Maestà,  Eccellenze,  Għeżież ħuti Isqfijiet, Għeżież Ħbieb,

Nirringrazzja lill-Mulej li stajt inżur ir-Renju Axemita tal-Ġordanja fuq il-passi tal-predeċessuri tiegħi Pawlu VI, Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI, u nirringrazzja lill-Maestà Tiegħu ir-re Abdullah II għall-kliem kordajli ta’ merħba, filwaqt li niftakar b’entużjażmu l-laqgħa reċenti li kellna ftit ilu fil-Vatikan.  Insellem ukoll lill-membri tal-Familja Rjali, tal-Gvern u l-Poplu tal-Ġordanja, art għanja bl-istorja u b’reliġjożità ta’ tifsir kbir għall-Ebraiżmu, għall-Kristjaneżmu u għall-Iżlam.

Dan il-pajjiż jilqa’ fih b’ġenerożità għadd kbir ta’ rifuġjati Palestinjani, Iraqini, u minn postijiet oħra maħkunim minn kriżijiet, parikolarment il-qariba Sirja, li ilha mħarbta għal żmien wsiq twil.  Din l-akkoljenza tagħkom timmerita. Maestà, l-istima u s-sapport tal-komunità internazzjonali.  Il-Knisja Kattolika, fil-limiti tal-possibiltajiet tagħha, trid timpenja ruħha biex tgħin lir-rifuġjati u li min jeħtieġ, l-aktar permezz tal-Caritas Ġordanja.

Filwaqt li bi swied il-qalb nosserva  li għad hemm tensjonijiet kbar fir-reġjun tal-Lvant Nofsani, nirringrazzja lill-awtoritajiet tar-Renju għal dak li jagħmlu u ninkoraġġihom biex ikomplu jimpenjaw ruħhom fit-tiftix tal-paċi dejjiema tant mixtieqa f’dan ir-reġjun kollu.  Għal dan il-għan hemm ħtieġa urġenti ta’ soluzzjoni paċifika tal-kriżi Sirjana, minbarra soluzzjoni ġusta għall-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.

Nieħu din l-opportunità biex inġedded minn qiegħ qalbi r-rispett u l-istima tiegħi lejn il-komunità Musulmana, u nuri l-apprezzament tiegħi għall-irwol gwida tal-Maestà Tiegħu ir-Re biex jippromwovi fehim aktar ċar tal-virtuwjiet mistqarra mill-Iżlam u għall-konvivenza serena bejn il-fidili tar-reliġjonijiet differenti.  Inti magħruf bħala bniedem tal-paċi u awtur tal-paċi: grazzi!  Nesprimi rikonoxxenza lill-Ġordanja talli nkoraġġiet diversi inizjattivi importanti favur id-djalogu inter-reliġjuż għall-promozzjoni tal-fehim bejn il-Lhud, il-Kristjani u l-Musulmani, fosthom il-“Messaġġ Inter-reliġjuż ta’ Amman” u talli fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti ħalaq iċ-ċelebrazzjoni annwali tal-“Ġimgħa ta’ Armonija bejn ir-Reliġjonijiet

Issa rrid ngħaddi messaġġ mimli mħabba lill-komunitajiet Insara li hawn f’dan ir-Renju, komunitajiet preżenti fil-pajjiż sa minn żmien l-Appostli: dawn jagħtu l-kontribut tagħhom għall-ġid komuni tas-soċjetà li huma jagħmlu parti integrali minnha.  Minkejja li llum huma minoranza numerika, xorta għandhom iċ-ċans li fl-oqsma tal-edukazzjoni u tas-saħħa, permezz ta’ skejjel u sptarijiet, iwettqu xogħol ta’ kwalità li hu apprezzat, u jistgħu jistqarru bil-kalma il-fidi tagħhom, fir-rispett tal-libertà reliġjuża li hi dritt fundamentali tal-bniedem u li nawgura minn qalbi li jibqa’ jingħata importanza f’kull rokna tal-Lvant Nofani u tad-dinja kollha.  Dan jinvolvi kemm il-libertà individwali u kollettiva li wieħed isegwi l-kuxjenza tiegħu fejn tidħol ir-reliġjon, kif ukoll il-libertà tal-kult... il-libertà li wieħed jagħżel ir-reliġjon li jidhirlu li hi l-vera u li jistqarr fil-pubbliku it-twemmin tiegħu (Benedittu XVI, Eżortazzjoni Appsotolika Eccelsia in Medio Oriente, 26).  L-Insara jħossuhom u huma ċittadini bid-dritt u jridu jagħtu sehemhom fil-bini tas-soċjetà flimkien mal-konċittadini Musulmani billi joffru dak li hu speċifiku tagħhom.

Fl-aħħar nawgura b’mod speċjali paċi u prosperità lir-Renju tal-Ġordanja u lill-poplu, bl-awgurju li din iż-żjara tkun kontribut biex jissaħħu r-relazzjonijeit tajbin bejn il-Kristjani u l-Musulmani.  U jalla l-Mulej jiddefendina lkoll mill-biża’ tal-bidla li inti, Maetsà irriferejt għaliha.

Nirringrazzjakom tal-laqgħa kordajli u tal-kortesija tagħkom.  Alla li jista’ kollox u ta’ Ħniena jagħti lill-Maestà Tagħkkom l-hena u ħajja twila u jimla lill-Ġordanja bil-barkiet tiegħu.  Salam!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.