza u l-intolleranza, sfaw refuġajti, imġegħlin traġikament jabbandunaw djarhom, miċħudin minn artijiethom u mill-libertà tagħhom. tisimgħuhom, u li jimmeritahom daqs qatt qabel kull sforz tagħkom għall-ġu

Dawn huma dawk li jeħtieġu l-għajnuna tagħkom, li b’vuċi għolja jitolbukom stizzja, għall-paċi u għas-solidarjetà.  San Pawl jgħidilna li għandna nifirħu ma’ min jifraħ u nibku ma’ min jibki  (cfr Rumani 12,15).  Fl-aħħar mill-aħħar, il-forza tagħna bħala komunità, f’kull livell tal-ħajja u ta’ organiżżazzjoni soċjali, ma tistriħx l-aktar fuq dak li nafu u l-ħiliet personali tagħna daqskemm fuq il-kumpassjoni li nuru lejn xulxin, fuq kemm nieħdu ħsieb xulxin speċjalment ta’ dawk li ma jistgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom.

Nittama wkoll li l-esperjenza tagħkom wasslitkom taraw x’inhu l-impenn tal-Knisja Kattolika fil-qadi tal-ħtiġijiet tal-foqra u tar-rifuġajti, fis-sapport li tagħti lill-familji u lill-komunitajiet biex tħares id-dinjità inaljenabbli u d-drittijiet ta’ kull membru tal-familja umana.  Aħna l-Insara nemmnu li Ġesù jsejħilna biex naqdu lil ħutna, biex nieħdu ħsiebhom huma min huma, ġejjin minn fejn ġejjin u jkunu x’ikunu ċ-ċirkostanzi li jinsabu fihom.  Madankollu din mhix xi ħaġa li jagħmluha l-Insara biss, imma hija sejħa universali b’għeruqha fl-umanità komuni, ħaġa li qiegħda ġo fina bħala persuni, u li tinsab fina bħala persuni umani!

Għeżież ħbieb żgħażagħ, lilkom u lill-familji tagħkom niżgurakom li nitlob għalikom.  Alla li jista’ kollox iberikkom bl-hena li Hu wiegħed li dawk li għandhom il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja u jaħdmu għall-paċi.  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber